EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0260

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Politika Spazjali Ewropea COM(2007) 212 finali

ĠU C 162, 25.6.2008, p. 24–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 162/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Politika Spazjali Ewropea

COM(2007) 212 finali

(2008/C 162/03)

Nhar is-26 ta' April 2007, il-Kumissjoni ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Politika Spazjali Ewropea

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il- 31 ta' Jannar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur van Iersel.

Matul l-442 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta' Frar 2008 (seduta tat-13 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'145 vot favur, vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Għal raġunijiet strateġiċi, politiċi u ekonomiċi, il-KESE jappoġġja b'mod espliċitu l-idea ta' aċċess Ewropew indipendenti għall-ispazju. Għalhekk jappoġġja l-politiki mniżżla fid-dokumenti tal-Kunsill Spazjali Konġunt, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (1) f'Mejju u April 2007.

1.2

Il-politika spazjali Ewropea għandha timmira lejn objettivi paċifiċi, inkluż iż-żamma ta' sigurtà kollettiva.

1.3

Il-KESE huwa tal-fehma li l-attivitajiet spazjali Ewropej, kemm jekk imwettqa fil-livell nazzjonali, f'qafas ta' l-UE jew ta' l-ASE, għandhom jiġġeneraw benefiċċji ovvji f'oqsma differenti, bħar-riċerka xjentifika, il-proviżjoni tant mixtieqa ta' infrastruttura u data, u firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet ekonomiċi bħala riżultat ta' l-integrazzjoni ta' sistemi spazjali u terrestri.

1.4

Il-kunċett ta' l-ASE s'issa rnexxa. L-involviment tagħha fl-attivitajiet tal-Kummissjoni għandha tillibera — anzi żgur li ser tillibera — potenzjal miżjud. Dan għandu jiġi supplimentat bi proċeduri ta' kooperazzjoni, tqassim tal-kompetenzi u kalkoli ta' qsim ta' l-ispejjeż bejn il-Kummissjoni u l-ASE.

1.5

L-iżviluppi li saru fil-bqija tad-dinja — l-Istati Uniti, ir-Russja, il-Ġappun, iċ-Ċina u l-Indja — jobbligaw lill-UE taqdi rwol akbar bħala kompetitur u bħala imsieħba fl-ispazju. Dan jitlob it-tfassil ta' programmi konkreti fi żmien limitat ħafna, u l-introduzzjoni ta' proċessi għat-teħid ta' deċiżjonijiet li jistgħu jlaħħqu mal-proċess minn operaturi simili fil-bqija tad-dinja..

1.6

Fl-istess waqt, proċess għat-teħid ta' deċiżjonijiet koordinat li jimxi b'ritmu aktar mgħaġġel, għandu jipprovdi opportunitajiet aħjar biex jiġu definiti u, eventwalment, organizzati għadd ta' missjonijiet skond il-bżonnijiet ta' l-utenti.

1.7

GALILEO u GMES huma l-aħjar eżempji Ewropej f'dal-qasam. Il-programmi GALILEO għandhom jiġu implimentati mill-aktar fis.

1.8

L-inklużjoni ta' “l-ispazju” fis-7 Programm Qafas u l-politiki Komunitarji għandha twassal għal approċċ integrali tad-Direttorati Ġenerali kollha kkonċernati. Dan it-twessigħ tal-bażi għal proċess ta' ħsieb strateġiku fi ħdan il-Kummissjoni, għandu jisfa ta' ġid għall-approċċi integrali fil-livell nazzjonali, li ta' spiss ma jeżistux. Sforz ikkordinat f'dan il-qasam huwa mixtieq ħafna.

1.9

L-Istati Membri kollha, inklużi dawk żgħar u l-Istati Membri l-ġodda, għandhom jibbenefikaw mill-politika spazjali Ewrpea billi jinħolqu opportunitajiet adegwati għall-kompetenzi xjentifiċi, kif ukoll għall-kapaċitajiet industrijali bi kwalifiki għolja fl-Ewropa, kemm fis-setturi upstream u anke downstream.

1.10

Fil-politika industrijali li tħaddan l-ASE (2), imsejsa fuq il-prinċipju ta' “redditu ġust”, kull pajjiż jirċievi lura l-investiment tiegħu permezz ta' abbonamenti u konċessjonijiet. Għaldaqstant, ir-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet, l-ASE, l-intrapriżi privati u l-istituti tar-riċerka huma msejsa fuq strutturi b'għeruq fondi ħafna.

1.11

S'issa, il-prinċipju ta' “redditu ġust” irnexxa fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet spazjali Ewropej, iżda ż-żieda fil-maturità tas-suq spazjali ser titlob aktar flessibilità, għaliex bħala regola ġenerali, ir-relazzjonijiet fissi ma jwasslux għal tiġdid industrijali. Minħabba d-domanda tas-suq, il-bżonnijiet ta' l-utenti u l-iżvilupp tas-servizz, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, huma mistennija li jissodifaw il-ħtiġijiet u l-opzjonijiet il-ġodda fil-politika spazjali Ewropea b'mod adattat.

1.12

Min-naħa l-oħra, it-tibdil għal għarrieda ta' proċeduri u relazzjonijiet stabbiliti jista' jkun kontroproduttiv, u jeħtieġ inqisu wkoll d-differenzi kbar li jeżistu bejn il-kontrubuzzjonijiet lill-ASE.

1.13

Għalhekk il-KESE huwa favur analiżi aperta u trasparenti u djalogu dwar il-prestazzjoni mixtieqa ta' l-Ewropa matul l-għaxar snin li ġejjin: liema objettivi u strumenti istituzzjonali assoċjati — dwar l-ASE, Il-Kummissjoni u l-Istati Membri — huma meħtieġa biex jaqdu missjoni Ewropea li tkun ikkoordinata b'mod konġunt. Fost affarijiet oħra, id-djalogu għandu jinkludi l-mod kif l-ASE hija ffinanzjata, il-kontrubut dinamiku tal-kumpaniji ta' daqs medju u ż-żamma ta' l-ogħla livell ta' kompetizzjoni.

1.14

F'dan ir-rigward, ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-applikazzjonijiet u l-promozzjoni tal-bżonnijiet ta' l-utenti hija fundamentali. Il-KESE huwa fiduċjuż li l-Kummissjoni se tiggarantixxi diskussjonijiet miftuħa u l-involviment tas-settur privat, u b'mod partikulari l-SMEs.

1.15

Il-KESE jaqbel mal-KESE fir-rigward tas-sinifikat ta' l-ispazju għad-difiża u s-sigurtà. Għall-ġejjieni, għandha tingħata spinta lill-ippjanar ta' sistemi li jlaqqgħu l-pajjiżi Ewropej.

1.16

Peress li d-distinzjoni bejn l-applikazzjonijiet ċivili u militari hija pjuttost imċajpra, għandu jsir użu sħiħ mill-hekk imsejħa effetti ta' użu doppju.

1.17

Fl-aħħarnett, il-komunikazzjoni hija fundamentali. Il-KESE huwa tal-fehma li l-benefiċċji ta' l-ispazju għall-ħajja ta' kuljum għandhom jiġu kkomunikati aħjar.

1.18

Komunikazzjoni dwar il-politika spazjali Ewropea li tkun immirata aħjar għandha tippromovi inċentivi pożittivi fost iż-żgħażagħ fir-rigward ta' dan is-settur, u b'mod ġenerali, għandha tagħmilha aktar attraenti għaż-żgħażagħ li jirċievu edukazzjoni xjentifika u/jew teknika.

2.   Approċċ ġdid fir-rigward tal-politika spazjali Ewropea

2.1

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, l-istituzzjonijiet Ewropej u t-task forces nazzjonali kienu qed jieħdu sehem b'mod aktar attiv fid-dibattitu dwar żviluppi ġodda fir-rigward tal-futur tal-politika spazjali Ewropea.

2.2

F'April 2007, il-Kummissjoni, b'ħidma mill-qrib ma' l-ASE (3), ippubblikat Komunikazzjoni dwar il-politika spazjali (4), flimkien ma' evalwazzjoni ta' l-impatt u programm estensiv ta' azzjonijiet previsti mill-ASE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

2.3

Fit-22 ta' Mejju 2007, il-Kunsill “Spazju” (5) adotta Riżoluzzjoni dwar il-Politika Spazjali Ewropea, ibbażata fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

2.4

Din iż-żieda fl-interess, kif jidher mid-dokumenti msemmija hawn fuq, hija stimulata minn varjetà kbira ta' żviluppi globali u miri strateġiċi Ewropej:

il-potenzjal ta' l-użu tas-servizzi bbażati fuq l-ispazju kemm għal kull tip ta' kwistjoni, kif ukoll bħala strument għal firxa wiesgħa ta' politiki Ewropej, bħall-ambjent, is-sigurtà, it-trasport, ir-riċerka, l-għajnuna għall-iżvilupp, il-koeżjoni u l-edukazzjoni, u ma' dawn jeħtieġ inżidu r-riċerka;

il-ħtieġa kontinwa li l-Ewropa jkollha aċċess indipendenti għall-ispazju bħala prerekwiżit għal politika spazjali Ewropea;

numru li dejjem qed jikber ġmielu ta' operaturi dinjija (li qed jixirfu) f'dan il-qasam u l-ħtieġa għall-Ewropa li tinvolvi ruħha bis-sħiħ kemm bħala msieħba u kemm bħala kompetitur;

l-ispazju bħala għajn ta' innovazzjoni, kompetittività industrijali u tkabbir ekonomiku;

it-tisħiħ ta' l-infrastruttura xjentifika; soċjetà bbażata fuq l-għarfien u l-objettivi ta' Lisbona;

il-ħtieġa li r-riċerka Ewropea tkun abbinata ma' l-applikazzjonijiet;

il-kontribut u r-rwol komplementari tat-teknoloġija ta' l-ispazju għat-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet terrestri;

l-importanza ta' l-ispazju għad-difiża u s-sigurtà Ewropea;

id-distinzjoni mċajpra bejn l-applikazzjonijiet ċivili u militari tat-teknoloġija ta' l-ispazju;

ir-rikonoxximent li l-Istati Membri waħidhom m'humiex kapaċi jissodisfaw ir-rekwiżiti neċessarji għal politika spazjali kredibbli; u għaldaqstant;

il-ħtieġa li jiġu ddefiniti b'mod ċar il-kompiti u l-mandati li l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet Ewropej għandhom iwettqu fir-rigward ta' l-ispazju.

2.5

Fl-2003 u l-2004, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Green u White Paper dwar il-politika spazjali. Fiż-żewġ dokumenti, joħorġu l-indikazzjonijiet ta' politika spazjali futura. Fihom hemm bosta elementi — li xi kultant huma ta' importanza kbira — li ġew indirizzati fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq.

2.6

Fir-Riżoluzzjoni tat-22 ta' Mejju, il-Kunsill ikkonferma li s-settur spazjali “huwa assi strateġiku li jikkontribwixxi għall-indipendenza, is-sigurtà u l-prosperità ta' l-Ewropa u r-rwol tagħha fid-dinja”. Waħda mill-kwistjonijiet prinċipali f'dan ir-rigward hija l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni Ewropea għall-forniment ta' servizzi bbażati fuq l-ispazju għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Il-Kunsill rabat il-politika spazjali ma' l-istrateġija ta' Lisbona u enfasizza r-rilevanza tagħha għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni.

2.7

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tenfasizza l-objettiv tal-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tafferma mill-ġdid il-kooperazzjoni bejn l-ASE u l-Kummissjoni li tinkuraġġixxi l-effiċjenza, aktar fondi għall-programmi Ewropej, u aktar koeżjoni bejn it-teknoloġija u l-applikazzjonijiet. L-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-ASE u l-Kummissjoni huwa msejjes fuq l-esperjenzi tagħhom. Madankollu, il-kwistjoni ta' ko-finanzjament ta' l-infrastruttura bażika ezistenti (Kourou, Darmstadt) għadha ma ġietx riżolta.

2.8

Kwistjoni ċentrali hija l-kooperazzjoni u t-tqassim tax-xogħol bejn l-ASE u l-Kummissjoni. L-ASE hija fuq quddiem nett fil-qasam ta' l-esplorazzjoni u t-teknoloġija, filwaqt li l-Kummissjoni hija responsabbli għall-applikazzjonijiet li huma marbuta mal-politiki tagħha stess bħat-trasport, l-ambjent, is-sigurtà u r-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi, u hija inkarigata milli tidentifika l-bżonnijiet ta' l-utenti non-governattivi fir-rigward ta' servizzi aktar adegwati.

2.9

Il-kost-effiċjenza fil-programmi pubbliċi għandha tikkontribwixxi għall-kompetittività ta' l-intrapriżi privati industrijali u kummerċjali. F'dan ir-rigward l-SMES u l-l-industrija tal-fornituri huma partikolarment importanti. Fl-istess waqt il-Kunsill jirrikonoxxi li l-politika industrijali ta' l-ASE, b'mod partikulari l-prinċipju tagħha ta' “redditu ġust”, isservi ta' strument biex tistimola l-investiment u ssaħħaħ il-kompetittività Ewropea.

2.10

Indubbjament, ir-Riżoluzzjoni ta' Mejju li għadda tintroduċi fażi ġdida li ntlaqgħet b'entużjażmu kbir mill-partijiet interessati prinċipali (6).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Id-dinja ta' l-ispazju qiegħda tinbidel b'rata mgħaġġla. F'dawn l-aħħar għaxar snin, il-KESE laqa' b'sodisfazzjon kbir il-Green u l-White Papers tal-Kummissjoni dwar il-politika spazjali (7). Għal darba oħra, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattivi l-ġodda tal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-ASE li ġew ippreżentati Mejju li għadda. Tajjeb nixħtu dawl fuq l-aspett simboliku tal-fażi l-ġdida tal-politika spazjali li qiegħda sseħħ fit-tbexbix tas-seklu 21. Qegħdin fil-bidu ta' era ġdida.

3.2

L-iżviluppi dinjija fis-settur spazjali għandhom impatt strateġiku u teknoloġiku li kull ma jmur qiegħed dejjem jikber.

3.2.1

Indubbjament, il-politika spazjali qed tagħti kontribut aktar sinifikanti, forsi anke indispensabbli, għat-twettiq ta' l-objettivi terrestri; fi kliem ieħor, l-applikazzjonijiet spazjali huma ta' importanza kruċjali għall-ksib ta' l-objettivi ekonomiċi u soċjali għal-Ewropa li qed tintegra.

3.2.2

Mil-lat tax-xjenza u r-riċerka, jidher biċ-ċar li sar progress fil-qasam ta' l-astronomija u l-istudju tal-pjaneti. L-ASE qed tibbenifika minn netwerks eżistenti u żżid magħhom programmi mmirati u valutazzjonijiet minn nies ta' l-istess grad (peer reviews). Kuntrarjament għad-dinja xjentifika, is-settur militari għadu jopera fuq livell nazzjonali.

3.2.3

Mil-lat strateġiku, l-Ewropa għandha tħares l-indipendenza tagħha vis-à-vis l-Istati Uniti u r-Russja u, dejjem iktar, iċ-Ċina u l-Indja, u nazzjonijiet oħra li jesploraw l-ispazju, li fl-istess waqt jaqdu r-rwol ta' kompetituri u msieħba fil-qasam spazjali. B'mod aktar ġenerali, il-pożizzjoni ta' l-Ewropa fid-dinja għandha tkun il-punt tat-tluq għal kull politika spazjali.

3.3

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill “Spazju” tat-22 ta' Mejju 2007, u d-dokumenti li jakkumpanjawha bħall-Komunikazzjoni tal Kummissjoni ta' l-2007, il-valutazzjoni ta' l-impatt tagħha, l-istqarrija tad-Direttur Ġenerali ta' l-ASE, u l-elementi preliminari ta' programm komuni Ewropew li jinvolvi l-ASE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, huma pass kbir 'il quddiem, meta wieħed iqis li:

sa mill-bidunett, ir-regoli tas-suq intern ma ġewx applikati fis-settur spazjali minħabba approċċi strateġiċi, programmi u eżiġenzi militari nazzjonali;

kien hemm differenzi sostanzjali bejn l-interessi nazzjonali, l-impenji finanzjarji, l-objettivi teknoloġiċi u l-prestazzjonijiet industrijali, u

għaldaqstant, ta' spiss hemm prevalenza ta'mudelli industrijali nazzjonali separati.

3.4

Il-Ftehim Qafas ta' l-2003 (8) bejn l-ASE u l-Unjoni Ewropea bena l-bażi ta' ppjanar u azzjonijiet komuni bejn l-UE u l-ASE. Bħalissa l-Kunsill qiegħed jiddefinixxi approċċ globali intiż li jikkoordina aħjar u jsaħħaħ l-effiċjenza ta' proġetti individwali, kemm jekk huma nazzjonali, intergovernattivi jew Ewropej.

3.5

Fil-fehma tal-KESE, fost l-elementi importanti li ħarġu minn dan il-ftehim, insibu l-kunsens li kull ma jmur qed jikber u l-viżjoni komuni bejn l-Istati Membri; il-konferma tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-ASE u d-diviżjoni tar-responsabbiltà bejn dawn iż-żewġ korpi bħala bażi għaż-żieda tal-fondi Komunitarji; bilanċ aħjar bejn ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-applikazzjonijiet, u, l-aktar importanti, l-intenzjoni espliċita li l-bżonnijiet ta' l-utenti jitpoġġew fuq quddiem nett; l-isħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat; u l-prijorità li tingħata lill-“prodotti eżemplari” bħal GALILEO u GMES (9) fil-qafas tal-politika spazjali Ewropea.

3.6

Jenħtieġ ninnutaw madankollu li l-inizjattivi previsti jagħmlu parti minn proċess twil li ċertament għadu ma daħalx fil-fażi aħħarija tiegħu. Għad iridu jitħejjew proġetti konkreti u l-flussi ta' finanzjament relatati.

3.7

Fl-2005, il-baġit totali ta' l-attivitajiet spazjali ta' l-ASE, l-EUMETSTAT u l-Istati Membri ammonta għal EUR 4,8 biljun (eskluża l-Kummissjoni Ewropea) (10). Il-Kummissjoni Ewropea ser tiddedika somma garantita ta' 'l fuq minn EUR 1,4 biljun (2007-2013) għall-applikazzjonijiet u l-attivitajiet spazjali permezz tas-seba' Programm Qafas tagħha. Il-baġits dinjija għall-attivitajiet spazjali jammontaw għal EUR 50 biljun. Il-baġit ta' l-Istati Uniti jammonta għal madwar EUR 40 biljun, li minnhom aktar minn 50 % huma għal skopijiet militari. Barraminhekk, l-infiq ta' l-Istati Uniti huwa msejjes fuq approċċ totalment iċċentrat fuq il-pajjiż innifsu, u dan għandu effett fuq il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-intrapriżi varji (11). L-Istati Uniti hija fuq kollox suq magħluq li huwa kbir biżżejjed biex isostni l-industrija spazjali nazzjonali mingħajr il-bżonn li tikkompeti fis-suq kummerċjali internazzjonali.

3.8

L-attivitajiet spazjali Ewropej huma taħlita ta' programmi Ewropej (intergovernattivi jew komunitarji) u nazzjonali. L-ASE ma tillimitax ruħha biss għall-koordinazzjoni tal-proġetti,, u s'issa tat xheda ta' effikaċja straordinarja; hija aġenzija għar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) li tiżviluppa infrastrutturi kbar fil-livell Ewropew li jirnexxu. L-operaturi Ewropej maġġuri ta' l-ASE fis-settur spazjali jinkludu lill- Arianespace, l-EUMETSTAT u l-Eutelstat. Minbarra dawn il-programmi, xi Stati Membri għandhom il-programmi tagħhom stess ibbażati fuq it-tradizzjonijiet u l-objettivi politiċi u teknoloġiċi tagħhom u, għaldaqstant, fuq kapaċitajiet, netwerks u applikazzjonijiet nazzjonali. Il-mudell Ewropew huwa sistema kkumplikata li tiġbor fiha programmi komuni u nazzjonali.

3.9

Huwa probabbli li l-Istati Membri l-ġodda jissieħbu ma' l-ASE, u b'hekk in-numru tal-pajjiżi msieħba jikber minn 17 għal 22 (12). Il-kompetenzi xjentifiċi attwali u t-tisħiħ potenzjali tal-clusters ekonomiċi għandhom jiggarantixxu għadd ta' benefiċċji.

3.10

Huwa possibbli li l-programmi nazzjonali u l-ħidma ta' l-ASE jikkoinċidu f'xi partijiet. Il-proġetti tad-difiża għadhom kompetenza prevalentement nazzjonali. Dan jista' joħloq ċerti ineffiċjenzi minħabba li d-distinzjoni bejn it-teknoloġija għal skopijiet militari u ċivili hija pjuttost imċajpra. L-approċċ globali l-ġdid jista' jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-konverġenza.

3.11

Il-baġits huma marbuta ma' l-infrastruttura u l-ġbir tad-data. Aktar ma r-relazzjonijiet ma' l-intrapriżi u l-forzi tas-suq ikunu organizzati tajjeb, aktar ikunu importanti l-effetti multiplikaturi prodotti permezz ta' l-applikazzjonijiet u s-servizzi. F'dan il-kuntest, l-EUMETSAT (l-operatur tas-satelliti meteoroloġiċi) huwa eżempju tajjeb li jista' jservi ta' mudell utli għas-setturi l-oħra.

3.12

Għal raġunijiet ta' limitazzjonijiet baġitarji, ikun għaqli li l-Ewropa tiffoka fuq il-prijoritajiet u li tkun totalment miftuħa għall-kooperazzjoni internazzjonali. Il-kooperazzjoni internazzjonali tipprovdi valur miżjud sostanzjali li xi kultant jinvolvi effetti multiplikaturi straordinarji. Madankollu, biex tkun tista' taġixxi pari passu mal-pajjiżi terzi, jenħtieġ li l-Ewropa turi li għandha l-kapaċità li, minbarra l-prijoritajiet, tissodisfa wkoll ammont suffiċjenti ta' eżiġenzi bażiċi. Tajjeb li dawn l-eżiġenzi jiġu adottati bi qbil komuni, u li, per konsegwenza, isiru investimenti adegwati.

3.13

F'opinjoni reċenti (13), il-KESE jappoġġja bis-sħiħ lill-GALILEO, proġett Ewropew ta' navigazzjoni globali. GALILEO għandu jiggarantixxi data aktar preċiża fir-rigward ta' pożizzjonar u miżurazzjoni tal-ħin fid-dinja kollha għall-applikazzjonijiet ċivili f'firxa wiesgħa ta' oqsma. Is-sistema tipparaguna tajjeb mal-GPS Amerikan attwali, iżda se ttejjibha wkoll.

3.13.1

Bis-saħħa ta' GALILEO l-Ewropa se tkun tista' żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala protagonista indipendenti fis-settur ta' l-ispazju.

3.13.2

Din ma kenitx impriża interessanti għas-settur ta' l-upstream. Il-KESE japprova d-deċiżjoni tal-Kunsill li jiffinanzja lill-GALILEO u d-definizzjoni tal-programmi. Dawn il-programmi għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien sabiex jinħolqu kondizzjonijiet favorevoli għas-settur tad-downstream (14).

3.13.3

Apparti mill-ostakli għall-ħolqien ta' sħubija vijabbli bejn is-settur pubbliku u privat, li ġeneralment hija affari kkumplikata, hemm għadd ta' kwistjonijiet pendenti li jenħtieġ li jiġu risolti mill-aktar fis biex tiġi żgurata parteċipazzjoni effettiva min-naħa ta' l-imsieħba privati.

3.14

Minbarra s-servizzi eżistenti, l-inizjattiva GMES se tipprovdi sensiela koerenti ta' servizzi — msejsa fuq l-osservazzjoni tad-dinja — li kulma jmur qed isiru dejjem aktar indispensabbli. L-inizjattiva GMES għandha “ttejjeb il-kapaċità tas-sorveljanza u l-valutazzjoni ta' l-Ewropa fil-politika ta' l-ambjent u tikkontribwixxi fl-indirizzar tal-ħtiġijiet ta' sigurtà” (15). L-iżviluppi rapidi li qed iseħħu fid-dinja attwalment juru sa liema punt tinħass il-ħtieġa għal strumenti ġodda biex jiġu indirizzati sfidi ġodda fil-qasam ta' l-ambjent, tal-bidla fil-klima, tas-saħħa u s-sigurtà individwali u kollettiva.

3.14.1

Dawn l-isfidi jikkonċernaw medda wiesgħa ta'setturi, mid-disastri u l-kriżijiet naturali għall-impatti tal-bidla fil-klima bħall-emissjonijiet ta' gassijiet u t-tniġġis ta' l-arja, għall-protezzjoni ċivili u l-kontroll tal-fruntieri.

3.14.2

L-applikazzjonijiet relevanti f'dan il-qasam huma orjentati lejn l-utenti — li huma ġejjin minn komunitajiet differenti ħafna, per eżempju d-dinja tal-politika, is-servizzi pubbliċi, l-intrapriżi u ċ-ċittadini. Dal-fatt jenfasizza l-bżonn ta' koordinazzjoni aktar effettiva bejn l-ASE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u x-xewqa li jiġu identifikati l-eżiġenzi varji mill-Kummissjoni Ewropea.

3.14.3

Is-servizzi tal-GMES se jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki varji ta' l-UE. Meta nikkunsidraw il-valur miżjud tal-GMES, il-baġit (2009) għandu jipprevedi fondi operazzjonali għas-servizzi u l-applikazzjonijiet spazjali bl-għan li jsostnu l-politiki ta' l-UE.

3.14.4

Saħansitra fil-każ ta' l-infrastruttura tal-GMES, hija r-responsabblità tal-gvernijiet li jiġbru data b'mod affidabbli u sostenibbli. Għaldaqstant, għandhom jinħolqu l-kondizzjonijiet adattati għall-parteċipazzjoni ta' l-intrapriżi privati.

3.15

GALILEO, GMES u l-programmi l-oħra kollha juri li l-politika spazjali qiegħda ssir operazzjonali u qiegħda toffri appoġġ għall-prestazzjonijiet u l-applikazzjonijiet teknoloġiċi li qed jiġu żviluppati kontinwament, liema ser jippermettu li jiġu użati metodi ġodda ta' analiżi, previżjonijiet u soluzzjonijiet ta' kwistjonijiet li jaffettwaw lis-soċjetà.

3.16

Importanti li l-Istati Membri kollha, inklużi l-iżgħar fosthom u l-Istati Membri l-ġodda, jibbenefikaw mill-politika spazjali Ewropea. Li jkun hemm impenn min-naħa ta' l-Istati Membri kollha huwa fl-interess komuni ta' l-UE bħala talija.

3.17

L-Istati Membri l-ġodda żgur li se jipprofittaw mill-applikazzjonijiet differenti. Barraminhekk, għandhom jinħolqu opportunitajiet għalihom ħalli jkunu jistgħu jipprovdu l-kompetenzi xjentifiċi attwali u l-kapaċitajiet industrijali ta' livell għoli tagħhom bl-għan li jsaħħu l-potenzjalità tagħhom.

4.   Gvernanza

4.1

Il-Kunsill “Spazju” ltaqa' għall-ewwel darba f'Novembru 2004 biex jiddiskuti u jippromovi l-konverġenza Ewropea u l-programmi fuq skala Ewropea. Il-KESE jispera u huwa fiduċjuż li ttmexxija li pprovda l-Kunsill Mejju li għadda joħloq il-kuntest mixtieq għal politika spazjali li tkun konformi ma' l-ambizzjonijiet ta' l-Ewropa.

4.2

Dispożizzjonijiet istituzzjonali aktar effettivi huma indispensabbli għall-progress. F'dan il-kuntest, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-involviment akbar tal-Kunsill u l-Kummissjoni fil-kwistjonijiet spazjali u d-definizzjoni ċara tal-kooperazzjoni u d-diviżjoni tar-responsabblità previsti bejn l-ASE u l-Kummissjoni.

4.3

Il-Kunsill “Spazju” jirrappreżenta l-pjattaforma ideali fejn jiġu diskussi l-approċċi intergovernattivi u komunitarji, li jenħtieġ li jkunu kollegati b'mod effikaċi.

4.4

L-inklużjoni tal-kunċett ta' “spazju” fil-politiki Komunitarji u fis-Seba' Programm Qafas permezz ta' kapitolu speċifiku ddedikat għall-politika spazjali għandha tidher biċ-ċar permezz ta' l-impenn previst min-naħa tad-Direttorati Ġenerali kkonċernati. Fl-istess ħin, dan l-impenn integrat ser iwessa' l-bażi għal riflessjoni strateġika. F'dan ir-rigward, il-kompetenzi speċifiċi ta' l-UE fil-qasam ta' l-ispazju — definiti fit-Trattat il-ġdid — ser ikunu ċertament utli.

4.5

L-ordni legali, ta' spiss traskurat, jitlob attenzjoni speċifika. F'kuntest “monostatali” bħal fil-każ ta' l-Istati Uniti, l-ordni legali eżistenti jirrappreżenta qafas naturali għall-isvolġiment ta' attivitajiet konkreti u r-regolamentazzjoni li takkumpanja dawn l-attivitajiet. Għall-kuntrarju, fil-kuntest ikkumplikat Ewropew — l-ASE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri sovrani — ma jeżisti l-ebda ordni legali strurtturat kif imiss, liema fatt huwa kontroproduttiv. Meta wieħed iqis l-estensjoni ta' l-attivitajiet spazjali fl-UE, il-preżenza ta' qafas istituzzjonali/legali koerenti u loġiku ser issir indispensabbli aktar minn qatt qabel.

4.6

Ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-applikazzjonijiet u l-involviment tad-Direttorati Ġienerali differenti ser ikollhom impatt pożittiv fuq id-diskussjonijiet u l-kooperazzjoni mas-settur privat. Ser iwasslu wkoll għal prospettivi ġodda fir-rigward ta' proġetti orjentati lejn l-utenti.

4.7

Aspett partikulari li għandu jissemma huwa d-dispożizzjoni fit-Trattat il-ġdid dwar ir-rabta bejn ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin fil-Kunsill u l-viċi-presidenza tal-Kummissjoni, karigi li se jkunu mwettqa minn persuna waħda.

4.8

Wieħed mill-motivi prinċipali li jiġġutifikaw il-politika spazjali Ewropea huwa li r-riflessjoni strateġika min-naħa tal-Kummissjoni ser ikollha wkoll effetti pożittivi fuq l-approċċi integrali fil-livell nazzjonali, li ta' spiss ikun neqsin għal kollox. Barraminhekk, il-parteċipazzjoni tad-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni ser tippromovi l-ħolqien ta' netwerks b'utenti (potenzjali) fl-amministrazzjoni nazzjonali.

4.9

Għall-istess raġuni, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon kbir it-twaqqif ta' uffiċċju inkarigat mill-GMES fi ħdan id-DĠ għall-Intrapriża, li huwa inkarigat mill-koordinazzjoni.

4.10

Il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni tagħti post mistħoqq lill-politika spazjali fost il-politiki Komunitarji l-oħra. Dan għandu jikkontribwixxi għal aċċettazzjoni aħjar miċ-ċittadini tal-benefiċċji ta' l-ispazju.

4.11

S'issa, id-“dinja ta' l-ispazju” kienet waħda iżolata ferm u ma kenitx ikkomunikata kif imiss. Ikun għaqli li komunikazzjoni effettiva mill-Kummissjoni u l-Kunsill tenfasizza l-effetti ta' politika ta' dan it-tip fuq is-soċjetà. Komunikazzjoni li tkun immirata tajjeb għandha tqanqal interess ġenwin fl-ispazju fost iż-żgħażagħ, u b'mod aktar ġenerali, tħajjarhom jitgħallmu suġġetti xjentifiċi u/jew tekniċi.

4.12

Il-KESE jenfasizza l-importanza kbira ta' valutazzjoni sistematika u kollha kemm hi trasparenti u li din tkun implimentata korrettament. Jenħtieġ li r-relazzjoni kumplessa li teżisti bejn iċ-ċentri ta' riċerka, l-awtoritajiet pubbliċi fl-UE u fl-Istati Membri, u l-intrapriżi privati, u l-kumplessità tal-modilatajiet finanzjarji u organizzativi jkunu ssorveljati. Fil-preżenza ta' interazzjoni dinamika, monitoraġġ esegwit b'mod effikaċi għandu jwassal għal trasparenza, u possibilment semplifikazzjoni u fehmiet u proġetti ġodda, kif ukoll l-iffinanzjar tagħhom.

5.   Il-prinċipju ta' “redditu ġust” u s-settur privat

5.1

L-approċċi u l-programmi strateġiċi ta' l-Istati Membri, ir-relazzjonijiet speċifiċi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-intrapriżi privati, il-kooperazzjoni intergovernattiva fl-UE u lilhinn minnha u l-ASE, aġenzija intergovernattiva ta' natura teknoloġika, jiġġustifikaw il-prinċipju ta' “redditu ġust”: kull pajjiż jitroddlu lura l-investiment li jkun għamel fl-attivitajiet ta' l-ASE taħt forma ta' kuntratti għall-industrija tiegħu permezz ta' sistema kkumplikata ta' abbonamenti u konċessjonijiet. Meta nqisu ċ-ċirkustanzi preżenti, il-politika industrijali ta' l-ASE rnexxiet.

5.2

Għaldaqstant, ir-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet, l-ASE, l-intrapriżi privati u l-istituti tar-riċerka huma bbażati fuq struttura b'għeruq fondi ħafna, anke għax is-settur spazjali huwa suq limitat u speċjalizzat ħafna.

5.3

Għandhom jiġu kkunsidratti żviluppi deċiżivi, fosthom:

il-ħtieġa li l-preżenza Ewropea fid-dinja tissaħħaħ;

l-użu ta' l-“univers” għal skopijiet ċivili u għanijiet paċifiċi, inkluża s-sigurtà kollettiva;

il-parteċipazzjoni politika u finanzjarja ta' l-UE u tal-Kummissjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma;

enfasi aktar sfiqa fuq l-applikazzjonijiet u l-eżiġenzi ta' l-utenti, it-tranżizzjoni mill-ispinta teknoloġika għad-domanda tas-suq;

ir-rwol il-ġdid ta' l-intrapriżi privati.

5.4

Il-Kunsill jitlob li l-prinċipju tar-“redditu ġust” jkun ippreservat fil-każ ta' l-ASE. F'dan il-kuntest, l-interessi ta' l-ASE u ta' l-Istati Membri ma jixxibhux fl-aspetti kollha. Ta' min jgħid li dan il-prinċipju ta' “redditu ġust” diġà evolva, fis-sens li l-approċċ sar aktar flessibbli minn qabel, u li qiegħed jiġi aġġornat progressivament. Fil-fehma tal-KESE, dan il-prinċipju għandu, l-ewwel u qabel kollox, isir biżżejjed flessibbli li jippermetti li l-intrapriżi ta' daqs medju bi kwalifiki għoljin li (għadhom) attivi fil-livell nazzjonali jkunu involuti b'mod adegwat.

5.5

Fil-kaz tal-parteċipazzjoni u ta' l-iffinanzjar min-naħa tal-Kummissjoni, japplikaw ir-regoli ta' l-UE, ie il-politika tal-kompetizzjoni u r-regoli dwar l-akkwist pubbliku, Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-Kummissjoni qed tiżviluppa strumenti u regoli dwar finanzjament adegwati għall-miżuri Komunitarji fis-settur spazjali, li jqisu bir-reqqa n-natura speċifika ta' dan is-settur; b'hekk l-Istati Membri jkun jista' jkollhom struttura bbilanċjata fis-settur spazjali.

5.6

Aspett li jistħoqqlu attenzjoni partikulari huwa r-rwol ta' l-SMEs fl-iżvilupp tas-servizzi. Għandha ssir distinzjoni bejn l-intrapriżi l-kbar, li ta' spiss joperaw fil-livell internazzjonali, u għadd kbir ta' intrapriżi ta' daqs medju speċjalizzati, li l-aktar li joperaw huwa fil-livell nazzjonali, u li qed ifittxu opportunitajiet fis-settur spazjali Ewropew. Il-konsorzji ta' l-SMEs fil-qasam spazjali għandhom bżonn ta' appoġġ.

5.6.1

Ir-rwol ta' l-intrapriżi ta' daqs medju speċjalizzati qiegħed madankollu jikber (16). Din it-tendenza probabbli li se tiżdied f'dan is-settur minħabba l-enfasi fuq id-domanda tas-suq u l-eżiġenzi ta' l-utenti u l-involviment dinamiku ta' l-intrapriżi ż-żgħar fl-iżvilupp tas-servizzi. L-ippjanar operattiv u l-proġetti mwettqa b'kooperazzjoni ma' l-intrapriżi ta' daqs medju ser isiru prattiki aktar normali.

5.6.2

S'issa, il-politika spazjali kienet fil-biċċa l-kbira tagħha separata mis-setturi ekonomiċi l-oħra. It-tranżizzjoni fir-rigward tal-prijoritajiet, l-approċċ orizzontali u l-kooperazzjoni bejn l-ASE u l-Kummissjoni se jikkontribwixxu biex jikkoordinaw it-teknoloġija, l-investimenti pubbliċi u l-intrapriżi privati. L-esperjenza ta' l-Eumestat fl-iżvilupp tas-servizzi operazzjonali tista' tkun ta' għajnuna prattika għall-GMES.

5.6.3

Fir-rigward tas-satelliti, l-ippjanar azjendali, il-marketing u l-kummerċjalizzazzjoni jistgħu joħolqu prattiki siewja. In-netwerks iffurmati minn intrapriżi ta' daqs medju ser jissaħħew.

5.7

Is-sistemi spazjali u dawk terrestri għandhom jiġu integrati, kif previst għall-GMES. In-netwerks ta' sensors intelliġenti jistgħu jiġu żviluppati aktar.

5.8

L-involviment ta' l-industrija jitlob definizzjoni preċiża tad-domanda ta' l-UE. L-enfasi akbar fuq is-servizzi u l-eżiġenzi ta' l-utenti, lilhinn mill-ħtiġijiet fil-qasam tar-riċerka, tal-ġbir tad-data u ta' l-infrastruttura, timplika l-bżonn ta' sintonija kostanti bejn ix-xjenza u l-applikazzjoni fl-Ewropa kollha (17).

5.9

Madankollu, kif ġie indikat qabel, l-applikazzjonijiet għandhom bżonn ikunu appoġġjati mill-iżvilupp teknoloġiku. L-ESTP (18), pjattaforma li tlaqqa' rappreżentanti mid-dinja tax-xjenza u l-industrija, hija pjattaforma li tipprometti ħafna għall-identifikazzjoni tat-teknoloġiji mixtieqa. Huwa mistenni li se tfassal l-aġenda strateġika tar-riċerka għall-perijodu fit-tul. L-ESTP tista' wkoll tipprovdi rabtiet ma' setturi u oqsma oħra.

5.10

S'issa, il-prinċipju ta' “redditu ġust” irnexxa fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet spazjali Ewropej, iżda ż-żieda fil-maturità tas-suq spazjali ser titlob aktar flessibilità, għaliex bħala regola ġenerali, ir-relazzjonijiet fissi ma jwasslux għal tiġdid industrijali. Minħabba d-domanda tas-suq, il-bżonnijiet ta' l-utenti u l-iżvilupp tas-servizz, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, huma mistennija li jissodifaw il-ħtiġijiet u l-opzjonijiet il-ġodda fil-politika spazjali Ewropea b'mod adattat.

5.10.1

F'dan il-kuntest, jenħtieġ nikkunsidraw ukoll id-disparitajiet kbar li jeżistu fir-rigward ta' kontributi nazzjonali lill-ASE, u b'mod partikulari fil-każ ta' l-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi ż-żgħar, kif ukoll pajjiżi li m'humiex imsieħba fl-UE (membri ta' l-ASE).

5.11

Għalhekk il-KESE huwa favur analiżi fil-miftuħ u trasparenti u djalogu fuq il-prestazzjoni mixtieqa ta' l-Ewropa għall-għaxar snin li ġejjin biex il-pożizzjoni tagħha fid-dinja tiġi ppreservata u mtejba: liema objettivi u strumenti istituzzjonali assoċjati — fir-rigward ta' l-ASE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri — huma meħtieġa biex inġibu 'l quddiem missjoni Ewropea li tkun ikkoordinata b'mod konġunt', inkluż kontribut dinamiku min-naħa ta' l-intrapriżi ta' daqs medju u l-garanzija ta' l-ogħla livell ta' kompetizzjoni.

5.12

L-analiżi u d-djalogu għandhom jinkludu wkoll il-mod kif l-ASE hija ffinanzjata, b'mod partikulari l-effett tal-kontribuzzjonijiet fakultattivi, u kif jistgħu jkunu previsti proċeduri u l-integrazzjoni progressiva tas-servizzi spazjali fis-suq intern ta' l-UE. Fl-oqsma fejn se jiġu invioluti d-Direttorati Ġenerali varji tal-Kummissjoni, għandhom jiġu stabbiliti regoli speċjali dwar finanzjament u kalkoli speċjali għall-qsim ta' l-ispejjeż..

5.13

Politika industrijali u settorjali moderna, bħal dik imħejjija mill-Kummissjoni f'diversi setturi, tista' tkun ta' għajnuna wkoll, sakemm jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-ispazju. Fost dawn il-karatteristiċi nsibu l-bżonn ta' teknoloġija u infrastruttura li tkun iffinanzjata minn fondi pubbliċi, l-iżvilupp ta' prototipi, in-nuqqas ta' suq ġenwin f'segmenti varji, u l-eżistenza ta' politika industrijali attiva fis-settur spazjali mmexxija u ffinanzjata mill-gvern ta' l-Istati Uniti u pajjiżi oħra.

5.14

Biex immiddu l-ewwel pass fir-rigward ta' l-industrija, jenħtieġ li l-fehmiet ta' min ifassal il-politiki dwar l-ambizzjoniiet industrijali ta' l-Ewropa jiġu kkonkretizzati mill-aktar fis.

6.   Difiża u sigurtà

6.1

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tenfasizza l-importanza ta' l-ispazju għad-difiża u s-sigurtà. Il-kunċett ta' strateġija komuni dwar il-kapaċitajiet militari ta' l-Ewropa qed tkun diskussa dejjem aktar.

6.2

Huwa xieraq li dan id-dibattitu jseħħ, għax dan ifisser pass 'il quddiem fil-qasam tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-idea — li ġiet aċċettata progressivament — li s-sigurtà m'għandhiex tibqa' politika waħdanija, iżda taħlita ta' politiki mfassla mill-istituzzjonijiet Ewropej u applikati fi ħdanhom (19).

6.3

Irridu niftakru wkoll li d-distinzjoni bejn l-applikazzjonijiet ċivili u militari qed jiċċajpru. Għalhekk ikun tajjeb li jiġu enfasizzati l-opportunitajiet reċiproki possibbli għad-diversi eżiġenzi taż-żewġ setturi. Is-sistemi militari jistgħu jibbenefikaw minn missjonijiet ċivili Ewropej minħabba l-effett ta' l-hekk imsejjaħ “użu doppju” ta' l-applikazzjonijiet ċivili u militari.

6.4

Attwalment, l-approprjazzjoni, il-gvernanza u l-baġits fil-qasam tas-sigurtà huma strettament fil-livell nazzjonali. Is-sinerġiji bejn il-pajjiżi differenti huma rari, għalkemm ċerti azzjonijiet fis-settur tad-difiża huma kkoordinati f'qafas Ewropew. Hemm firxa ta' opzjonijiet għall-ġejjieni, li tibda minn grad “minimu” ta' kooperazzjoni Ewropea sa mudell Ewropew li jkun totalment komuni.

6.5

Il-KESE huwa tal-fehma li għal raġunijiet ta' sigurtà, teknoloġija u bbaġitjar, għandha tingħata spinta biex jiġu ppjanati sistemi futuri li jlaqqgħu l-pajjiżi Ewropej.

6.6

Il-loġika nazzjonali fir-rigward tas-sigurtà għandha għeruq fondi ħafna. Iżda jekk nibdew bil-premessa ta' viżjoni komuni dwar il-ġejjieni, li tinkludi wkoll l-aktar żviluppi globali importanti, ikun possibbli li jinbdew proġetti konkreti u jsir progess bis-saħħa ta' l-esperjenzi miksuba.

6.7

Biex jiġu evitati duplikazzjonijiet inutli, l-ippjanar ikun jista' jinkludi l-ispeċjalizzazzjoni u t-tqassim tax-xogħol (20). Jistgħu wkoll jitfasslu programmi ta' riċerka biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet tekniċi.

6.8

F'dan il-kuntest l-AED (21) li hija parti interessata — tista' tingħata l-opportunità tiżviluppa kompetenzi speċifiċi bħad-definizzjoni tal-kapaċitajiet, tipproponi programmi ta' żvilupp u tikkoordina l-aġenziji nazzjonali fil-qasam militari u spazjali u l-ASE.

6.9

It-Trattat il-ġdid jipprovdi wkoll il-possibiltà li l-inizjattivi tal-Kummissjoni u l-Kunsill jitwessgħu biex jippromovu r-riċerka fil-qasam tas-sigurtà, għalkemm kwalunkwe sovvrapożizzjoni jew duplikazzjoni għandha tiġi evitata.

6.10

Deċiżjonijiet ta' dan it-tip jirrikjedu preparazzjoni u, sussegwentement, impenn min-naħa tal-Kunsill “Spazju” u l-Kunsill Ġenerali. It-titjib istituzzjonali previst fit-Trattat il-ġdid jiffavorixxi dan l-approċċ.

Brussell, it-13 ta' Frar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  L-Aġenzija Spazjali Ewropea.

(2)  L-ASE tħaddan politika industrijali proprja. Il-forma u l-kontenut tagħha m'għandhomx x'jaqsmu mal-politika industrijali adottata mill-Kummissjoni f'dan is-settur.

(3)  L-ASE (Aġenzija Spazjali Ewropea) hija organizzazzjoni għal kollox indipendenti. Attwalment għandha 17-il Stat Membru. Mhux il-membri kollha ta' l-ASE huma membri ta' l-UE, u mhux l-Istati Membri kollha ta' l-UE huma membri ta' l-ASE. L-ASE hija ffinanzjata minn dawn l-Istati Membri u għandha programm obbligatorju u programmi fakultattivi.

(4)  COM(2007) 212 finali.

(5)  Il-Kunsill “Spazju” huwa l-Kunsill Konġunt dwar l-Ispazju, li huwa fużjoni tal-Kunsill tal-Kompetittività u l-Kunsill Intergovernattiv dwar l-Ispazju għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-politiki ta' l-ASE.

(6)  Ara b'mod partikulari l-istqarrijiet ta' l-istampa maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea u l-ASE dwar ir-riżultati tal-Kunsill “Spazju” tat-22 ta' Mejju li huma intitolati rispettivament: “Il-Kunsill” Spazju “jilqa' b'sodisfazzjon it-tnedija ta' politika spazjali Ewropea storika” u “Il-politika spazjali Ewropea saret realtà llum” (Dawn l-istqarrijet ta' stampa m'humiex disponibbli bil-Malti).

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-industrija Ewropea ta' l-aerospazju: nilqgħu l-isfida globali”, (Rapporteur: is-Sur Sepi), ĠU C 95, 30.3.1998, p. 11.

Opinjoni tal-KESE dwar il-Green Paper dwar il-Politika Spazjali Ewropea (Rapporteur: is-Sur Buffetaut), ĠU C 220, 16.9.2003, p. 19.

Opinjoni tal-KESE dwar il-White Paper “Pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Politika Spazjali Ewropea” (Rapporteur: is-Sur Buffetaut, ĠU C 112, 30.4.2004, p. 9.

(8)  Il-Ftehim Qafas bejn il-KE u l-ASE ta' Ottubru 2003 jistabbilixxi metodu ta' ħidma u relazzjoni aktar stretta bejn l-ASE u l-Kummissjoni.

(9)  Is-Sorveljanza Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà.

(10)  ASE: EUR 2 485 miljun, EUMETSTAT: EUR 330 miljun, l-Istati Membri (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja): EUR 1 190 miljun (spejjeż ċivili) u EUR 790 miljun (spejjeż militari).

(11)  Min-naħa l-oħra, l-effiċjenza ta' approċċ li huwa totalment Amerikan u ta' organizzazzjoni ċentrali m'għandux ikun sopravvulutat. L-istati individwali u l-intrapriżi, li kull wieħed u waħda minnhom għandhom rappreżentant fil-Kungress u l-lobbies u n-netwerks tagħhom, jinfluwenzaw ix-xejra li jieħdu l-kuntratti u l-objettivi. Barraminhekk, in-NASA hija milquta mill-pjaga tal-burokrazija u tbati wkoll minħabba s-sitwazzjoni ta' monopolju li tinsab fiha.

(12)  Fl-ASE hemm imsieħba wkoll żewġ pajjiżi li m'humiex imsieħba fl-UE: l-Isvizzera u n-Norveġja.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Green Paper dwar l-Applikazzjonijiet għan-Navigazzjoni bis-Satellita (rapporteur: is-Sur Buffetaut), CESE 989/2007 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Fost affarijiet oħra, l-opinjoni tittratta sensiela ta' aspetti li fil-fehma tal-KESE imisshom ġew indirizzati fil-Green Paper.

(14)  Żvilupp ġdid f'dan il-kuntest huwa li l-industrija downstream Ewropea se tingħaqad fi ħdan is-“Servizzi Galileo” u l-Assoċjazzjoni Ewropea ta' l-Intrapriżi tar-Remote Sensing (EARSC).

(15)  Komunikazzjoni dwar il-politika spazjali Ewropea, p. 6.

(16)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-iżvilupp tal-katina tal-valur u tal-provvista f'kuntest globali u Ewropew (rapporteur: is-Sur van Iersel), CESE 599/2007.

(17)  “....dan id-djalogu bejn żewġ kampijiet torox ma jistax jissokta: minn naħa l-industrija li tistaqsi lill-istituzzjonijiet jiddefinixxu l-eżiġenzi tagħhom, min-naħa l-oħra l-istituzzjonijiet li jistqsu lill-industrija jipproponu servizzi adegwati għall-bżonnijiet tagħhom” Ara l-ittra mibgħuta fl-20 ta'Lulju 2007 mill-ASD Eurospace lill-Kummissarju G Verheugen u lis-Sur J.J. Dordain mill-ASE.

(18)  European Space Technology Platform, pjattaforma ffurmata mill-partijiet interessati ewlenin, inklużi l-Istati Membri parteċipanti, l-ASE, l-Industrija Spazjali Ewropea ('l fuq minn 100 intrapriża) u Eurospace, laboratorji għar-riċerka u universitajiet, l-aġenziji spazjali nazzjonali u 21 organizzazzjoni.

(19)  “Fi żminijietna, il-politika spazjali fil-qasam tas-sigurtà mhix politika waħdanija, iżda taħlita ta' politiki miġjuba 'l quddiem mill-Istati Membri, il-Kunsill” Spazju“, il-Kummissjoni, u eventwalment, l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża (EDA — European Defence Agency). Din il-panorama komposta teħtieġ koordinazzjoni aktar sfiqa biex il-ġestjoni tiġi razzjonalizzata u jiġu evitati d-duplikazzjonijiet. Silta meħuda minn The Cost of Non Europe in the Field of Satellite-based Systems”, rapport konġunt bejn il-Fondation pour la Recherche Stratégique (FRS), Pariġi, u l-Istituto affari internazionali (IAI), Ruma, 24 ta' Mejju 2007.

(20)  Bħala preċedent, hemm l-eżempju tal-ftehim MUSIS (Multinational Space-based Imagin system for Surveillance, reconnaissance and observation), li kien iffirmat minn sitt pajjiżi.

(21)  L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża


Top