Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE2566

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet [COM(2017) 208 final — 2017/090 (COD)] u dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi [COM(2017) 331 final — 2017/0136 (COD)]

    ĠU C 434, 15.12.2017, p. 63–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 434/63


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet

    [COM(2017) 208 final — 2017/090 (COD)]

    u dwar

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi

    [COM(2017) 331 final — 2017/0136 (COD)]

    (2017/C 434/10)

    Relatur:

    Petru Sorin DANDEA

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, COM(2017) 208 final – 31.5.2017; COM(2017) 331 final – 11.9.2017

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, COM(2017) 208 final – 6.6.2017; COM(2017) 331 final – 22.8.2017

    Bażi legali

    L-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    7.9.2017

    Adottata fil-plenarja

    20.9.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    528

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    145/0/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva, li tinkludi żewġ proposti għal regolamenti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef ir-ritmu fl-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR).

    1.2

    Il-KESE jilqa’ b’mod pożittiv ħafna l-fatt li l-proposta attwali tal-Kummissjoni timplimenta l-proposti fil-programm REFIT u ġiet ippreżentata wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa. Dan żgura li l-partijiet interessati kollha ġew ikkonsultati u irriżulta fi proposta għal semplifikazzjoni u titjib tar-regoli u tnaqqis fl-ispejjeż tal-konformità, filwaqt li fl-istess ħin ma ħoloqx riskju għall-istabbiltà finanzjarja.

    1.3

    Il-KESE jqis li huwa importanti li l-miżuri mressqin mill-Kummissjoni jkunu konsistenti mal-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar it-titolizzazzjoni.

    1.4

    Il-KESE jħoss li l-inizjattiva tal-Kummissjoni hija ġustifikata u jilqa’ bi pjaċir il-fatt li r-Regolament EMIR iżomm l-għan oriġinali tiegħu, peress li l-valur nozzjonali globali tad-derivattivi OTC huwa ta’ iktar minn EUR 544 triljun.

    1.5

    Il-KESE jirrakkomanda l-istandardizzazzjoni tat-tipi ta’ tranżazzjonijiet u strumenti derivattivi, peress li dan jista’ jgħin b’mod sinifikanti biex tittejjeb il-kwalità tad-data.

    1.6

    Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi livell limitu tal-ikklerjar għal kontropartijiet żgħar, peress li dawn isibu diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-ikklerjar.

    1.7

    Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex testendi l-perjodu li fih il-fondi ta’ pensjoni jkunu eżentati mill-obbligu tal-ikklerjar ċentrali, peress li sal-lum għadha ma nstabet l-ebda soluzzjoni li tippermettilhom l-likwidità neċessarja, mingħajr ma jintlaqtu l-interessi tal-membri tal-fond.

    1.8

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu superviżorju ġdid fi ħdan l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni talloka r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għat-taħriġ tal-persunal li se jkun jaħdem fid-dipartiment ġdid tal-ESMA, fid-dawl tal-kumplessità tal-attività superviżorja li ser ikollha titwettaq.

    2.   Il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea

    2.1

    F’Mejju u Ġunju, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ proposti għal Regolamenti (1) li jemendaw ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet

    2.2

    Iż-żewġ proposti kienu akkumpanjati minn dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni u valutazzjonijiet tal-impatt.

    2.3

    Fl-ewwel proposta għal Regolament, il-Kummissjoni tipproponi regoli eħfef u aktar effettivi għad-derivattivi. Il-Kummissjoni tixtieq tindirizza sfidi konsiderevoli u emerġenti fir-rigward ta’ kklerjar tad-derivattivi OTC. Il-proposta tindirizza erba’ elementi: rekwiżiti ta’ rapportar, kontropartijiet mhux finanzjarji, kontropartijiet finanzjarji u fondi ta’ pensjoni.

    2.4

    Fit-tieni proposta għal Regolament, il-Kummissjoni tipproponi superviżjoni aktar robusta tal-kontropartijiet ċentrali fir-rigward tas-suq tad-derivattivi. Din il-proposta għandha l-għan li tkompli ttejjeb l-istabbiltà finanzjarja tal-UE billi tistabbilixxi mekkaniżmu ġdid fi ħdan l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sorveljanza tas-suq tad-derivattivi.

    3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

    3.1

    L-emenda tar-Regolament EMIR hija parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura regolazzjoni aħjar tad-derivattivi. F’dawn l-aħħar snin, ġew implimentati għadd ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament permezz ta’ atti delegati, direttivi u regolamenti. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef ir-ritmu fl-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament EMIR.

    3.2

    Il-KESE jilqa’ b’mod pożittiv ħafna l-fatt li l-proposta attwali tal-Kummissjoni timplimenta l-proposti fil-programm REFIT u ġiet ippreżentata wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa. Dan żgura li l-partijiet interessati kollha ġew ikkonsultati u irriżulta fi proposta għal semplifikazzjoni u titjib tar-regoli u tnaqqis fl-ispejjeż tal-konformità, filwaqt li fl-istess ħin ma ħoloqx riskju għall-istabbiltà finanzjarja.

    3.3

    Il-KESE jqis li huwa importanti li l-miżuri mressqin mill-Kummissjoni jkunu konsistenti mal-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar it-titolizzazzjoni.

    3.4

    L-inizjattiva tal-Kummissjoni ma tipperikolax l-għan primarju tar-Regolament EMIR: is-superviżjoni u l-monitoraġġ tad-derivattivi OTC sabiex jiġi mmitigat ir-riskju sistemiku, u anke biex jitnaqqas il-volum ta’ dan it-tip ta’ strument, partikolarment dawk ta’ natura spekulattiva. Il-KESE jħoss li l-inizjattiva tal-Kummissjoni hija ġustifikata, minħabba li l-valur nozzjonali globali tad-derivattivi OTC huwa ta’ iktar minn EUR 544 triljun.

    3.5

    Il-bidliet għar-rekwiżiti ta’ rapportar proposti mill-Kummissjoni se jnaqqsu l-piż amministrattiv u jissemplifikaw il-proċedura ta’ rapportar għal ħafna kontropartijiet. Il-Kummissjoni tistma li l-kwalità tad-data rrapportata se tittejjeb ukoll. Il-KESE jemmen li l-istandardizzazzjoni tat-tipi ta’ tranżazzjonijiet u strumenti tista’ ttejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tad-data.

    3.6

    Il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi livell limitu tal-ikklerjar għal kontropartijiet żgħar. Peress li dawn isibu diffikultajiet fir-rigward tal-aċċess għall-ikklerjar, il-proposta tal-Kummissjoni tappoġġja dawn l-entitajiet żgħar, li jistgħu jkunu banek jew fondi ta’ investiment żgħar. Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni.

    3.7

    Fil-proposta għal regolament, il-Kummissjoni tixtieq li testendi l-perjodu li fih il-fondi ta’ pensjoni jkunu eżentati mill-obbligu ta’ ikklerjar ċentrali għal portafolli tad-derivati OTC miżmuma. Peress li l-fondi ta’ pensjoni ma għandhomx il-likwidità biex tippermettilhom ikklerjar ċentrali u għandhom rwol ċentrali biex jiżguraw dħul għall-persuni anzjani, il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni.

    3.8

    It-tieni proposta għal Regolament tintroduċi regoli u responsabbiltajiet ġodda fir-rigward tas-superviżjoni ta’ kontropartijiet ċentrali kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE. Il-proposta tistabbilixxi qafas imsaħħaħ għall-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali u l-awtoritajiet superviżorji. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni.

    3.9

    Ir-Regolament propost jipprevedi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu superviżorju ġdid fi ħdan l-ESMA, u li jkollu s-setgħat superviżorji fir-rigward ta’ kontropartijiet ċentrali tal-UE kif ukoll ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni qed tfittex li ttejjeb is-superviżjoni ta’ kontropartijiet ċentrali ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk li jista’ jkollhom rwol importanti f’operazzjonijiet ta’ kklerjar fi ħdan l-UE. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni talloka r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għat-taħriġ tal-persunal li se jkun jaħdem fid-dipartiment ġdid tal-ESMA, fid-dawl tal-kumplessità tal-attività superviżorja li ser ikollha titwettaq.

    3.10

    Minħabba l-isfidi li jirriżultaw mid-derivati OTC b’rabta mat-tfaddil taċ-ċittadini, kif ukoll ir-riskju sistemiku, il-KESE jtenni l-proposta tiegħu (2) għal programmi tal-edukazzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni tista’ tiffinanzja programmi bħal dawn għall-investituri fil-livell tal-konsumatur.

    Brussell, l-20 ta’ Settembru 2017

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  COM(2017) 208 final – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet; u COM(2017) 331 final – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi.

    (2)  Ara l-punt 4.7 tal-Opinjoni tal-KESE dwar Is-swieq tal-istrumenti finanzjarji (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 74).


    Top