Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0652

    Kawża T-652/14: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Settembru 2014 – AF Steelcase vs UASI

    ĠU C 380, 27.10.2014, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 380/21


    Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Settembru 2014 – AF Steelcase vs UASI

    (Kawża T-652/14)

    2014/C 380/28

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: AF Steelcase, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentant: S. Rodríguez Bajón, avukat)

    Konvenuta: Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2014 tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern fir-rigward tal-esklużjoni ta’ AF Steelcase mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni;

    tannulla d-deċiżjonijiet l-oħra kollha relatati tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern fir-rigward tas-sejħa għal offerti inkwistjoni, inklużi, jekk ikun il-każ, dawk li jagħtu l-kuntratt li huwa s-suġġett tal-proċedura inkwistjoni, billi treġġa lura l-proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-istadju ta’ qabel l-esklużjoni ta’ AF Steelcase sabiex l-offerta tagħha tiġi evalwata;

    sussidjarjament, fil-każ li t-traġġiħ lura ma jkunx possibbli, tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern jikkumpensa lir-rikorrenti l-ammont ta’ EUR 20  380 għad-danni materjali sostnuti minn AF Steelcase minħabba d-deċiżjoni ta’ esklużjoni. Tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern iħallas ukoll kumpens ta’ EUR 24  000 għad-danni morali sostnuti minn AF Steelcase minħabba d-deċiżjoni ta’ esklużjoni.

    tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Dan ir-rikors huwa intiż kontra l-esklużjoni tal-offerta ppreżentata mir-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti pubblika għall-provvista u l-installazzjoni ta’ għamara u aċċessorji (lott 1) u senjaletika (lott 2) fis-sedi tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (ĠU 214/S 023-035020, tal-01.02.2014).

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u bdil ta’ kriterju fid-deċiżjoni li teskludi lil AF Steelcase mis-sejħa għall-offerti pubblika inkwistjoni.

    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li, indipendentement mill-motivazzjoni skarsa tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni, għandu jiġi kkonstatat bdil ta’ kriterju fl-amministrazzjoni li ċaħħad serjament lir-rikorrenti mir-rimedji għad-difiża tagħha, peress li għalkemm għall-ewwel kien ġie indikat li r-raġuni għall-esklużjoni tal-offerta kienet li l-modifika fit-taqsima 20 kienet tirrendi l-offerta inkompleta, ir-risposta għat-talba ta’ eżami addizzjonali kienet differenti, peress li kienu bbażati fuq tali motivazzjoni.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità li jirregolaw l-aġir tal-amministrazzjoni Ewropea.

    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li, fil-kawża preżenti, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern kellhu, hekk kif intebaħ bid-differenza fil-format tal-Anness 20, jikkuntattja lil AF Steelcase biex jiċċara dak li kien meħtieġ, peress li mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern hija mistennija eżekuzzjoni diliġenti, u fl-istess ħin prudenti, fil-kuntest tal-eżaminazzjoni u tal-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern naqas milli jitlob lill-AF Steelcase l-kjarifiki neċessarji skont l-Artikolu 158(3) tal-imsemmi regolament, li, kif kien il-każ, ma kinux jaffettwaw b’mod sostanzjali t-termini tal-offerta.


    Top