Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CA0210

    Kawża C-210/06: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas- 16 ta' Diċembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-iSzegedi Ítélőtábla — Ir-Repubblika tal-Ungerija) — Fil-kawża Cartesio Oktató és Szolgáltató Bt (Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta' kumpannija fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn ġiet kkostitwita — Talba biex temenda l-indikazzjoni dwar l-uffiċċju rreġistrat fir-reġistru tal-kumpanniji — Rifjut — Appell kontra d-deċiżjoni tal-qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji — Artikolu 234 KE — Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ammissibbiltà — Kunċett ta' qorti jew tribunal — Kunċett ta' qorti jew tribunal nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħha/tiegħu m'hemm ebda rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali — Appell kontra d-deċiżjoni għal rinviju għal deċiżjoni preliminari — Poter ta' qorti tal-appell li tiċħad din id-deċiżjoni — Libertà ta' stabbiliment — Artikoli 43 KE u 48 KE)

    ĠU C 44, 21.2.2009, p. 3–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 44/3


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Diċembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-iSzegedi Ítélőtábla — Ir-Repubblika tal-Ungerija) — Fil-kawża Cartesio Oktató és Szolgáltató Bt

    (Kawża C-210/06) (1)

    (Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta' kumpannija fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn ġiet kkostitwita - Talba biex temenda l-indikazzjoni dwar l-uffiċċju rreġistrat fir-reġistru tal-kumpanniji - Rifjut - Appell kontra d-deċiżjoni tal-qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji - Artikolu 234 KE - Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ammissibbiltà - Kunċett ta' “qorti jew tribunal’ - Kunċett ta' “qorti jew tribunal nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħha/tiegħu m'hemm ebda rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali’ - Appell kontra d-deċiżjoni għal rinviju għal deċiżjoni preliminari - Poter ta' qorti tal-appell li tiċħad din id-deċiżjoni - Libertà ta' stabbiliment - Artikoli 43 KE u 48 KE)

    (2009/C 44/04)

    Lingwa tal-kawża: L-Ungeriż

    Qorti tar-rinviju

    Szegedi Ítélőtábla

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Cartesio Oktató és Szolgáltató Bt

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Szegedi Ítélőtábla — Interpretazzjoni tal-Artikoli 43, 48 u 234 KE — Nuqqas ta' possibbiltà li jiġi ttrasferit l-uffiċċju rreġistrat ta' kumpannija kkostitwita skont id-dritt tal-Istat Membru lejn Stat Membru ieħor mingħajr ma jsir stralċ qabel fl-Istat Membru tal-oriġini

    Dispożittiv

    1)

    Qorti bħall-qorti tar-rinviju, li għandha tiddeċiedi appell kontra deċiżjoni ta' qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji li tiċħad talba għal emenda ta' indikazzjoni f'dan ir-reġistru, għandha tiġi kkwalifikata bħala qorti jew tribunal li tista'/jista' tagħmel/jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, minkejja ċ-ċirkustanza li la d-deċiżjoni ta' din il-qorti u lanqas il-proċedura tal-appell tal-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni ma jkunu inter partes.

    2)

    Qorti bħall-qorti tar-rinviju, li d-deċiżjonijiet tagħha mogħtija fil-kuntest ta' kawża bħal dik fil-kawża prinċipali li tista' tiġi appellata quddiem qorti ta' kassazzjoni, m'għandhiex tkun ikkwalifikata bħala qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tagħha/tiegħu m'hemm ebda rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE.

    3)

    Meta japplikaw regoli nazzjonali dwar id-dritt ta' appell kontra deċiżjoni li titlob rinviju għal deċiżjoni preliminari, u taħt dawn ir-regoli, il-kawża prinċipali kollha tibqa' pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u d-deċiżjoni ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari biss li tkun suġġetta għal appell limitat, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 234 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kompetenza li din id-dispożizzjoni tat-Trattat tagħti lill-qorti tar-rinviju ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-applikazzjoni ta' tali regoli, li jippermettu lill-qorti li qed tiddeċiedi fl-appell li tbiddel d-deċiżjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tirrendi inoperattiv dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u li tordna lill-qorti tar-rinviju sabiex tkompli bil-proċeduri legali nazzjonali li kienu ġew sospiżi.

    4)

    Fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi ta' Stat Membru li tostakola kumpannija kkostitwita skont il-liġi nazzjonali ta' dan l-Istat Membru li tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor waqt illi żżomm l-istatus tagħha ta' kumpannija skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru skont liema liġi hija ġiet ikkostitwita.


    (1)  ĠU C 165, 15.7.2006.


    Top