EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0201

Kawża C-201/09 P: Appell ippreżentat fit- 8 ta’ Ġunju 2009 minn ArcelorMittal Luxembourg SA mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) mogħtija fil- 31 ta’ Marzu 2009 fil-Kawża T-405/06, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 205, 29.8.2009, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/19


Appell ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 2009 minn ArcelorMittal Luxembourg SA mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) mogħtija fil-31 ta’ Marzu 2009 fil-Kawża T-405/06, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-201/09 P)

2009/C 205/33

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: ArcelorMittal Luxembourg SA, li qabel kienet Arcelor Luxembourg SA (rappreżentant: A. Vandencasteele, avukat)

Appellati: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ArcelorMittal Belval & Differdange, li qabel kienet Arcelor Profil Luxembourg SA, ArcelorMittal International, li qabel kienet Arcelor International SA

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-405/06 sa fejn tikkonferma, fil-konfront ta’ ArcelorMittal Luxembourg SA, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5342, tat-8 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [KEFA] dwar ftehim u prattiki miftiehma li jimplikaw lil produtturi Ewropej tat-travi (Każ COMP/F/38.907 — Travi tal-azzar);

tikkundanna lill-konvenuta fl-ewwel istanza għall-ispejjeż ta’ din l-istanza u ta’ dik quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tat-talbiet tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li għandu żewġ partijiet, l-appellanti ssostni, minn naħa, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 97 KEFA u wettqet abbuż ta’ poter meta applikat l-Artikolu 65 KEFA wara d-data tal-iskadenza tat-Trattat KEFA, it-23 ta’ Lulju 2002. Issa, l-obbligu għall-istituzzjonijiet li jiżviluppaw interpretazzjoni koerenti tad-diversi trattati fl-ebda każ ma jiġġustifika ż-żamma fis-sistema legali Komunitarja ta’ dispożizzjonijiet ta’ trattat lil hinn mit-tmiem tiegħu.

Fil-kuntest tat-tieni parti tal-istess aggravju, l-appellanti ssostni min-naħa l-oħra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret ir-Regolament Nru 1/2003 (1) u wettqet abbuż ta’ poter meta bbażat il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tagħti deċiżjoni skont l-Artikolu 65 KEFA fuq regolament li jagħtiha biss setgħat għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE. Adottat wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA abbażi tat-Trattat KE biss, l-isemmi regolament fil-fatt ma jista’ jagħti lill-Kummissjoni ebda kompetenza sabiex tissanzjona ksur tal-Artikolu 65 KEFA, mingħajr ma jinkisru kemm it-Trattat KEFA kif ukoll ir-regoli ta’ ġerarkija tar-regoli.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li għandu tliet partijiet, l-appellanti tinvoka l-ksur, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-prinċipju tal-individwalità tal-pieni u s-sanzjonijiet, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imputabbiltà, tar-res judicata, u tar-regola tal-ġerarkija tar-regoli, sa fejn dik il-qorti rrikonoxxiet li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tattribwixxi lil kumpannija r-responsabbiltà għal prassi antikompetittiva ta’ kumpannija oħra tal-grupp, mingħajr ma l-ewwel waħda ma tkun involuta. La l-fatt li d-diversi kumpanniji inkwistjoni, li jappartjenu lill-istess grupp, jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, la l-fatt li l-kumpannija parent tikkontrolla 100 % l-kumpannija sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur, u lanqas l-influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq il-kumpannja sussidjarja tagħha, mhuma suffiċjenti sabiex tingħata l-prova tal-involviment tal-appellanti fil-ksur u għalhekk ma jistgħux jiġġustifikaw l-imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka applikazzjoni żbaljata mill-Qorti tal-Prim’Istanza tar-regoli dwar il-preskrizzjoni ta’ proċeduri u l-ksur tal-prinċipju tar-res judicata, sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tagħha, żammet kontra tagħha l-atti li jinterrompu l-preskrizzjoni, filwaqt li jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni, adottata fl-1994, li l-appellanti hija espressament identifikata bħala li ma kinitx involuta fil-ksur.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha peress li hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni dwar it-tul partikolarment twil tal-proċeduri, li minħabba fih kien impossibbli għaliha li tkompli tressaq il-provi meħtieġa għall-qlib tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà miżmuma kontra tagħha. Barra minn hekk, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tikser ir-res judicata akkwistata mis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003 (C-176/99 P, ARBED vs Il-Kummissjoni) li annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn tikkonċerna lill-appellanti.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1).


Top