Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0704(01)

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2017 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Ungerija skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva)

    ĠU C 214, 4.7.2017, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    4.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 214/3


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-8 ta’ Mejju 2017

    dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Ungerija skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva)

    (2017/C 214/04)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tagħha,

    Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2010/13/UE,

    Billi:

    (1)

    B’ittra tal-20 ta’ Frar 2017, l-Ungerija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar ċerti miżuri mittieħda skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE.

    (2)

    Il-Kummissjoni vverifikat, fi żmien tliet xhur minn meta waslitilha din in-notifika, li dawn il-miżuri huma kumpatibbli mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżuri u t-trasparenza tal-proċedura ta’ konsultazzjoni nazzjonali.

    (3)

    Fl-istħarriġ tal-miżuri, il-Kummissjoni qieset id-dejta disponibbli dwar is-suq awdjoviżiv Ungeriż, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt fuq is-suq televiżiv.

    (4)

    Il-lista tal-avvenimenti ta’ importanza maġġuri għas-soċjetà ġiet elenkata mill-Ungerija b’mod ċar u trasparenti, wara konsultazzjoni pubblika estensiva.

    (5)

    Abbażi ta’ evidenza dettaljata u ta’ ċifri dwar l-għadd ta’ telespettaturi mwassla mill-awtoritajiet Ungeriżi, il-Kummissjoni vverfikat li l-lista ta’ avvenimenti nominati li ġiet elenkata skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE ssodisfat tal-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin li jitqiesu bħala indikaturi affidabbli tal-importanza tat-tali avvenimenti għas-soċjetà: (i) għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fi ħdan l-Istat Membru, u mhumiex sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu l-isport jew l-attività konċernata; (ii) għandhom importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni tal-Istat Membru, b’mod partikolari bħala katalista għall-identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li dak l-avveniment tradizzjonalment ixxandar fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni bla ħlas u kien segwit minn udjenza televiżiva kbira.

    (6)

    Il-lista notifikata ta’ avvenimenti ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà fiha għadd ta’ avvenimenti magħżula, li jitqiesu bħala avvenimenti ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà, bħall-Olimpjadi tas-Sajf u tax-Xitwa li jinvolvu s-sehem tat-tim nazzjonali Ungeriż jew xi atleta/i Ungeriż. Kif intwera mill-awtoritajiet Ungeriżi, l-Olimpjadi tas-Sajf u tax-Xitwa huma partikolarment popolari mal-pubbliku ġenerali, mhux biss ma’ dawk li normalment isegwu avvenimenti sportivi. Dawn l-avvenimenti jsegwuhom ukoll udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi mingħajr ħlas.

    (7)

    Il-logħbiet tal-ftuħ, tal-kwarti tal-finali, tas-semifinali u tal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-FIFA u tal-Kampjonat Ewropew tal-UEFA huma meqjusa wkoll bħala avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Kif intwera mill-awtoritajiet Ungeriżi, dawn l-avvenimenti għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fl-Ungerija, għax huma partikolarment popolari mal-pubbliku ġenerali, mhux biss ma’ dawk li normalment isegwu avvenimenti sportivi. Jinvolvu tim nazzjonali li jilgħab f’turnew internazzjonali ta’ importanza ewlenija. Dawn l-avvenimenti jsegwuhom ukoll udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi mingħajr ħlas.

    (8)

    Il-lista tinkludi wkoll il-partiti kollha li t-tim nazzjonali Ungeriż tal-irġiel lagħab fit-Tazza tad-Dinja tal-FIFA u fil-Kampjonat Ewropew tal-UEFA, kif ukoll il-logħob tal-kwalifikazzjoni għal dawn l-avvenimenti u l-logħobiet ta’ ħbiberija uffiċjali. Kif intwera mill-awtoritajiet Ungeriżi, dawn l-avvenimenti għandhom reżonanza ġenerali speċjali fis-soċjetà Ungeriża, mhux biss ma’ dawk li normalment isegwu l-futbol. Jinvolvu tim nazzjonali li jilgħab f’turnew internazzjonali ta’ importanza ewlenija. Dawn l-avvenimenti jsegwuhom ukoll udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi mingħajr ħlas.

    (9)

    Il-Finali taċ-Champions League tal-UEFA, u l-logħob tal-UEFA Champions League u tal-Europa League tal-UEFA bil-parteċipazzjoni ta’ xi tim minn klabb Ungeriż huma meqjusa wkoll bħala avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Dawn l-avvenimenti għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fis-soċjetà Ungeriża, peress li huma popolari mal-pubbliku inġenerali u mhux biss fost udjenzi tradizzjonali tal-partiti tal-futbol. Jinvolvu wkoll timijiet minn klabbs Ungeriżi li jilgħabu f’turnew internazzjonali ta’ importanza ewlenija. Dawn l-avvenimenti jsegwuhom udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi mingħajr ħlas.

    (10)

    Il-partiti tal-Irġiel u tan-Nisa tal-Kampjonat Ewropew tal-Handball EHF bis-sehem tat-tim nazzjonali Ungeriż huma meqjusa wkoll bħala avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà. L-awtoritajiet Ungeriżi jsemmu li dawn għandhom reżonanza ġenerali speċjali fl-Ungerija li tmur ‘il hinn mid-dilettanti ta’ din id-dixxiplina sportiva. Dawn normalment jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ xi tim nazzjonali Ungeriż u jiġbdu lejhom udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi mingħajr ħlas.

    (11)

    Il-lista tinkludi wkoll il-partiti kollha tal-EHF Champions League u tal-EHF Champions League tan-Nisa bis-sehem ta’ timijiet minn klabbs Ungeriżi. Kif intwera mill-aworitajiet Ungeriżi, dawn l-avvenimenti għandhom reżonanza ġenerali speċjali fis-soċjetà Ungeriża, mhux biss ma’ dawk li normalment isegwu l-handball. Jinvolvu timijiet minn klabbs Ungeriżi li jilgħabu f’turnew internazzjonali. Dawn l-avvenimenti jsegwuhom ukoll udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi mingħajr ħlas.

    (12)

    Il-partiti tal-FINA Water Polo World League tal-Irġiel u l-LEN Champion’s League bis-sehem tat-tim nazzjonali Ungeriż ukoll tqiesu bħala avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà. L-awtoritajiet Ungeriżi jsemmu li dawn għandhom reżonanza ġenerali speċifika fl-Ungerija li mhix limitata biss għal dawk li ordinarjament isegwu dan l-isport. L-interess partikolari u estensiv huwa msaħħaħ mill-fatt li t-tim nazzjonali Ungeriż gawda minn suċċess konsiderevoli f’dawn it-turnej. Dawn jinvolvu t-tim nazzjonali li jilgħab f’turnew internazzjonalii. Dawn l-avvenimenti jsegwuhom udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi mingħajr ħlas.

    (13)

    Il-lista tinkludi wkoll il-Grand Prix tal-Formula One Ungeriż li jitqies bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Kif intwera mill-aworitajiet Ungeriżi, dan l-avveniment għandu reżonanza ġenerali speċjali fis-soċjetà Ungeriża, mhux biss ma’ dawk li normalment isegwu dan l-isport. Dan l-avveniment jsegwuh ukoll udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandar fuq kanali televiżivi mingħajr ħlas.

    (14)

    Il-miżuri magħżula ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri l-protezzjoni tad-dritt ta’ informazzjoni u ta’ aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Din il-konklużjoni tqis il-metodi li skonthom se jixxandru l-avvenimenti inkwistjoni, id-definizzjoni ta’ “xandar li jikkwalifika”, ir-rwol tal-Kunsill tal-Midja Ungeriż fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jqum waqt l-implimentazzjoni tal-miżuri, u l-fatt li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista ta’ avvenimenti se tapplika għal avvenimenti li għalihom il-kuntratti dwar drittijiet esklussivi jiġu konklużi wara li d-deċiżjoni tkun daħlet fis-seħħ. Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż li l-effetti tad-dritt għall-proprjetà, kif previsti fl-Artikolu 17 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, ma jmorrux lil hinn minn dak li hu intrinsikament marbut mal-inklużjoni tal-avveniment fil-lista prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE.

    (15)

    Għall-istess raġunijiet, il-miżuri Ungeriżi jidhru li huma proporzjonati sabiex jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju fundamentali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif stipulat fl-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-interess pubbliku superjuri għandu jiżgura aċċess estensiv għall-pubbliku għal xandiriet ta’ avvenimenti ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà. Barra minn hekk, il-miżuri Ungeriżi ma jikkostitwixxu l-ebda diskriminazzjoni jew esklużjoni mis-suq kontra xi xandara, detenturi tad-drittijiet jew operaturi ekonomiċi oħra ta’ Stati Membri oħra.

    (16)

    Il-miżuri magħżula huma, barra minn hekk, kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Id-definizzjoni tax-xandara li jikkwalifikaw għax-xandir tal-avvenimenti elenkati ssejset fuq kriterji oġġettivi, li jippermettu kompetizzjoni reali u potenzjali għall-akkwist tad-drittijiet biex jixxandru dawn l-avvenimenti. Barra minn hekk, l-għadd ta’ avvenimenti magħżula mhuwiex tant sproporzjonat li jwassal għal tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-swieq downstream tat-televiżjoni mingħajr ħlas u tat-televiżjoni bi ħlas. Għaldaqstant, jista’ jitqies li l-effetti tal-libertà tal-kompetizzjoni ma jmorrux lil hinn minn dak li hu intrinsikament marbut mal-inklużjoni tal-avveniment fil-lista prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE.

    (17)

    Il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri li ttieħdu mill-Ungerija, u ppreżentat ir-riżultati tal-verifika tagħha lill-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2010/13/UE. Il-Kumitat adotta opinjoni favorevoli,

    IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    1.   Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Ungerija, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, u nnotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(2) ta’ dik id-Direttiva, huma kompatibbli mal-Liġi tal-Unjoni.

    2.   Il-miżuri, kif mittieħda mill-Ungerija, għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Mejju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Andrus ANSIP

    Viċi President


    (1)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.


    Top