This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007D0134
2007/134/EC: Commission Decision of 2 February 2007 establishing the European Research Council (Text with EEA relevance )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta' Frar 2007 li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka Test b'rilevanza għaż-ŻEE
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta' Frar 2007 li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka Test b'rilevanza għaż-ŻEE
ĠU L 57, 24.2.2007, p. 14–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 286–291
(MT)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013D1220(01)
24.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
286 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta' Frar 2007
li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2007/134/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1982/2006/KE tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea (1) għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (mill-2007 sa l-2013), u b'mod partikulari l-Artikoli 2 u 3 tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku: “Ideat” li jimplimenta s-Seba' Programm ta' Qafas (2007-2013) tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 4(2) u (3) tagħha,
Billi:
(1) |
Taħt is-Seba' Programm ta' Qafas, il-Programm Speċifiku “Ideat” għandu l-għan li jappoġġa r-riċerka “fuq il-fruntieri ta' l-għarfien” immexxija minn riċerkaturi f'kull qasam tax-xjenza, ta' l-inġinerija u tat-tagħlim, imwettqa f'temi magħżulin mir-riċerkaturi stess. |
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE tistipula li l-Kummissjoni għandha twaqqaf Kunsill Ewropew tar-Riċerka (minn hawn 'il quddiem “l-ERC”), li għandu jkun il-mezz għall-implimentar tal-Programm Speċifiku “Ideat”. |
(3) |
Skond l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE, l-ERC għandu jkun magħmul minn Kunsill Xjentifiku indipendenti (minn hawn 'il quddiem “il-Kunsill Xjentifiku”), bl-appoġġ ta' struttura ddedikata ta' implimentazzjoni. |
(4) |
Il-Kunsill Xjentifiku għandu jkun magħmul minn xjenzati, inġiniera u akkademiċi ta' l-aqwa preġju, maħturin mill-Kummissjoni, u li jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom, mingħajr irbit ma' interessi estranji. Għandu jaġixxi skond il-mandat ipprovdut għalih fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE, u esklużivament bil-għan li jikseb il-miri xjentifiċi, teknoloġiċi u akkademiċi tal-Programm Speċifiku “Ideat”. |
(5) |
Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaħtar Segretarju Ġenerali b'mod indipendenti, li għandu jaġixxi taħt l-awtorità tiegħu. Fost l-oħrajn, is-Segretarju Ġenerali ser jgħin lill-Kunsill Xjentifiku biex jiżgura l-interazzjoni effettiva tiegħu ma' l-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni u mal-Kummissjoni, kif ukoll biex jissorvelja l-implimentazzjoni effettiva ta' l-istrateġija u tal-pożizzjonijiet tiegħu kif imwettqa mill-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni. |
(6) |
Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaħdem skond il-prinċipji ta' l-eċċellenza xjentifika, l-awtonomija, l-effiċjenza u t-trasparenza. Il-Kummissjoni għandha tiggarantixxi l-awtonomija u l-integrità tal-Kunsill Xjentifiku, u għandha tiżgura l-funzjonament tajjeb tiegħu. |
(7) |
Għandhom jitfasslu regoli dwar l-iżvelar ta' tagħrif minn membri tal-Kunsill Xjentifiku, mingħajr ħsara għar-regoli dwar is-sigurtà stipulati fl-Anness mar-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni wara d-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (3). |
(8) |
Id-dejta personali kollha marbuta mal-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandha tiġi pproċessata b'konformità mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (4). |
(9) |
Twaqqaf kumitat ta' esperti indipendenti u ta' livell għoli biex jagħżel il-membri fondaturi tal-Kunsill Xjentifiku. Wara konsultazzjoni wiesgħa fil-komunità xjentifika u akkademika, dan il-kumitat għamel rakkomandazzjonijiet, l-ewwelnett dwar il-fatturi u l-kriterji li għandhom ikunu applikati fl-għażla tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku, u t-tieninett dwar il-membri fondaturi nfushom. |
(10) |
Għandha titwaqqaf struttura ddedikata ta' implimentazzjoni bħala struttura esterna f'forma ta' aġenzija eżekuttiva, stabbilita minn att separat skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (5). |
(11) |
Sakemm din l-aġenzija eżekuttiva titwaqqaf u tibda ħidmitha, il-kompiti tagħha ta' implimentazzjoni għandhom jitwettqu minn servizz iddedikat tal-Kummissjoni. |
(12) |
L-impatt ta' din id-Deċiżjoni fuq il-baġit għandu jitqies fit-teħid tad-deċiżjoni dwar il-finanzjament fil-qafas tal-Programm Speċifiku “Ideat”, kif ukoll fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva tal-proposta tal-Kummissjoni għall-istruttura esterna. |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
KAPITOLU 1
IL-KUNSILL EWROPEW TAR-RIĊERKA
Artikolu 1
Stabbiliment
Huwa hawnhekk imwaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, għall-perjodu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni sal-31 ta' Diċembru 2013, għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku “Ideat”. Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka se jkun magħmul minn Kunsill Xjentifiku u struttura ddedikata ta' implimentazzjoni, kif stipulat hawn isfel.
KAPITOLU 2
IL-KUNSILL XJENTIFIKU
Artikolu 2
Stabbiliment
B'dan huwa stabbilit il-Kunsill Xjentifiku.
Artikolu 3
Kompiti
1. Il-Kunsill Xjentifiku se jkun fdat bil-kompiti stipulati fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni 2006/972/KE.
2. Fost l-oħrajn, il-Kunsill Xjentifiku se jfassal strateġija xjentifika globali, se jkollu awtorità sħiħa fuq deċiżjonijiet rigward it-tip ta' riċerka li għandu jkun iffinanzjat skond l-Artikolu 6(6) tad-Deċiżjoni 2006/972/KE, u se jiggarantixxi l-kwalità ta' l-attivitajiet mill-perspettiva xjentifika. Il-kompiti tiegħu se jkopru, b'mod partikolari, it-tfassil tal-programm annwali ta' ħidma, l-istabbiliment ta' proċess ta' reviżjoni minn esperti ugwali fil-qasam, kif ukoll il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kwalità ta' l-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku “Ideat”, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni.
Artikolu 4
Sħubija
1. Il-Kunsill Xjentifiku se jkun magħmul minn massimu ta' 22 membru.
2. Il-Kunsill Xjentifiku se jkun magħmul minn rappreżentanti tal-komunità xjentifika Ewropea li jkunu ta' l-aqwa preġju u li jkollhom l-għarfien espert xieraq, b'mod li tiġi żgurata diversità ta' oqsma ta' riċerka. Ir-rappreżentanti se jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom, mingħajr irbit ma' interessi politiċi jew ta' tip ieħor.
3. Il-membri fondaturi tal-Kunsill Xjentifiku, li ntgħażlu abbażi tal-fatturi u l-kriterji stipulati fl-Anness 1 u li jinsabu elenkati fl-Anness 2, b'dan huma maħturin.
4. Il-membri futuri se jinħatru mill-Kummissjoni abbażi tal-fatturi u l-kriterji stipulati fl-Anness 1, u permezz ta' proċedura ta' identifikazzjoni indipendenti u trasparenti miftiehma mal-Kunsill Xjentifiku, li tinkludi konsultazzjoni mal-komunità xjentifika u rapport lill-Parlament u lill-Kunsill. Il-ħatra ta' membri futuri għandha tkun ippubblikata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.
5. Il-membri għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod indipendenti minn kull influwenza esterna. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq b'kull kunflitt ta' interessi li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom.
6. Il-membri se jinħatru għal perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġġedded darba abbażi ta' sistema ta' rotazzjoni li tiżgura li l-ħidma tal-Kunsill Xjentifiku tibqa' dejjem għaddejja. Madankollu, membru jista' jinħatar għal perjodu ta' inqas minn dak massimu, biex b'hekk ikun hemm rotazzjoni fis-sħubija li ssir f'fażijiet suċċessivi. Il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinħatru membri oħra minflokhom jew il-perjodu tal-mandat tagħhom jiskadi.
7. Meta membru jirriżenja, jew meta perjodu ta' mandat li ma jistax jiġġedded ikun skada, il-Kummissjoni għandha taħtar membru ġdid.
8. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, sabiex tinżamm l-integrità u/jew il-kontinwità tal-Kunsill Xjentifiku, il-Kummissjoni tista' ttemm b'inizjattiva proprja l-perjodu ta' sħubija ta' membru.
9. Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku mhumiex se jitħallsu tal-ħidmiet tagħhom.
Artikolu 5
Prinċipji u metodi
1. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaħdem b'mod awtonomu u indipendenti.
2. Fejn ikun xieraq, il-Kunsill Xjentifiku għandu jikkonsulta mal-komunità xjentifika, akkademika u ta' l-inġinerija.
3. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaġixxi esklużivament bil-għan li jikseb il-miri xjentifiċi, teknoloġiċi u akkademiċi tal-Programm Speċifiku “Ideat”. Għandu jaġixxi b'integrità u rettitudni, u għandu jwettaq xogħlu bl-effiċjenza u bl-akbar trasparenza possibbli.
4. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jkun responsabbli lejn il-Kummissjoni, għandu jżomm interazzjoni kontinwa fil-qrib magħha u ma' l-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni, u għandu jistabbilixxi kull arranġament li jista' jkun meħtieġ għal dan il-għan.
5. It-tagħrif miksub matul il-ħidmiet m'għandux jinkixef jekk dak it-tagħrif, fil-fehma tal-Kummissjoni jew tal-President tal-Kunsill Xjentifiku, huwa marbut ma' kwistjonijiet kunfidenzjali.
6. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi t-tagħrif u l-għajnuna meħtieġa għall-ħidma tal-Kunsill Xjentifiku, sabiex dan ikun jista' jaħdem f'kundizzjonijiet ta' awtonomija u indipendenza.
7. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jibgħat rapporti regolari lill-Kummissjoni, u jipprovdi t-tagħrif u l-assistenza meħtieġa għall-kompiti obbligatorji ta' rrappurtar min-naħa tal-Kummissjoni (jiġifieri r-Rapport Annwali, ir-Rapport Annwali ta' l-Attivitajiet).
Artikolu 6
Tmexxija
1. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jeleġġi, minn fost il-membri tiegħu, President u żewġ Viċi-Presidenti. Skond ir-regoli ta' proċedura tal-Kunsill Xjentifiku, dawn għandhom jirrappreżentaw lill-Kunsill Xjentifiku, iservu ta' gwida u jgħinuh fl-organizzazzjoni tal-ħidma tiegħu, inkluża t-tħejjija ta' l-aġenda u tad-dokumenti għal-laqgħat.
2. Il-President u l-Viċi-Presidenti tal-Kunsill Xjentifiku jistgħu jkunu, fl-istess ħin, il-President u l-Viċi-Presidenti tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka rispettivament.
3. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaddotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, li għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dettaljati għall-elezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, kif ukoll kodiċi ta' kondotta biex ikunu ffaċċjati kunflitti potenzjali ta' interessi.
4. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jiltaqa' f'seduta plenarja bil-frekwenza meħtieġa minn ħidmitu.
5. Il-President tal-Kunsill Xjentifiku jista' jiddeċiedi li jsejjaħ laqgħat ristretti.
Artikolu 7
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (l-ERC)
1. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaħtar Segretarju Ġenerali b'mod indipendenti, li għandu jaġixxi taħt l-awtorità tiegħu. Fost l-oħrajn, is-Segretarju Ġenerali għandu jgħin lill-Kunsill Xjentifiku biex jiżgura l-interazzjoni effettiva tiegħu mal-Kummissjoni u ma' l-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni.
2. Il-kompiti tas-Segretarju Ġenerali għandhom ikunu ddefiniti mill-Kunsill Xjentifiku.Dawn il-kompiti għandhom jinkludu l-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni effettiva ta' l-istrateġija u tal-pożizzjonijiet addottati mill-Kunsill Xjentifiku, kif imwettqa mill-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni.
3. L-appoġġ għall-istabbilment u għall-attivitajiet tas-Segretarju Ġenerali għandu jkun żgurat mill-Programm Speċifiku “Ideat”.
4. Il-mandat tas-Segretarju Ġenerali ma għandux ikun itwal minn perjodu ta' 30 xahar, u jista' jiġġedded darba.
Artikolu 8
L-Ispejjeż tal-laqgħat
1. L-ispejjeż tal-vjaġġ, u, fejn meħtieġ, ta' l-għajxien, imħallsa mill-membri tal-Kunsill Xjentifiku biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom, għandhom ikunu rrimborżati mill-Kummissjoni skond ir-regoli tagħha dwar ir-rimborż ta' spejjeż għal esperti esterni. L-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-għajxien marbutin ma' laqgħat oħrajn li jkunu meħtieġa għall-ħidma tal-Kunsill Xjentifiku jistgħu jitħallsu wkoll mill-Kummissjoni. Dan il-ħlas huwa soġġett għall-approvazzjoni tagħha minn qabel. Dan għandu japplika għal laqgħat bejn membri tal-Kunsill Xjentifiku u bejn esperti u partijiet interessati esterni.
2. L-ispejjeż tal-laqgħat għandhom ikunu rrimborżati fuq il-bażi tat-talba annwali tal-Kunsill Xjentifiku, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni.
KAPITOLU 3
Artikolu 9
Struttura ddedikata ta' implimentazzjoni
L-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni għandha titwaqqaf bħala struttura eżekuttiva; sakemm l-istruttura eżekuttiva titwaqqaf u tibda ħidmitha, il-kompiti tagħha ta' implimentazzjoni għandhom jitwettqu minn servizz iddedikat tal-Kummissjoni.
KAPITOLU 4
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' l-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, 2 ta' Frar 2007.
Għall-Kummissjoni
Janez POTOČNIK
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 400, 30.12.2006, p. 243.
(3) ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).
ANNESS 1
Il-fatturi u l-kriterji għall-għażla tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku
Il-kompożizzjoni tal-Kunsill Xjentifiku għandha turi li l-Kunsill huwa kapaċi jipprovdi tmexxija xjentifika li tkun awtorevoli u totalment indipendenti, u li twaħħad l-għerf u l-esperjenza mal-viżjoni u l-immaġinazzjoni. Il-kredibbiltà tal-Kunsill Xjentifiku se tissejjes fuq il-bilanċ ta' karatteristiċi fost l-irġiel u n-nisa li l-Kunsill ikun magħmul minnhom. Dawn għandhom ikunu rifless kollettiv tal-firxa sħiħa tal-komunità tar-riċerka madwar l-Ewropa. Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandu jkollhom, f'livell individwali, reputazzjoni inkontestabbli għall-kapaċità ta' tmexxija tagħhom fil-qasam tar-riċerka, kif ukoll għall-indipendenza tagħhom u għall-impenn tagħhom lejn ir-riċerka. Bħala regola ġenerali, għandhom ikunu riċerkaturi professjonali li qegħdin jagħmlu riċerka fil-preżent jew għamluha dan l-aħħar, jew riċerkaturi li wrew tmexxija xjentifika fil-livell Ewropew jew internazzjonali. Mexxejja aktar żgħażagħ tal-ġenerazzjoni li jmiss għandhom jitqiesu wkoll.
Il-membri għandhom jirriflettu l-ambitu wiesa' tad-dixxiplina tar-riċerka, billi jħaddnu x-xjenzi eżatti u l-inġinerija, kif ukoll ix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi. Madankollu, ma għandhomx jitqiesu bħala rappreżentanti ta' dixxiplina waħda jew ta' linja partikulati ta' riċerka, u lanqas ma għandhom jaraw lilhom infushom b'tali mod; iżda għandu jkollhom viżjoni wiesgħa li tirrifletti bis-sħiħ fehim ta' l-iżviluppi importanti li jsiru fid-dinja tar-riċerka, inklużi r-riċerka interdixxiplinarja u dik multidixxiplinarja, kif ukoll fehim tal-ħtiġijiet ta' riċerka li jkun hemm fil-livell Ewropew.
Lil hinn mir-reputazzjoni ppruvata tagħhom bħala xjenzati u riċerkaturi, il-membri għandhom iġibu magħhom kollettivament firxa usa' ta' esperjenza, miksuba mhux biss madwar l-Ewropa iżda wkoll f'partijiet oħra tad-dinja magħrufin għar-riċerka. Din tista' tinkludi esperjenza f'oqsma bħall-appoġġ u l-promozzjoni tar-riċerka fundamentali; l-organizzazzjoni u t-tmexxija tar-riċerka u l-qsim ta' l-għarfien fl-universitajiet, fl-akkademji u fl-industrija; kif ukoll il-fehim ta' l-attivitajiet nazzjonali u internazzjonali ta' riċerka, ta' l-iskemi ta' ffinanzjar għar-riċerka relatati, u tal-kuntest politiku usa' li fih jinsab il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka.
Il-membri għandhom ikunu mera tal-komponenti varji tal-komunità tar-riċerka, kif ukoll tal-firxa ta' istituzzjonijiet xjentifiċi li jagħmlu riċerka; fosthom iridu jkunu inklużi riċerkaturi b'esperjenza, pereżempju, f'universitajiet, f'istituzzjonijiet ta' riċerka, f'akkademji, f'entitajiet ta' finanzjament, fir-riċerka fin-negozju u fl-industrija, eċċ. Il-membri għandhom jinkludu riċerkaturi b'esperjenza f'aktar minn pajjiż wieħed, waqt li wħud mill-membri għandhom jiġu mill-komunità ta' riċerka mhix Ewropea.
ANNESS 2
Elenku tat-22 membru fondatur tal-Kunsill Xjentifiku
|
Dr. Claudio BORDIGNON, San Raffaele Scientific Institute, Milan |
|
Prof. Manuel CASTELLS, Open University of Catalonia |
|
Prof. Paul J. CRUTZEN, Max Planck Institute for Chemistry, Mainz |
|
Prof. Mathias DEWATRIPONT, Université Libre de Bruxelles |
|
Dr. Daniel ESTEVE, CEA Saclay |
|
Prof. Pavel EXNER, Doppler Institute, Prague |
|
Prof. Hans-Joachim FREUND, Fritz-Haber-Institute, Berlin |
|
Prof. Wendy HALL, University of Southampton |
|
Prof. Carl-Henrik HELDIN, Ludwig Institute for Cancer Research |
|
Prof. Fotis C. KAFATOS, Imperial College London |
|
Prof. Michal KLEIBER, Polish Academy of Sciences |
|
Prof. Norbert KROO, Hungarian Academy of Sciences |
|
Prof. Maria Teresa V.T. LAGO, University of Porto |
|
Dr. Oscar MARIN PARRA, Instituto de Neurociencias de Alicante |
|
Prof. Lord MAY, University of Oxford |
|
Prof. Helga NOWOTNY, Wissenschaftszentrum, Wien |
|
Prof. Christiane N-SSLEIN-VOLHARD, Max-Planck-Institute for Developmental Biology, Tübingen |
|
Prof. Leena PELTONEN-PALOTIE, University of Helsinki & National Public Health Institute |
|
Prof. Alain PEYRAUBE, CNRS, Paris |
|
Dr. Jens R. ROSTRUP-NIELSEN, Haldor Topsoe A/S |
|
Prof. Salvatore SETTIS, Scuola Normale Superiore, Pisa |
|
Prof. Rolf M. ZINKERNAGEL, University of zurich |