EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32014R0772

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 772/2014 tal-14 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli dwar l-intensità tal-għajnuna pubblika li għandha tiġi applikata għan-nefqa eliġibbli totali ta' ċerti operazzjonijiet iffinanzjati taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

ĠU L 209, 16.7.2014, p. 47–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/772/oj

16.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/47


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 772/2014

tal-14 ta' Lulju 2014

li jistabbilixxi r-regoli dwar l-intensità tal-għajnuna pubblika li għandha tiġi applikata għan-nefqa eliġibbli totali ta' ċerti operazzjonijiet iffinanzjati taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 95(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 jistabbilixxi fl-Artikolu 95(1) regoli ġenerali fir-rigward l-intensità tal-għajnuna pubblika li għandha tiġi applikata għan-nefqa eliġibbli totali ta' operazzjoni ffinanzjata taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (“FEMS”).

(2)

Permezz ta' deroga, l-Artikolu 95(4) jipprovdi għal punti perċentwali addizzjonali ta' intensità tal-għajnuna pubblika applikabbli għal tipi speċifiċi ta' operazzjonijiet li huma stabbiliti fl-Anness I tar- Regolament (UE) Nru 508/2014. Fl-istess ħin, sabiex ma jipperikolawx is-sostenibbiltà tar-riforma tal-politika komuni tas-sajd (“PKS”), l-Artikoli 94(3)(c) u l-Artikolu 69(2) tar- Regolament (UE) Nru 508/2014 jillimitaw l-appoġġ tal-FEMS għal ċerti tipi ta' operazzjonijiet billi jimponu rata ta' kofinanzjament mnaqqsa. Din il-loġika hija riflessa wkoll fil-livelli differenti ta' punti perċentwali addizzjonali ta' intensità ta' għajnuna elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 508/2014. Il-konformità ma' ċerti kundizzjonijiet tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tista' għalhekk twassal għal żieda ta' punti perċentwali ta' intensità tal-għajnuna pubblika jew għandha twassal għal tnaqqis ta' punti perċentwali ta' intensità tal-għajnuna pubblika.

(3)

Hu għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat li l-akkumulazzjoni ta' punti perċentwali addizzjonali ta' intensità tal-għajnuna f'każ ta' konformità ma' diversi kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta' operazzjoni waħda ma tipperikolax l-objettivi tal-PKS u ma twassalx għal kumpens żejjed jew distorsjoni eċċessiva tar-regoli tas-suq fis-setturi tas-sajd u l-akwakultura.

(4)

Għalhekk, fejn operazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 li jippermettu żieda addizzjonali ta' punti perċentwali, l-Istati Membri jistgħu japplikaw intensità ta' għajnuna pubblika akbar. Madankollu, fil-każ ta' konformità ma' aktar minn kundizzjoni waħda tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 li jippermetti għal bosta żidiet f'punti perċentwali f'dak li għandu x'jaqsam ma' operazzjoni waħda, iż-żieda possibbli għandha tkun limitata għall-akbarżieda. Madankollu, fil-każ ta' konformità ma' aktar minn kundizzjoni waħda tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 li jimponi tnaqqis fil-punti perċentwali f'dak li għandu x'jaqsam ma' operazzjoni waħda, it-tnaqqis għandu jkun limitat għall-akbar tnaqqis.

(5)

Fl-aħħarnett, sabiex ikun hemm konformità ma' obbligu biex jitnaqqsu punti perċentwali għal ċerti tipi ta' operazzjonijiet stipulati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, fejn operazzjoni tista' tibbenefika minn waħda jew diversi żidiet u tnaqqis ta' punti perċentwali fl-istess ħin minħabba l-konformità ma' diversi kriterji skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, iż-żidiet possibbli għandhom jiġu injorati u l-akbar tnaqqis biss għandu jiġi applikat.

(6)

Sabiex il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu jistgħu jiġu applikati mingħajr dewmien, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Intensità speċifika tal-għajnuna pubblika

Fejn diversi kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tar- Regolament (UE) Nru 508/2014 huma sodisfati fir-rigward ta' operazzjoni waħda, id-diversi żidiet u tnaqqis perċentwali addizzjonali ta' intensità tal-għajnuna pubblika kif hemm provdut f'dak l-Anness għandhom japplikaw kif ġej:

(a)

jekk bosta żidiet f'punti perċentwali huma applikabbli skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, biss l-akbar minn dawn iż-żidiet jista' japplika;

(b)

jekk bosta tnaqqis f'punti perċentwali huwa applikabbli skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, biss l-akbar minn dan it-tnaqqisjista' japplika;

(c)

jekk operazzjoni tista' tibbenefika minn wieħed jew bosta żidiet addizzjonali ta' punti perċentwali u fl-istess ħin tnaqqis jew aktar ta' punti perċentwali huwa applikabbli kif imsemmi fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, għandu japplika l-akbar tnaqqis biss;

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.


Fuq