Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22020D0644

    Deċiżjoni Nru 2/2020 tal-Kumitat għall-Kummerċ bejn L-UE u Singapore tas-27 ta’ April 2020 dwar l-interpretazzjoni, skont l-Artikolu 16.1(4)(d), tal-Artikoli 10.17 u 10.22 tal-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore fir-rigward ta’ bidliet fil-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal inbejjed, spirti, prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel irreġistrati f’Singapore [2020/644]

    PUB/2020/351

    ĠU L 150, 13.5.2020, p. 140–141 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 13/05/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/644/oj

    13.5.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 150/140


    DEĊIŻJONI Nru 2/2020 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ BEJN L-UE U SINGAPORE

    tas-27 ta’ April 2020

    dwar l-interpretazzjoni, skont l-Artikolu 16.1(4)(d), tal-Artikoli 10.17 u 10.22 tal-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore fir-rigward ta’ bidliet fil-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal inbejjed, spirti, prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel irreġistrati f’Singapore [2020/644]

    IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, u b’mod partikolari l-Artikolu 10.17, l-Artikolu 10.22 u l-Artikolu 16.1(4)(d) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Novembru 2019.

    (2)

    L-Artikolu 16.1 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat għall-Kummerċ, li, fost l-oħrajn, jissorvelja u jiffaċilita l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim, u jista’ jadotta interpretazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

    (3)

    L-Artikolu 10.17(3) tal-Ftehim jipprevedi indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw fit-territorju ta’ Parti rreġistrata fil-Parti l-oħra taħt il-leġislazzjoni nazzjonali tagħha li għandha tiġi elenkata fl-Anness 10-B għall-Ftehim.

    (4)

    L-Artikolu 10.18 tal-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà li tiġi emendata l-lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal inbejjed, spirti, prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness 10-B għall-Ftehim li għandhom jiġu protetti minn kull Parti skont is-Subtaqsima C (Indikazzjonijiet Ġeografiċi).

    (5)

    L-Artikolu 10.17(2) tal-Ftehim jistabbilixxi, fost l-oħrajn, proċedura ta’ oġġezzjoni u mezzi legali li jippermettu r-rettifika u l-kanċellazzjoni ta’ entrati fir-reġistru domestiku sabiex jitqiesu l-interessi leġittimi ta’ partijiet terzi li għandhom jiġu kkunsidrati.

    (6)

    L-Artikolu 10.22 tal-Ftehim jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, inkluż dawk elenkati fl-Anness 10-B għall-Ftehim.

    (7)

    Huwa xieraq li jiġi ċċarat il-mod li bih id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10.17 u 10.22 jitħaddmu flimkien. B’mod speċifiku, permezz tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar din l-interpretazzjoni vinkolanti, hu neċessarju li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn il-livell ta’ protezzjoni stabbilit skont l-Artikolu 10.22 tal-Ftehim u s-sistema għar-reġistrazzjoni u għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi stabbiliti minn kull Parti skont l-Artikolu 10.17 tal-Ftehim mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

    (8)

    F’dan il-kuntest, ir-Repubblika ta’ Singapore u l-Unjoni Ewropea, jaqblu, għaldaqstant, li jenħtieġ li talbiet imressqa fil-21 ta’ Novembru 2019 jew lil hinn, permezz tas-sistema tal-Kwalifika tad-Drittijiet, għal bidliet fil-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati f’Singapore, għar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 10.22(5) tal-Ftehim jew għal raġunijiet oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 10.22 tal-Ftehim, ma jbiddlux il-protezzjoni mogħtija lill-indikazzjonijiet ġeografiċi elenkati fl-Anness 10-B għall-Ftehim, qabel ma l-Kumitat għall-Kummerċ ikun ingħata l-possibbiltà li jiddiskuti l-adegwatezza tal-bidliet li l-aċċettazzjoni ta’ tali talbiet tista’ tinvolvi għall-elenkar tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fl-Anness 10-B għall-Ftehim.

    (9)

    Il-Partijiet jifhmu li l-interpretazzjoni vinkolanti preżenti tikkostitwixxi interpretazzjoni applikabbli mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Kwalunkwe bidla fil-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal inbejjed, spirti, prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel irreġistrati f’Singapore u elenkati fl-Anness 10-B għall-Ftehim, ġejja minn xi applikazzjoni tal-Kwalifika tad-Drittijiet għar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 10.22(5) tal-Ftehim u mitluba fil-21 ta’ Novembru 2019 jew lil hinn, ma tistax issir fin-nuqqas ta’ deċiżjoni pożittiva tal-Kumitat għall-Kummerċ rigward l-emenda korrispondenti tal-Anness 10-B għall-Ftehim.

    Artikolu 2

    L-interpretazzjoni prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika wkoll għal bidliet fil-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal inbejjed, spirti, prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel irreġistrati f’Singapore u elenkati fl-Anness 10-B għall-Ftehim li jkunu ġejjin minn kwalunkwe applikazzjoni tal-Kwalifika tad-Drittijiet mitluba fil-21 ta’ Novembru 2019 jew lil hinn għal raġunijiet differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 10.22 tal-Ftehim.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.


    Top