Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0549

    Kawża T-549/08: Rikors ippreżentat fis- 16 ta' Diċembru 2008 — Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 44, 21.2.2009, p. 60–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 44/60


    Rikors ippreżentat fis-16 ta' Diċembru 2008 — Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-549/08)

    (2009/C 44/103)

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu (rappreżentanti: M. Fisch, aġent u P. Kinsch, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrent

    tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008), tal-24 ta' Settembru 2008, dwar is-sospensjoni tal-ħlas proviżorju tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għad-dokument ta' programmar individwali għall-għajnuniet strutturali Komunitarji koperti mill-Objettiv Nru 3 lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5730, tas-6 ta' Ottubru 2008, dwar is-sospensjoni tal-ħlas proviżorju tal-programm ta' inizjattiva Komunitarja ta' ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet u l-inugwaljanzi fis-suq tax-xogħol (EQUAL) lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iressaq tliet motivi bbażati fuq:

    ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, safejn il-Kummissjoni kkonkludiet, wara żewġ verifiki preventivi tas-sistema Lussemburgiża ta' amministrazzjoni u ta' superviżjoni mwettqin qabel il-perijodu ta' programmar ikkonċernat, li din is-sistema toffri garanziji suffiċjenti ta' osservanza tar-regoli eżistenti u tal-kriterji ta' amministrazzjoni tajba li huma ġeneralment aċċettati; huwa biss permezz ta' verifika mwettqa wara li skada l-perijodu ta' programmar ikkonċernat li l-Kummissjoni waslet għal konklużjonijiet sfavorevoli fir-rigward tas-sistema ta' amministrazzjoni u ta' superviżjoni;

    interpretazzjoni żbaljata tar-regolamenti li jservu ta' bażi għad-deċiżjonijiet ikkontestati (1), peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, i) li l-awtorità amministrattiva u l-awtorità li tħallas ikunu parti mill-istess korp u ii) li l-awtorità amministrattiva nazzjonali tiddikjara spejjeż lill-Kummissjoni li fuqhom jista' ċertament jeżisti dubju, iżda li l-klassifikazzjoni ġuridika ta' nuqqas ta' eliġibbiltà tagħhom mhijiex stabbilita fiż-żmien tad-dikjarazzjoni;

    ineżattezza materjali ta' ċerti fatti li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet ikkontestati fir-rigward taż-żamma tal-fajls mill-awtoritajiet amministrattivi.


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p. 1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 438/2001, tat-2 ta' Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU L 63, p. 21).


    Top