Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri

Regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri

Direttiva (UE) 2017/2108 li temenda d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija għandha l-għan li tintroduċi standards ta’ sigurtà uniformi għall-ħajja u l-proprjetà tal-persuni fuq il-vapuri tal-passiġġieri kif ukoll fuq inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira, bħal aliskafi, li jintużaw fi vjaġġi domestiċi fl-ibħra tal-UE (jiġifieri bejn portijiet tal-istess pajjiż tal-UE).

Filwaqt li oriġinarjament kienet maħsuba bħala kodifikazzjoni tad-Direttiva 98/18/KE, ġie minflok deċiż li d-Direttiva tal-1998 titfassal mill-ġdid. Id-Direttiva 2009/45/KE għalhekk tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 98/18/KE.

Fl-2017, wara reviżjoni tad-direttiva taħt l-inizjattiva tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (magħruf bħala REFIT), ġiet adottata d-Direttiva (UE) 2017/2108. Din temenda d-Direttiva 2009/45/KE u tiċċara u tissimplifika r-regoli u l-istandards għall-vapuri tal-passiġġieri.

PUNTI EWLENIN

Ambitu

Il-leġiżlazzjoni tapplika għall-bastimenti tal-passiġġieri magħmula mill-azzar jew minn materjal ekwivalenti u għall-inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri.

Klassifikazzjoni tal-bastimenti tal-passiġġieri u ż-żoni ta’ operat

Il-bastimenti tal-passiġġieri huma maqsumin f’erba’ kategoriji (A, B, Ċ, D) skont iż-żoni marittimi fejn joperaw.

Il-pajjiżi tal-UE jippubblikaw il-lista taż-żoni tal-baħar u l-kategoriji tal-bastimenti kkonċernati, inkluż kwalunkwe perjodu ristrett, f’bażi ta’ data disponibbli għall-pubbliku.

Rekwiżiti tekniċi ta’ sigurtà

Il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi rekwiżiti tekniċi dettaljati dwar il-miżuri ta’ sigurtà li għandhom jirrispettaw il-bastimenti, bħal:

  • kostruzzjoni;
  • stabbiltà;
  • makkinarju;
  • apparat tal-elettriku;
  • apparat ta’ protezzjoni min-nar u ta’ salvataġġ.

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jirrikjedu rekwiżiti ta’ sigurtà addizzjonali jekk huma jqisu li dawn huma mistħoqqa miċ-ċirkostanzi lokali speċifiċi.

Spezzjonijiet u ċertifikati ta’ sigurtà

  • Kull bastiment tal-passiġġieri rreġistrat f’pajjiż tal-UE jiġi spezzjonat qabel ma jitqiegħed fis-servizz u minn dakinhar ’il quddiem mill-inqas darba fis-sena.
  • Il-bastimenti tal-passiġġieri kollha li jissodisfaw l-istandards ta’ sigurtà jingħataw ċertifikat ta’ sigurtà annwali għall-vapuri tal-passiġġieri.
  • L-awtoritajiet nazzjonali għandhom japplikaw penali li jkunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi” għal kwalunkwe ksur tal-istandards ta’ sigurtà.

Esklużjonijiet

Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal ċertitipi ta’ bastimenti, bħal:

  • vapuri tal-gwerra;
  • vapuri tal-injam primittivi;
  • vapuri tal-passiġġieri storiċi oriġinali jew replika tagħhom;
  • jottijiet li jġorru inqas minn 12-il passiġġier;
  • bastimenti li jintużaw esklussivament fil-portijiet.

Id-Direttiva ta’ Emenda (UE) 2017/2108

Din id-Direttiva ta’ Emenda:

  • teskludi mill-ambitu tad-Direttiva 2009/45/KE;
    • l-inġenji tal-passiġġieri kollha eżistenti u ġodda li huma iqsar minn 24 metru — li jkunu soġġetti għal standards ta’ sigurtà definiti f’livell nazzjonali (f’Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta biex tikkoordina r-regoli ta’ sigurtà għal bastimenti żgħar tal-passiġġieri ta’ inqas minn 24 metru fit-tul),
    • bastimenti tal-manutenzjoni offshore li jġorru ħaddiema lejn u minn installazzjonijiet offshore u tenders li jinġarru fuq vapur użati biex jittrasferixxu aktar minn 12-il persuna minn vapur tal-passiġġieri lejn l-art u lura,
    • opri tal-baħar għar-rikreazzjoni, u dgħajjes tradizzjonali u dgħajjes tal-qlugħ jekk dawn ikunu mgħammra bi propulsjoni mekkanika addizzjonali;
  • tissimplifika d-definizzjonijiet taż-żoni marittimi Ċ u D;
  • tikklassifika l-vapuri tal-passiġġieri (A, B, Ċ u D) skont iż-żona marittima li fiha jistgħu joperaw;
  • tirrikjedi li bastimenti mibnija bl-aluminju qabel l-20 ta’ Diċembru 2017 jikkonformaw mar-rekwiżiti tagħha sat-22 ta’ Diċembru 2025. Madankollu, jekk pajjiż tal-UE jkollu iktar minn 60 bastiment tal-passiġġieri b’liga tal-aluminju li jtajru l-bandiera tiegħu fl-20 ta’ Diċembru 2017 tista’ teżenta bastimenti tal-passiġġieri tal-aluminju tal-klassijiet B, Ċ u D mid-direttiva għal 12-il sena wara dik id-data, sakemm il-livelli ta’ sigurtà tagħhom ma jkunux kompromessi;
  • teħtieġ li l-vapuri tal-passiġġieri kollha ġodda jew eżistenti jġorru ċertifikat ta’ sigurtà għall-vapuri tal-passiġġieri.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2009/45/KE ilha tapplika mill-15 ta’  Lulju 2009. Id-Direttiva 2009/45/KE irrevediet u ssostitwixxiet id-Direttiva 98/18/KE(u l-emendi sussegwenti tagħha).

Id-Direttiva (UE) 2017/2108 daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 2017 u għandha tapplika fil-pajjiżi tal-UE sal-21 ta’ Diċembru 2019.

SFOND

Il-bastimenti użati għal vjaġġi domestiċi fl-ibħra tal-UE għandhom jissodisfaw l-istandards ta’ sigurtà bażiċi sabiex jipproteġu l-ħajja tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ tagħhom. Dawn l-istandards isaħħu b’mod konsiderevoli minn mindu l-vapur Estonia għereq fil-Baħar Baltiku fl-1994.

Id-Direttiva 2009/45/KE hija l-aktar strument leġiżlattiv tal-UE estensiv fil-qasam tas-sigurtà tal-bastimenti tal-passiġġieri. Din hija kkomplementata minn regoli tal-UE speċifiċi għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri u għall-inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira, u r-reġistrazzjoni tal-persuni abbord il-vapuri.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1–140).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/45/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Direttiva (UE) 2017/2108 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 40-51)

DOKUMENTI RELATATI

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-għanijiet ta’ sigurtà u r-rekwiżiti funzjonali għall-vapuri tal-passiġġieri ta’ inqas minn 24 metru tul (COM(2018) 314 final, 23.5.2018)

Direttiva (UE) 2017/2109 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità u d-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 52-60)

Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 61-77)

Direttiva tal-Kunsill 98/41/EC tat-18 ta’ Ġunju 1998 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35-39)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Direttiva tal-Kunsill 98/18/KE tas-17 ta’ Marzu 1998 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 144, 15.5.1998, p. 1-115)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 18.12.2018

Top