Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.
Документ 52010AE0450
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘The Integration of immigrant workers’ (exploratory opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti” (opinjoni esploratorja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti” (opinjoni esploratorja)
ĠU C 354, 28.12.2010г., стр. 16—22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
28.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 354/16 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti” (opinjoni esploratorja)
2010/C 354/03
Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS
F’ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, is-Sur Diego López Garrido, Segretarju tal-Istat għall-Unjoni Ewropea fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni, f’isem il-Presidenza Spanjola futura, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, sabiex ifassal opinjoni esploratorja dwar
L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Frar 2010.
Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010 (seduta tas-17 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’138 vot favur, 5 voti kontra u 8 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u proposti
1.1 Il-KESE jenfasizza l-valur miżjud Ewropew tal-politiki tal-impjieg u l-politiki tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni. Politiki purament nazzjonali ma jaħdmux; se jkun meħtieġ li jissaħħu s-sisien ta’ dawn il-politiki.
1.2 Immigranti rġiel u nisa qed jagħtu kontribut pożittiv lill-iżvilupp ekonomiku u l-benesseri fl-Ewropa. Bħala riżultat taċ-ċirkostanzi demografiċi tagħha, l-UE se jkollha ddaħħal iktar immigranti ġodda.
1.3 Jeħtieġ li jitjiebu l-proċessi ta’ integrazzjoni fl-interessi kemm tal-effiċjenza ekonomika kif ukoll tal-koeżjoni soċjali. L-impjieg huwa l-aspett ewlieni tal-integrazzjoni.
1.4 L-integrazzjoni hija proċess soċjali bidirezzjonali tal-akkomodazzjoni reċiproka li għandu jiġi ffaċilitat permezz ta’ governanza tajba u leġiżlazzjoni soda. Il-KESE jitlob lill-Kunsill biex jadotta Direttiva li tiggarantixxi qafas komuni tad-drittijiet għall-ħaddiema immigranti, u biex isaħħaħ il-leġiżlazzjoni eżistenti kontra d-diskriminazzjoni.
1.5 L-integrazzjoni fuq il-post tax-xogħol, flimkien ma’ opportunitajiet u trattament indaqs, tirrappreżenta sfida għall-imsieħba soċjali wkoll. Jeħtieġ li dawn iħeġġuha fl-ambitu tan-negozzjar kollettiv u d-djalogu soċjali, inkluż fil-livell Ewropew. Jeħtieġ li l-ħaddiema immigranti jkollhom attitudni pożittiva favur l-integrazzjoni.
1.6 In-negozji qed jiffunzjonaw f’ambjent fejn dejjem qed tiżdied id-diversità. Dawn għandhom jadottaw approċċ pożittiv għad-diversità kulturali sabiex tiżdied l-integrazzjoni kif ukoll l-opportunitajiet.
1.7 Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni titlob opinjoni esploratorja dwar il-ħolqien ta’ pjattaforma Ewropea għal djalogu dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, kif stipulat fil-Programm ta’ Stokkolma.
2. Kamp ta’ applikazzjoni tal-opinjoni
2.1 Il-Presidenza Spanjola talbet lill-KESE jfassal opinjoni esploratorja dwar kif l-UE tista’ tintegra aħjar lill-ħaddiema immigranti. Għalhekk f’din l-opinjoni l-Kumitat ser jikkonċentra fuq l-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti fl-impjieg u fuq aspetti oħra direttament jew indirettament relatati mas-suq tax-xogħol.
2.2 L-aspetti ġenerali tal-politika tal-immigarazzjoni u l-integrazzjoni ser jiġu ttrattati biss jekk dawn jaffettwaw l-opinjoni direttament. Il-Kumitat adotta numru ta’ opinjonijiet dwar l-integrazzjoni (1) b’lenti aktar ġenerali, u fassal opinjoni fuq inizjattiva proprja ffokata fuq it-tisħiħ tal-integrazzjoni fl-aġenda tal-politika soċjali l-ġdida tal-UE, f’oqsma bħalma huma l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-saħħa, id-djar, il-politika tal-familja u taż-żgħażagħ, il-faqar, l-esklużjoni soċjali, eċċ.
2.3 L-Ewropa għandha ssaħħaħ l-attenzjoni tagħha fuq l-integrazzjoni fi ħdan il-politika komuni tal-integrazzjoni. Il-Kumitat waqqaf grupp ta’ studju permanenti dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni biex dan jaħdem mal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni.
2.4 It-Trattat ta’ Lisbona għandu bażi legali aktar solida (2) biex l-UE tipprovdi “appoġġ għall-azzjoni tal-Istati Membri bl-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fit-territorju tagħhom”.
3. L-immigranti jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u l-benesseri tal-Ewropa
3.1 Dawn l-aħħar snin l-Ewropa laqgħet bosta persuni minn pajjiżi terzi bħala emigranti li qed ifittxu opportunitajiet ġodda. Madankollu, il-politiki restrittivi implimentati minn bosta gvernijiet Ewropej jillimitaw ir-reklutaġġ legali ta’ ħaddiema immigranti mill-kumpaniji.
3.2 Fir-Rapport 2008 dwar l-Impjieg fl-Ewropa (3), il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-immigranti taw kontribut sinifikanti għat-tkabbir ġenerali tal-impjiegi u tal-ekonomija fl-UE mill-2000 ’l hawn, billi għenu biex jiġi ffaċċjat in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, u billi żiedu l-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol.
3.2.1 Fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (2009/2010) (4), il-Kummissjoni turi li għalkemm l-UE għaddejja minn kriżi fejn qed jinqerdu l-impjiegi, ċerti Stati Membri u kategoriji tal-impjieg għadhom qed ibatu minn nuqqas ta’ ħaddiema. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tissaħħaħ l-integrazzjoni ta’ dawk l-immigranti li diġà waslu u li nltaqtu b’mod partikulari mill-kriżi, u tħeġġeġ ukoll lill-kumpaniji biex jiddiversifikaw il-forzi tax-xogħol tagħhom u jintroduċu “karti tad-diversità”.
3.3 Mis-sena 2000, 21 % tat-tkabbir tal-PDG u 25 % tal-impjiegi l-ġodda fl-UE nħolqu bis-saħħa tal-kontribut tal-immigranti, tant li t-tkabbir f’ċerti setturi ekonomiċi kien jistaġna jew jonqos kieku ma kinux magħmula fil-parti l-kbira minn ħaddiema immigranti, kemm irġiel kif ukoll nisa.
3.4 Wieħed għandu jiftakar li r-restrizzjonijiet marbuta maċ-ċittadini mill-Istati Membri l-ġodda li qed jaħdmu fl-UE tneħħew minn bosta pajjiżi (ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Isvezja, eċċ.).
3.5 Il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-importanza tal-ispirtu intraprenditorjali li juru bosta immigranti, li bdew in-negozju tagħhom fl-Ewropa u b’hekk għenu biex jinħolqu l-impjiegi u jiġi ġġenerat il-ġid, minkejja li l-liġijiet tal-immigrazzjoni ħafna drabi joħolqulhom ostakli li huma diffiċli ħafna biex jingħelbu.
3.6 Minkejja li l-intensità tal-flussi ta’ migrazzjoni varjat bejn l-Istati Membri tal-UE, jidher li t-tkabbir ekonomiku u tal-impjieg kien l-akbar f’dawk il-pajjiżi li żammew l-akbar numru ta’ immigranti. F’ċerti Stati Membri, inklużi Spanja, ir-Renju Unit, l-Irlanda u l-Italja, il-persentaġġ huwa aktar għoli (5).
3.7 Iż-żieda tal-immigrazzjoni fis-soċjetajiet Ewropej tqajjem ukoll problemi ġodda u toħloq sfida kbira għall-koeżjoni soċjali. Is-soċjetajiet Ewropej qed jiffaċċaw għadd kbir ta’ problemi soċjali minħabba l-immigrazzjoni u dawn jirrikjedu approċċ komprensiv kif diġà ppropona l-KESE f’opinjonijiet oħra.
3.8 Il-Kumitat jemmen li dawn il-problemi soċjali (razziżmu, delinkwenza, vjolenza marbuta mas-sessi, marġinalizzazzjoni, falliment fl-iskola, eċċ.) huma xhieda qawwija tal-ħtieġa li tittejjeb l-integrazzjoni. Il-gvern, speċjalment fil-livell lokali, ta’ spiss jinħakem minn dawn il-problemi.
3.9 Ix-xandir kultant jieħu approċċ sensazzjonalista dwar il-kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni, li jqajjem tħassib fost il-poplu. Barra minn hekk, ċerti mexxejja politiċi jużaw dawn il-problemi b’mod opportunista irresponsabbli.
3.10 Il-Kumitat jinnota bi tħassib li r-razziżmu u l-ksenofobija qed jinxterdu f’bosta setturi soċjali. Il-partiti u l-movimenti estremisti jisfruttaw il-problemi ġġenerati mill-immigrazzjoni sabiex ixerrdu l-biża’ fost il-popolazzjoni u biex jippromovu politiki vjolenti u intolleranti li jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem.
3.11 Ir-razziżmu huwa kklassifikat bħala delitt kriminali, iżda ħafna drabi l-awtoritajiet politiċi u l-mexxeja tas-soċjetà juru livelli inaċċettabli ta’ tolleranza għalih. Jeħtieġ li l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji, dawk responsabbli mill-formazzjoni tal-opinjoni, ix-xandir u l-personaġġi politiċi jibdlu l-attitudni tagħhom u jiġġieldu r-razziżmu b’aktar determinazzjoni u pedagoġija soċjali.
4. L-immigrazzjoni fl-Ewropa ser tiżdied fil-ġejjieni
4.1 Il-qagħda demografika fl-UE tindika li, bħala riżultat ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u ta’ rata baxxa ta’ twelid, is-swieq tax-xogħol se jkollhom bżonn il-parteċipazzjoni ta’ għadd kbir ta’ ħaddiema immigranti. Skont it-tbassir demografiku l-aktar riċenti tal-Eurostat, il-popolazzjoni f’età tajba għax-xogħol ser tibda tonqos wara l-2012, anki jekk l-immigrazzjoni tul dawn l-għaxar snin tinżamm għal 1,5 miljun fis-sena. Il-popolazzjoni f’età tajba għax-xogħol se tonqos b’14-il miljun, sakemm il-flussi ta’ migrazzjoni ma jiżdidux tul l-għaxar snin li ġejjin.
4.2 Min-naħa l-oħra, nafu li l-mobilità internazzjonali tal-ħaddiema ser tiżdied madwar id-dinja, peress li ħafna persuni f’pajjiżi terzi qed ikollhom jemigraw minħabba nuqqas ta’ xogħol deċenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, u wħud minnhom jixtiequ jiġu l-Ewropa sabiex ifittxu opportunitajiet ġodda kemm ta’ xogħol kif ukoll personali.
4.3 Il-KESE jara x-xewqa ta’ immigranti ġodda li jiffukaw il-proġetti ta’ migrazzjoni tagħhom fuq l-Ewropa bħala opportunità kbira.
4.4 Il-Kumitat jikkunsidra li jinħtieġu politiki li jtejbu l-integrazzjoni soċjali biex il-ħaddiema immigranti jsibu l-opportunitajiet li qed ifittxu, u biex is-soċjetajiet Ewropej jiksbu koeżjoni aħjar: is-suċċess tal-proġetti ta’ migrazzjoni – mil-lat kemm tal-ħaddiema immigranti kif ukoll tas-soċjetajiet ospitanti – jiddependi minn kif iseħħu l-proċessi ta’ integrazzjoni.
4.5 Il-kriżi ekonomika u ż-żieda fil-qgħad qed jaffettwaw is-setturi kollha tas-soċjetà, il-ħaddiema lokali u l-immigranti. Id-data tas-suq tax-xogħol madwar l-Ewropa tindika li l-ħaddiema immigranti bi ftit kwalifiki li għandhom impjieg ta’ kwalità baxxa huma l-ewwel vittmi tal-kriżi, u li l-immigranti nisa huma aktar affettwati mill-qgħad.
4.6 Minkejja r-riċessjoni attwali u ż-żieda fil-qgħad fl-Ewropa, it-tbassir demografiku juri li ladarba tgħaddi l-kriżi u l-livelli ta’ tkabbir ekonomiku u tal-impjieg jerġgħu jirkupraw, se jkunu meħtieġa immigranti ġodda sabiex dawn jissodisfaw il-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol Ewropej, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull Stat Membru.
5. Il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar id-dħul: l-isfida li jmiss
5.1 Minn mindu l-UE, għaxar snin ilu, bdiet miexja fit-triq li għandha twassal għal politika komuni tal-immigrazzjoni, l-akbar diffikultà tinsab fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni li tirregola d-dħul ta’ immigranti ġodda, peress li kull Stat Membru kellu leġiżlazzjoni b’approċċ differenti.
5.2 Il-politiki u l-liġijiet tal-immigrazzjoni u l-aċċess għall-impjieg huma marbuta mal-iżviluppi tas-suq tax-xogħol. Bħala riżultat ta’ dan, l-imsieħba soċjali għandu jkollhom parti attiva, iżda l-politiki u l-liġijiet għandhom ikunu bbażati wkoll fuq il-konformità mad-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti.
5.3 Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-leġiżlazzjoni tal-immigrazzjoni għandha tiffaċilita l-integrazzjoni u tqis lill-ħaddiem immigranti bħala ċittadini ġodda, bnedmin bi drittijiet li għandhom jiġu salvagwardjati u mhux biss bħala forza tax-xogħol minn fejn jistgħu jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol.
5.4 L-imsieħba soċjali għandhom jipparteċipaw fil-livelli differenti kollha. Il-Kumitat jinnota b’interess il-proposta tal-Kummissjoni biex titwaqqaf pjattaforma Ewropea ta’ djalogu dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni tax-xogħol, li fiha jkunu jistgħu jieħdu sehem l-imsieħba soċjali.
5.5 Il-KESE ppropona politika komuni tal-immigrazzjoni u leġiżlazzjoni armonizzata sabiex l-immigranti jaslu permezz ta’ mezzi legali, u biex jiġu ttrattati b’mod ġust, biex ikunu mħarsa d-drittijiet fundamentali tagħhom u biex titjieb l-integrazzjoni.
5.6 Madankollu, l-Ewropa ma laqgħatx lill-immigranti b’leġiżlazzjoni u politiki adatti. Anzi, minħabba n-natura restrittiva ta’ ħafna mill-politiki u mil-liġijiet nazzjonali, bosta immigranti daħlu permezz ta’ kanali irregolari u qed ikollhom jaħdmu fl-ekonomija informali. Il-Kumitat jemmen li l-UE għandha tieħu inizjattivi ġodda sabiex ix-xogħol informali jinbidel f’xogħol legali.
5.7 Il-Kumitat iqis li l-iffaċilitar tal-proċeduri għall-immigrazzjoni legali ser inaqqas l-immigrazzjoni irregolari u r-riskju li ċerti ħaddiema irregolari jsiru vittmi ta’ netwerks kriminali involuti fil-kutrabandu u fit-traffikar tal-persuni. Il-Programm ta’ Stokkolma jinkludi inizjattivi ġodda tal-UE għall-ġlieda kontra dawn in-netwerks kriminali.
5.8 Il-KESE huwa tal-fehma li dawn il-politiki restrittivi għandhom impatt negattiv ħafna fuq il-proċessi ta’ integrazzjoni peress li dawn il-politiki jagħżlu lill-immigranti bħala persuni mhux mixtiqin u mhux aċċettati.
5.9 Dawn il-politiki kultant kienu akkumpanjati minn attitudnijiet politiċi u soċjali fejn l-immigrazzjoni tpinġiet f’termini kriminali, li ġġeneraw l-esklużjoni u ppromovew il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni.
5.10 Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil issa ser jiġi implimentat tul is-snin li ġejjin permezz tal-Programm ta’ Stokkolma. Bit-Trattat ta’ Lisbona x’aktarx l-adozzjoni tal-ftehimiet fil-Kunsill se tkun iktar faċli, u l-kodeċiżjoni tal-Parlament Ewropew ser tiffaċilita l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni.
5.11 Il-KESE kien jippreferi leġiżlazzjoni orizzontali, iżda l-Kunsill u l-Kummissjoni għażlu d-direttivi settorjali. Dan l-aħħar ġiet adottata d-Direttiva dwar il-Karta Blu (6) sabiex jiġi ffaċilitat id-dħul ta’ ħaddiema bi kwalifiki għolja. Il-Kummissjoni beħsiebha tfassal proposti ġodda għal direttivi fix-xhur li ġejjin.
5.12 Il-Kumitat huwa tal-fehma li huwa kruċjali għall-UE li jkollha leġiżlazzjoni adegwata dwar id-dħul peress li l-integrazzjoni hija assoċjata mill-qrib mat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-KESE appoġġja (7) (għalkemm ippropona li jsir xi titjib) id-Direttiva Qafas dwar id-drittijiet tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi proposta mill-Kummissjoni (8), li għadha qed tiġi diskussa mill-Kunsill. L-approċċ li ttieħed fil-verżjoni li bħalissa qed jaħdem fuqha l-Kunsill la hu suffiċjenti u lanqas aċċettabbli għas-soċjetà ċivili u għall-Kumitat.
5.13 Il-Kunsill għandu jadotta d-Direttiva Qafas sabiex jiżgura livell adegwat ta’ drittijiet għall-ħaddiema immigranti kollha u biex jipprevjeni d-diskriminazzjoni. Il-Kumitat jipproponi li l-Presidenza Spanjola tal-UE terġa’ tiftaħ id-dibattitu fil-Kunsill dwar id-Direttiva Qafas sabiex tiġi adottata malajr bil-kondizzjoni litkun tinkludi sett adatt ta’ drittijiet komuni fl-UE kollha, fuq il-bażi tat-trattament ugwali b’mod partikulari fir-rigward tad-drittijiet soċjali u dawk tax-xogħol għall-ħaddiema immigranti.
5.14 Dan l-aħħar il-KESE adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja fejn ħeġġeġ li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni (9). Din tipproponi qafas avvanzat ta’ drittijiet u obbligi. Hemm bżonn ukoll li tiġi riformata d-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja.
6. L-impjieg huwa l-element ewlieni fil-proċess tal-integrazzjoni
6.1 L-integrazzjoni hija proċess soċjali bidirezzjonali ta’ adattament reċiproku li jinvolvi kemm lill-immigranti kif ukoll lis-soċjetà ospitanti. Dan huwa l-ewwel wieħed fost il-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-integrazzjoni li ġew adottati mill-Kunsill fl-2004.
6.2 L-integrazzjoni tirrikjedi tmexxija b’saħħitha min-naħa tal-awtoritajiet, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet. Il-politiki pubbliċi jistgħu jiffaċilitaw dawn il-proċessi soċjali, u l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili huwa kruċjali wkoll. F’opinjoni preċedenti (10), il-KESE enfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.
6.3 Il-ħaddiema immigranti għandu jkollhom attitudni favorevoli wkoll għall-integrazzjoni, u għandhom jagħmlu sforz sabiex jitgħallmu l-lingwa, il-liġijiet u d-drawwiet tas-soċjetà ospitanti.
6.4 Il-KESE, flimkien mal-Kummissjoni, huwa impenjat fl-attivitajiet tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, u jixtieq għal darba oħra jenfasizza l-importanza li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu involuti u kkonsultati fil-livelli varji tal-governanza.
6.5 L-integrazzjoni ta’ persuni ta’ oriġini ta’ immigrant tmur lil hinn mid-dinja tax-xogħol koperta minn din l-opinjoni, peress li l-integrazzjoni hija speċjalment importanti fid-dimensjoni tal-familja, fl-iskejjel u l-universitajiet, il-bliet u l-viċinat, l-istituzzjonijiet reliġjużi, l-organizzazzjonijiet sportivi u kulturali, eċċ.
6.6 Ix-xogħol jirrappreżenta parti fundamentali tal-proċess tal-integrazzjoni soċjali, peress li x-xogħol deċenti huwa vitali għall-awtosuffiċjenza tal-immigranti u jiffaċilita r-relazzjonijiet soċjali u l-fehim reċiproku bejn is-soċjetà ospitanti u l-immigranti.
6.7 L-Ewropa soċjali hija bbażata fuq ix-xogħol, u l-integrazzjoni hija kruċjali għall-iżvilupp ta’ Ewropa soċjali. In-negozji Ewropej huma atturi soċjali vitali u huma kemm ikkonċernati mill-integrazzjoni kif ukoll impenjati fiha.
6.8 Il-kriżi ekonomika u ż-żieda fil-qgħad qed idgħajfu l-proċessi ta’ integrazzjoni u qed jiggravaw għadd ta’ kunflitti fi ħdan is-soċjetà u s-suq tax-xogħol. Il-KESE huwa tal-fehma li f’dawn iċ-ċirkostanzi jeħtieġ li l-isforzi favur l-integrazzjoni jiġu rduppjati minn dawk kollha involuti: l-immigranti, l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.
6.9 Il-ħaddiema immigranti Ewropej iridu jiġu ttrattati b’mod ġust peress li huma protetti mill-konvenzjoniijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mill-prinċipji u l-liġijiet stabbiliti fil-konvenzjonijiet tal-ILO. F’opinjoni oħra (11), il-KESE elenka d-drittijiet u l-obbligi li l-leġiżlazzjoni Ewropea għandha tiggarantixxi lill-ħaddiema immigranti.
6.10 Il-KESE jemmen li l-leġiżlazzjoni u l-politiki pubbliċi għandhom jiġu appoġġjati minn kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali peress li l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol hija wkoll kwistjoni ta’ attitudni soċjali u ta’ impenn min-naħa tat-trejdjunjins u ta’ min iħaddem.
6.11 Is-servizzi pubbliċi tal-impjieg għandhom jagħtu spinta ’l quddiem lill-programmi biex jgħinu lill-immigranti jsibu xogħol u dawn il-programmi għandhom jinkludu għajnuna għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, it-titjib tat-tagħlim tal-lingwa u tat-taħriġ professjonali mingħajr diskriminazzjoni, u l-għoti ta’ informazzjoni adegwata dwar is-sistemi tal-impjieg fil-pajjiż ospitanti.
6.12 It-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, l-assoċjazzjonijiet tal-immigranti, u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili għandhom rwol ewlieni fit-tixrid tal-informazzjoni u biex jgħinu lill-immigranti jsibu xogħol.
6.13 Ħafna mill-kumpaniji fl-Ewropa huma ta’ daqs żgħir jew medju. Dawn jipprovdu impjieg għall-maġġoranza tal-popolazzjoni ta’ ħaddiema, inklużi l-immigranti. Bħala konsegwenza ta’ dan il-proċessi tal-integrazzjoni soċjali jseħħu l-aktar fl-SME s.
7. It-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni bħala l-pilastri tal-integrazzjoni
7.1 Il-KESE jemmen li l-akkoljenza u t-trattament li l-awtoritajiet u n-negozji jagħtu tal-ħaddiema immigranti huma fundamentali; dawn ta’ spiss isibu lilhom infushom fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ ħaddiema mill-pajjiż ospitanti.
7.2 Għalkemm is-sitwazzjoni tvarja minn Stat Membru għal ieħor, bħalma jvarjaw il-liġijiet tax-xogħol u l-prattiki soċjali, fl-Ewropa bosta ħaddiema immigranti jesperjenzaw żvantaġġi u diffikultajiet biex isibu impjieg kif ukoll in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħhom. Barra minn hekk, dawn ħafna drabi ma jitkellmux il-lingwa, u ma jkunux familjari mal-liġijiet, id-drawwiet u l-istituzzjonijiet soċjali lokali.
7.3 Il-punt tat-tluq huwa leġiżlazzjoni soda kontra d-diskriminazzjoni, iżda fil-livell nazzjonali għad hemm leġiżlazzjoni li tiddiskrimina bejn il-ħaddiema lokali u dawk immigranti, u b’mod partikolari prattiki diskriminatorji diretti jew indiretti fir-rigward tal-ħaddiema minħabba l-oriġini nazzjonali, etnika jew kulturali tagħhom.
7.4 It-trattament ugwali u l-politiki tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jirrappreżentaw il-pilastri tal-politiki ta’ integrazzjoni. Bħala riflessjoni tal-attenzjoni bidirezzjonali tiegħu dwar l-integrazzjoni, il-Kumitat jemmen li n-negozji, it-trejdjunjins u l-awtoritajiet għandhom jiżguraw trattament ugwali għall-ħaddiema immigranti tagħhom u għandhom jipprevjenu kull forma ta’ diskriminazzjoni.
7.5 Min iħaddem u l-ħaddiema immigranti għandhom jirrispettaw l-istandards tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi fis-seħħ f’kull kumpanija jew settur, skont il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali. Il-Kumitat jenfasizza li r-razziżmu u d-diskriminazzjoni huma forom ta’ imġiba kriminali li għandhom jiġu ppenalizzati wkoll fil-kumpaniji skont il-liġi tax-xogħol.
7.6 Sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni fix-xogħol, il-ħaddiema immigranti għandhom jiġu infurmati dwar il-liġijiet tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi tal-post tax-xogħol tagħhom.
7.7 Ambjent politiku u soċjali li huwa favur l-integrazzjoni jagħmilha aktar faċli għall-ħaddiema immigranti biex dawn isegwu rotot fid-direzzjoni tal-integrazzjoni u programmi li l-awtoritajiet għandhom jipprovdulhom, bħalma huma t-tagħlim tal-lingwi, tal-liġijiet u tad-drawwiet.
7.8 Id-Direttiva tal-UE dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (12) u d-Direttiva dwar it-trattament ugwali irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (13) huma essenzjalment strumenti legali għat-tfassil ta’ leġiżlazzjoni u prattiki fl-Istati Membri kontra d-diskriminazzjoni u favur l-integrazzjoni fix-xogħol.
7.9 Dan l-aħħar il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar id-Direttiva l-ġdida kontra d-diskriminazzjoni (14), li tikkomplementa d-direttivi diġà fis-seħħ. Il-KESE ressaq ukoll opinjoni li tappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni u tirrakkomanda li titqies id-diskriminazzjoni multipla. Malli din id-direttiva l-ġdida tiġi adottata, din se testendi l-prinċipju tannondiskriminazzjoni għal oqsma bħalma huma l-edukazzjoni, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali u d-djar.
7.10 Il-KESE huwa tal-fehma li d-direttivi kontra d-diskriminazzjoni ma ġewx trasposti sew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u b’hekk ċerti Stati Membri għad m’għandhomx liġijiet sodi kontra d-diskriminazzjoni. Malli tiġi adottata d-Direttiva l-ġdida, din se tkun strument leġiżlattiv pożittiv ħafna.
7.11 L-imsieħba soċjali, li huma l-atturi ewlenin fit-tħaddim tas-swieq tax-xogħol, u li huma l-bażi fundamentali tal-ħajja ekonomika u soċjali Ewropea, għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-integrazzjoni. Fil-kuntest tan-negozjar kollettiv, dawn għandhom jassumu r-responsabbiltà tagħhom fl-integrazzjoni tal-immigranti, jeliminaw id-diskriminazzjoni diretta jew indiretta mill-ftehimiet kollettivi u mil-liġijiet u l-prattiki tal-impjieg.
7.12 Fir-rigward tan-negozjar kollettiv, b’mod speċjali fil-kumpaniji, għandhom jitwaqqfu mekkaniżmi sabiex jiġi żgurat li l-aċċess għall-prattiki tal-impjieg u tar-reklutaġġ jikkonformaw mal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali. F’dan ir-rigward, huwa ta’ importanza partikulari li jkun hemm strumenti li jistgħu jipprevjenu mhux biss id-diskriminazzjoni diretta iżda wkoll dik indiretta
7.13 Madankollu, fil-preżent it-trattament ugwali fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, fil-prattika, mhuwiex garantit għal ħafna ħaddiema immigranti. L-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet tax-xogħol għandhom jintroduċu arranġamenti għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, u għandhom ikunu proattivi fil-promozzjoni tal-ugwaljanza.
7.14 Qed jinħolqu żewġ tipi ta’ impjiegi fl-Ewropa: impjiegi ta’ kwalità għolja għall-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej u għall-immigranti bi kwalifiki għoljin, u impjiegi ta’ livell baxx għall-maġġoranza tal-immigranti. Għalhekk l-impjieg ta’ livell baxx huwa wkoll fattur ta’ diskriminazzjoni meta l-immigranti jintużaw bħala forza tax-xogħol għal xogħol “aktar vulnerabbli”.
7.15 Il-KESE ħeġġeġ f’għadd ta’ opinjonijiet li l-Istati Membri għandhom itejbu l-arranġamenti għar-rikonoxximent tal-kwalifiki (15), u li l-UE għandu jkollha sistema għar-rikonoxximent tal-kwalifiki li tkun tista’ tintuża mill-ħaddiema immigranti (16). Bosta immigranti qed jaħdmu f’kumpaniji Ewropej f’livelli iktar baxxi mill-kwalifiki tagħhom.
7.16 Bosta immigranti qed ibatu wkoll minn żvantaġġi u diskriminazzjoni fir-rigward ta’ żvilupp tal-karriera u l-promozzjoni. Il-liġijiet tax-xogħol, il-ftehimiet kollettivi u l-prattika tan-negozju għandhom iħaddnu l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali ta’ promozzjoni għall-ħaddiema. Hija r-responsabbiltà tal-imsieħba soċjali li jniedu inizjattivi ġodda f’dan ir-rigward.
7.17 It-taħriġ vokazzjonali huwa strument ta’ importanza kbira għat-titjib tal-kapaċità li l-ħaddiema immigranti jiġu impjegati, għalkemm ċerti liġijiet u prattiki nazzjonali jeskludu jew jillimitaw liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi. Il-KESE huwa tal-fehma li l-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba soċjali għandhom jiffaċilitaw l-aċċess tal-ħaddiema immigranti għat-taħriġ b’kundizzjonijiet ugwali.
7.18 Uħud mill-Istati Membri jikkooperaw man-negozji biex jipprovdu programmi ta’ taħriġ fil-pajjiżi ta’ oriġini qabel ma jingħata permess ta’ residenza, sabiex tingħata l-għajnuna liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi fl-integrazzjoni tagħhom fix-xogħol meta dawn jaslu fl-Ewropa.
7.19 L-Unjoni Ewropea għadha ma solvietx b’mod sodisfaċenti l-kwistjoni tal-possibbiltà li jiġu ttrasferiti d-drittijiet tal-pensjoni għall-ħaddiema Ewropej. Il-ħaddiema immigranti jesperjenzaw ukoll għadd ta’ problemi minħabba l-liġijiet nazzjonali li ma jissalvagwardjawx sew id-drittijiet tal-pensjoni miksuba meta jkunu qed jaħdmu fl-Ewropa. Ir-raġunijiet għal dan huma varji, u jiddependu mill-liġijiet u l-ftehimiet nazzjonali ma’ pajjiżi terzi.
7.20 Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tieħu passi leġiżlattivi sabiex tagħmilha aktar faċli li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-pensjoni tal-ħaddiema immigranti fl-UE meta dawn jibdlu l-pajjiż ta’ residenza tagħhom fl-UE stess, meta jmorru lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew meta jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor.
7.21 It-trejdjunjins għandhom jilqgħu fosthom lill-ħaddiema immigranti u jgħinuhom jiksbu pożizzjonijiet rappreżentattivi u maniġerjali. Ħafna mit-trejdjunjins fl-Ewropa implimentaw l-aħjar prattiki sabiex jiggarantixxu t-trattament ugwali u biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni.
7.22 Il-KESE jemmen li huma meħtieġa politiki attivi u impenji ġodda min-naħa tal-imsieħba soċjali sabiex jiġu promossi attitudnijiet soċjali li jħeġġu l-integrazzjoni, it-trattament ugwali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Id-djalogu soċjali Ewropew jista’ jipprovdi qafas adegwat li jippermetti lill-imsieħba soċjali jieħdu impenji ġodda.
7.23 L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali investigat (17) id-diskriminazzjoni fix-xogħol fuq bażi etnika fis-swieq tax-xogħol Ewropej, u kkonfermat li hemm livell għoli ta’ diskriminazzjoni minkejja l-leġiżlazzjoni.
8. Il-ġestjoni tad-diversità
8.1 Is-soċjetajiet Ewropej dejjem qed isiru iktar diversi, u din id-diversità se tiżdied fil-ġejjieni. L-immigranti ma jistgħux jintegraw sew fix-xogħol sakemm ma jkunx hemm viżjoni pożittiva tad-diversità kulturali, li dejjem qed tkun ta’ interess akbar għan-negozji u l-ħaddiema.
8.2 Il-kumpaniji l-kbar għandhom il-kultura ta’ negozju tagħhom stess li ħolqu matul iż-żmien fost il-ħaddiema tagħhom, fl-ambjent soċjali u fil-konnessjonijiet tagħhom mal-klijenti.
8.3 Il-kumpaniji Ewropej iwettqu n-negozju tagħhom fi bliet li dejjem qed isiru aktar diversi. Il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Fondazzjoni ta’ Dublin, permezz tan-netwerk CLIP (18), għaqqdu l-esperjenzi tagħhom bil-ħsieb li jkabbru d-diversità fl-impjiegi pubbliċi.
8.4 Id-diversità kulturali li ġejja mill-immigrazzjoni tippreżenta sfida ġdida li trid tiġi ffaċċjata jekk il-kultura tan-negozju trid titwessa’ sabiex tintegra ħaddiema ġodda fil-livelli kollha: fil-livell għoli u medju tal-ġestjoni u fil-bqija tal-forza tax-xogħol.
8.5 Il-globalizzazzjoni qed tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji biex joperaw f’ambjenti soċjali u kulturali ġodda, u fi swieq ġodda bi klijenti minn kulturi differenti.
8.6 Ħafna kumpaniji jirrikonoxxu l-valur tal-ġestjoni tad-diversità. L-avvanz matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin lejn ekonomija tas-servizzi tat iktar valur lill-kuntatt bejn il-kumpaniji u l-klijenti tagħhom; barra minn hekk, il-globalizzazzjoni ġiegħlet lin-negozji jfittxu swieq ġodda madwar id-dinja. Il-klijenti u l-utenti avviċinati mill-kumpaniji huma dejjem aktar diversi.
8.7 Il-ġestjoni effikaċi ta’ din id-diversità fi ħdan il-kumpaniji tippermetti li jiġu sfruttati aħjar il-ħiliet tal-ħaddiema kollha ta’ oriġini u kulturi diversi, u twassal għal relazzjonijiet esterni tal-kumpaniji aktar effettivi f’suq li huwa divers ukoll.
8.8 Il-kumpaniji li jimmaniġġjaw tajjeb id-diversità qegħdin f’pożizzjoni aħjar biex jisfruttaw “it-talenti” minn kwalunkwe post fid-dinja u biex jattiraw il-klijenti fis-swieq il-ġodda. Barra minn hekk, dawn jistgħu jkabbru l-kreattività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-impjegati tagħhom sakemm il-ħaddiema tagħhom kollha (inklużi dawk immigranti) jaħdmu fi klima li twassal għal dan.
8.9 In-negozji żgħar fl-Ewropa ta’ spiss ma jkollhomx dipartimenti ddedikati għall-ġestjoni tar-riżorsi umani. Għaldaqstant, dawn jeħtieġu l-appoġġ ta’ strutturi speċjalizzati pprovduti mill-awtoritajiet u mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.
8.10 Il-ġestjoni tad-diversità hija bbażata fuq l-applikazzjoni stretta ta’ miżuri għat-trattament ugwali u nnondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, madankollu, din tinvolvi l-introduzzjoni ta’ programmi ta’ akkoljenza għall-ħaddiema immigranti, miżuri għar-rispett tad-differenzi kulturali, sistemi ta’ komunikazzjoni li jirriflettu d-diversità lingwistika; proċeduri ta’ medjazzjoni għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, eċċ.
8.11 Jeħtieġ li jkun hemm taħriġ għall-ġestjoni tad-diversità. It-taħriġ f’kumpanija jista’ japplika għal gruppi varji: il-maniġers ta’ livell għoli, il-maniġers ta’ livell medju, u l-forza tax-xogħol inġenerali, kif ukoll it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.
8.12 Il-kumpaniji, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem kollha għandu jkollhom servizzi speċjalizzati ta’ ġestjoni tad-diversità sabiex jippromovu l-inizjattivi, jevalwaw ir-riżultati u jinkoraġġixxu l-bidla.
8.13 L-awtoritajiet pubbliċi ser ikunu mitluba jikkontribwixxu għall-ġestjoni tad-diversità fil-kumpaniji, inkluż permezz ta’ inċentivi ekonomiċi u fiskali bħala appoġġ għal negozji li jfasslu l-pjani ta’ diversità tagħhom, u jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattika, l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ u l-kampanji ta’ promozzjoni.
9. Id-diffikultajiet tal-integrazzjoni fl-ekonomija informali u l-immigrazzjoni irregolari
9.1 Il-ħaddiema immigranti irregolari “mingħajr dokumenti” huma obbligati jaħdmu fl-ekonomija u l-impjiegi informali, u dan iżid il-piż relattiv tagħhom f’dawk l-Istati Membri li għandhom l-akbar numru ta’ immigranti irregolari.
9.2 Ħafna drabi l-immigranti irregolari jkunu vittmi ta’ sfruttament fix-xogħol minn ċerti persuni li jħaddmu, u għandha tittieħed azzjoni legali kontrihom.Il-KESE adotta opinjoni (19) dwar il-proposta għal direttiva li tipproponi sanzjonijiet kontra dawk li jħaddmu li jisfruttaw lill-immigranti irregolari.
9.3 Il-ħaddiema nisa mingħajr dokumenti f’impjieg domestiku qegħdin f’pożizzjoni vulnerabbli ħafna, li f’ċerti każijiet twassal għal tip ta’ skjavitù. Ċerti liġijiet nazzjonali ma jiggarantixxux bis-sħiħ id-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali għal dan it-tip ta’ xogħol. Dawn il-problemi jkomplu jaggravaw għal nies li s-sitwazzjoni tagħhom hija rregolari u li jaħdmu fl-ekonomija s-sewda. Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni tniedi inizjattivi ġodda sabiex tiżgura protezzjoni aħjar tad-drittijiet tax-xogħol u tal-professjoni ta’ dawn il-ħaddiema nisa.
9.4 Dawn l-aħħar snin ċerti liġijiet nazzjonali kkriminalizzaw l-assoċjazzjonijiet umanitarji li jgħinu lill-persuni f’sitwazzjoni irregolari sabiex jevitaw l-esklużjoni soċjali tagħhom u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom. Il-Kumitat javża li dawn il-liġijiet imorru kontra d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju morali tas-solidarjetà. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija ta’ Vjenna għandhom jevalwaw dawn is-sitwazzjonijiet u jirrispondu bl-inizjattiva meħtieġa.
9.5 Peress li l-integrazzjoni soċjali hija aktar diffiċli meta l-immigranti jkunu jinsabu f’sitwazzjoni irregolari, il-Kumitat kien issuġġerixxa li jiġu introdotti proċeduri ta’ regolamentazzjoni individwalizzata għall-ħaddiema irregolari filwaqt li titqies l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Dan għandu jkun ibbażat fuq l-inizjattiva tal-Kunsill Ewropew fil-qafas tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (20), fejn sar qbil li jintużaw regolarizzazzjonijiet każ b’każ skont il-liġi nazzjonali, għal raġunijiet umanitarji jew ekonomiċi, b’mod speċjali f’setturi ekonomiċi b’konċentrazzjonijiet għolja ta’ persuni f’sitwazzjoni irregolari.
10. Xi inizjattivi tal-Programm ta’ Stokkolma
10.1 Il-Kummissjoni pproponiet li titwaqqaf pjattaforma Ewropea ta’ djalogu dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni tax-xogħol, li tiġbor flimkien lil min iħaddem, lit-trejdjunjins, lill-aġenziji tal-impjieg u partijiet interessati oħra.
10.2 Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni ssegwi l-istess proċedura bħal dik għat-twaqqif tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, u li titlob opinjoni esploratorja tul l-2010. Il-Kumitat, b’kontribut mill-partijiet interessati kollha, imbagħad ikun jista’ jipproponi kif għandha titwaqqaf il-pjattaforma Ewropea, li se jkun jixtieq jikkoopera magħha.
10.3 Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-UE tadotta kodiċi tal-immigrazzjoni biex tiżgura lill-immigranti legali livell uniformi ta’ drittijiet li jkun kumparabbli ma’ dak taċ-ċittadini Ewropej. Din il-verżjoni kodifikata ta’ testi leġiżlattivi eżistenti ser tinkludi kwalunkwe emenda li tkun meħtieġa biex tissemplifika jew tispjega iktar id-dispożizzjonijiet eżistenti u ttejjeb l-implimentazzjoni tagħhom.
10.4 Il-KESE jemmen li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha timxi id f’id ma’ qafas komuni tad-drittijiet (status Ewropew) li jiżgura r-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-immigranti fl-Ewropa, irrispettivament mit-tip ta’ xogħol li jagħmlu jew mill-istatus legali tagħhom. Jekk id-direttiva qafas li qed tiġi diskussa fil-Kunsill tiġi adottata u tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni, din ser tirrappreżenta strument legali b’saħħtu għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-immigranti.
10.5 Il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippreżenta Kodiċi Ewropew dwar l-Immigrazzjoni, sakemm dan jieħu l-forma ta’ proposta leġiżlattiva li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali tal-immigranti u livell uniformi ta’ drittijiet kumparabbli ma’ dawk taċ-ċittadini Komunitarji.
Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 27, 3.2.2009; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29;
ĠU C 80, 30.3.2004 (mhux disponibbli bil-Malti);
ĠU C 318, 23.12.2006 (mhux disponibbli bil-Malti);
ĠU C 125, 27.5.2002 (mhux disponibbli bil-Malti);
ĠU C 208, 3.9.2003 (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) Artikolu 79.
(3) COM (2008) 758 finali.
(4) COM (2009) 674 finali.
(5) The Economic and Fiscal Impact of Immigrants, National Institute of Economic and Social Research, Ottubru 2007, u Coyuntura española – Los efectos de la inmigración sobre el empleo y los salarios, Informe Mensual de la Caixa, nru 295 (“Is-sitwazzjoni ekonomika attwali fi Spanja – l-effetti tal-immigrazzjoni fuq l-impjiegi u l-pagi”, Ir-rapport ta’ kull xahar tal-Bank La Caixa), Ottubru 2006.
(6) Direttiva KE/2009/50.
(7) ĠU C 27, 3.2.2009, p. 114.
(8) COM (2007) 638 finali.
(9) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29.
(10) ĠU C 318, 23.12.2006 (mhux disponibbli bil-Malti).
(11) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29.
(12) Direttiva KE/2000/78.
(13) Direttiva KE/2000/43.
(14) P6_TA (2009) 0211.
(15) Ara b’mod partikulari ĠU C 162, 25.6.2008, p. 90.
(16) Ara, fost oħrajn, ĠU C 218, 11.9.2009.
(17) Stħarriġ tal-EU-MIDIS dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea: Rapport dwar ir-Riżultati Ewlenin, L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 9.12.2009.
(18) Cities for Local Integration Policy (CLIP – Bliet favur il-Politika tal-Integrazzjoni Lokali) – netwerk ta’ aktar minn 30 belt amministrati mill-Eurofound.
(20) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 13440/08, 24 ta’ Settembru 2008.