Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0496

Kawża C-496/08 P: Appell ippreżentat fit- 18 ta' Novembru 2008 , minn Pilar Angé Serrano, Jean-Marie Bras, Adolfo Orcajo Teresa, Dominiek Decoutere, Armin Hau u Francisco Javier Solana Ramos kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla) tat- 18 ta' Settembru 2008 fil-Kawża T-47/05 — Angé Serrano et vs Il-Parlament

ĠU C 44, 21.2.2009, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/27


Appell ippreżentat fit-18 ta' Novembru 2008, minn Pilar Angé Serrano, Jean-Marie Bras, Adolfo Orcajo Teresa, Dominiek Decoutere, Armin Hau u Francisco Javier Solana Ramos kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla) tat-18 ta' Settembru 2008 fil-Kawża T-47/05 — Angé Serrano et vs Il-Parlament

(Kawża C-496/08 P)

(2009/C 44/46)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Pilar Angé Serrano, Jean-Marie Bras, Adolfo Orcajo Teresa, Dominiek Decoutere, Armin Hau, Francisco Javier Solana Ramos (rappreżentant: E. Boigelot, avukat)

Appellati: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja

Talbiet tal-appellanti

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat u, għaldaqstant:

f'dak li jikkonċerna Angé Serrano, J.M. Bras u A. Orcajo Teresa, tannulla s-sentenza mogħtija, minn naħa, sa fejn tqis li m'hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-konfront tagħhom fir-rigward tal-ewwel kap ta' talbiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, sa fejn din tiċħad it-talba tagħhom għal għoti ta' danni;

fir-rigward ta' D. Decoutere, A, Hau u F.J. Solana Ramos, tannulla l-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza mogħtija u l-motivi relatati magħha;

tiddeċiedi l-kawża u, tilqa' r-rikors inizjali tar-rikorrenti fil-Kawża T-47/05:

tannulla d-deċiżjonijiet dwar il-klassifikazzjoni fi grad tar-rikorrenti wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ħlas tad-danni, evalwati ex aequo et bono għal EUR 60 000 għal kull appellant;

f'kull każ, tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż taż-żewġ kawżi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi fuq ir-rikorsi ppreżentati mis-sitt appellanti, kollha uffiċjali tal-Parlament Ewropew, li għaddew minn kompetizzjonijiet interni rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, iżda li l-klassifikazzjoni tagħhom ġiet emendata wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti l-ġodda.

L-ewwel tliet appellanti jinvokaw żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħhom.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, huma jsostnu li, billi qalet li m'hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball tad-dritt u naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta' motivazzjoni. Fil-fatt, l-appellanti kellhom interess ġuridiku għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta' klassifikazzjoni kkontestati, minkejja s-sostituzzjoni tagħhom permezz tad-deċiżjonijiet individwali ulterjuri tal-20 ta' Marzu 2006, sa fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza stess ikkunsidrat li dawn id-deċiżjonijiet il-ġodda ma jirrimedjawx kompletament l-ilmenti tar-rikorrenti peress li dawn ma jistabbilixxux mill-ġdid il-klassifikazzjoni fi grad superjuri. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq l-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, li fil-fehma tagħhom, il-legalità tagħhom għandha tiġi kkontestata.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, dwan l-istess appellanti jallegaw li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset mill-obbligu tagħha ta' motivazzjoni billi ċaħdet it-talba tagħhom ta' għoti ta' danni, filwaqt li l-klassifikazzjoni fi grad skont ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda tqiegħdhom fuq l-istess livell tal-kollegi tagħhom li m'għaddewx mill-kompetizzjoni għall-promozzjoni minn kategorija għal oħra u għaldaqstant tipproduċi dannu gravi fil-konfront tagħhom.

L-aħħar tliet appellanti jinvokaw aggravju wieħed insostenn tal-appell tagħhom, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda.

F'dan ir-rigward, l-appellanti jallegaw, fl-ewwel lok, il-ksur tad-drittijiet miksuba u tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi mill-Qorti tal-Prim'Istanza sa fejn din tikkunsidra li l-klassifikazzjoni fi grad superjuri wara li għaddew minn kompetizzjonijiet magħmula taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma ma tikkostitwixxix dritt miksub u ma tistax, bħala konsegwenza, toħloq xi aspettattiva leġittima.

Insostenn ta' dan l-istess aggravju, l-appellanti jsostnu, fit-tieni lok, li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali sa fejn, wara l-klassifikazzjoni mill-ġdid fi grad magħmula skont ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, huma qed jiġu ttrattati b'mod identiku bħall-kollegi tagħhom li m'għaddewx mill-istess kompetizzjonijiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat trattament differenti għal sitwazzjonijiet identiċi sa fejn hija tikkonkludi li persuni li għaddew minn kompetizzjoni tal-istess tip ma jiffurmawx parti minn kategorija waħda u identika, peress li r-regoli ta' klassifikazzjoni fi grad huma fil-fehma tagħha differenti skont id-data li fiha seħħet il-klassifikazzjoni. L-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet differenti fil-konfront ta' persuni li għaddew minn kompetizzjoni tal-istess tip, jiġifieri l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, għaldaqastant tmur kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali.


Top