Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0526

    Kawża T-526/08 P: Appell ippreżentat fit- 3 ta' Diċembru 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fil- 25 ta' Settembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-44/05, Guido Strack vs Il-Kummssjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    ĠU C 44, 21.2.2009, p. 53–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 44/53


    Appell ippreżentat fit-3 ta' Diċembru 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fil-25 ta' Settembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-44/05, Guido Strack vs Il-Kummssjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    (Kawża T-526/08 P)

    (2009/C 44/93)

    Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: H. Krämer u B. Eggers)

    Parti oħra fil-kawża: Guido Strack (Köln, il-Ġermanja)

    Talbiet tal-appellanta

    l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-25 ta' Settembre 2008, fil-Kawża F-44/05, Guido Strack vs Il-Kummissjoni;

    li r-rikorrent fil-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi kkundannat għall-ispejjeż ta' dik il-kawża, kif ukoll għal dawk tal-appell.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanta tikkontesta s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-25 ta' Settembru 2008, fil-Kawża F-44/05, Guido Strack vs Il-Kummissjoni. B'din is-sentenza ġiet annullata d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej li tiċħad il-kandidatura ta' G. Strack għall-pożizzjoni ta' Kap tal-Unità “Sejħiet għal offerti u kuntratti” u l-Kummissjoni ġiet ikkundannata tħallas EUR 2 000 bħala kumpens għal dannu morali.

    Insostenn tal-appell tagħha l-appellanta tinvoka żewġ aggravji.

    1.   Ksur tad-dritt Komunitarju minħabba l-fatt li ġie rikonoxxut interess ġuridiku sabiex jitressaq rikors għal annullament

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta' ċaħda ġiet iddikjarata bħala ammissibbli minkejja n-nuqqas ta' interess tar-rikorrent li jressaq talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta' nomina minħabba li fl-istess ħin ressaq talba għal danni. Dan huwa żball ta' liġi u jista' joħloq inċertezzi fir-rigward tal-miżuri previsti fl-Artikolu 233 KE. Skont il-Kummissjoni, ir-regola li tipprovdi li l-inammissibbiltà ta' rikors għal annullament twassal awtomatikament għall-inammissibbiltà ta' rikors għal danni marbut miegħu mhijiex applikabbli peress li ma jeżisti ebda riskju li r-rikors għal danni jista' jwassal sabiex jiġi evitat il-bżonn ta' proċedura prekontenzjuża jew kundizzjonijiet oħra ta' ammissibbiltà u peress li għalhekk isegwi li rikors għal danni jista' jkun ammissibili anki jekk ir-rikors għal annullament ikun inammissibbli minħabba nuqqas ta' interess ġuridiku.

    2.   Nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-kunċett tad-danni morali

    It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliju wettaq żball fil-punt 219 tas-sentenza appellata meta ddikjara li r-rikorrent effettivament ġarrab dannu morali meta ġie miċħud mid-dritt li l-kandidatura tiegħu tiġi eżaminata f'kundizzjonijiet konformi mal-liġi. Din il-konklużjoni bilfors timplika li l-illegalità tad-deċiżjoni li tiċħad kandidatura tikkawża minnha nfisha dannu morali. Tali interpretazzjoni tinjora l-fatt li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tippresupponi li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet flimkien, jiġifieri, l-illegalità tal-imġieba allegata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, l-eżistenza tad-dannu allegat u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn dawn iż-żewġ elementi.


    Top