EUR-Lex Hozzáférés az európai uniós joghoz

Vissza az EUR-Lex kezdőlapjára

Ez a dokumentum az EUR-Lex webhelyről származik.

Dokumentum 32021R0070

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/70 tat-23 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar id-dixxiplina tas-saldu, fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tiegħu (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/7186

ĠU L 27, 27.1.2021., 1—2. o. (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

A dokumentum hatályossági állapota Hatályos

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/70/oj

27.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/1


IR-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/70

tat-23 ta’ Ottubru 2020

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar id-dixxiplina tas-saldu, fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tiegħu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 7(15) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 (2) jispeċifika l-miżuri għall-prevenzjoni u l-indirizzar ta’ fallimenti tas-saldu, u biex iħeġġu d-dixxiplina fis-saldu. Dawn il-miżuri jinkludu l-monitoraġġ ta’ fallimenti ta’ saldu kif ukoll il-ġbir u d-distribuzzjoni ta’ penali fi flus kontanti għal fallimenti ta’ saldu. Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 jispeċifika wkoll id-dettalji operazzjonali tal-proċess ta’ xiri sfurzat.

(2)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2021.

(3)

Il-parteċipanti fis-suq indikaw li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt qawwi fuq l-implimentazzjoni ġenerali tal-proġetti regolatorji u t-twassil tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika (IT) li huma meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229. Matul dan iż-żmien bla preċedent, l-istituzzjonijiet finanzjarji qed jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza effettivi biex jiżguraw ir-reżiljenza operazzjonali u ċibernetika ta’ kuljum, li llimitaw il-kapaċità tal-IT tal-istituzzjonijiet li jwettqu ċerti proġetti kumplessi, inkluż għal dawk meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dixxiplina tas-saldu stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229. L-applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti mis-CSDs, il-parteċipanti u l-klijenti tagħhom f’ tali kuntest tista’ twassal għal żieda fir-riskju fis-suq finanzjarju minflok ma ttaffih. Għaldaqstant, huwa xieraq li dawn il-partijiet ikkonċernati jingħataw aktar żmien biex ilestu t-tħejjijiet meħtieġa u rikjesti għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-dixxiplina tas-saldu. Meta wieħed iqis in-natura bla preċedent tas-sitwazzjoni maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19 u l-bidliet meħtieġa fis-sistema li jenħtieġ li s-CSDs, il-parteċipanti tagħhom u l-klijenti tagħhom jgħaddu minnhom biex jikkonformaw mar-rekwiżiti differenti tad-dixxiplina tas-saldu, hemm bżonn differiment tad-dħul fis-seħħ attwali tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229..

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 jiġi emendat kif xieraq.

(5)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA).

(6)

L-ESMA ma wettqet l-ebda konsultazzjoni pubblika miftuħa, billi din titqies sproporzjonata ħafna minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt mistenni tad-differiment tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229. L-ESMA qieset il-kontribut mogħti preċedentement mill-parteċipanti fis-suq rigward it-tħejjija għall-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi imprevisti, huwa urġenti li tingħata ċ-ċertezza tad-dritt dwar id-data l-ġdida tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 sabiex il-parteċipanti fis-suq iħejju għall-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament. Madankollu l-ESMA wettqet analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati mad-differiment tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Fl-iżvilupp tal-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, l-ESMA kkooperat ukoll mal-membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 42 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 42

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2022.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 tal-25 ta’ Mejju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar id-dixxiplina tas-saldu (ĠU L 230, 13.9.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


Az oldal tetejére