This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D2399
Council Decision (EU) 2015/2399 of 26 October 2015 on the signing, on behalf of the European Union, and provisional application of the Agreement between the European Union and the Republic of Colombia on the short-stay visa waiver
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2399 tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2399 tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir
ĠU L 333, 19.12.2015, p. 1–2
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2399/oj
19.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 333/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2399
tas-26 ta' Ottubru 2015
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) ittrasferixxa r-referenza għar-Repubblika tal-Kolombja mill-Anness I għall-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2). |
(2) |
Dik ir-referenza għar-Repubblika tal-Kolombja hija akkumpanjata b'nota f'qiegħ il-paġna li tispeċifika li l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea. |
(3) |
F'konformità mar-Regolament (UE) Nru 509/2014, il-Kummissjoni vvalutat is-sitwazzjoni tar-Repubblika tal-Kolombja fir-rigward tal-kriterji stabbiliti f'dak ir-Regolament. Fid-29 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat rapport li jikkonkludi li t-titjib sinifikanti tas-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u tas-sigurtà Kolombjana f'dawn l-aħħar snin ipprovda ġustifikazzjoni għall-eżenzjoni taċ-ċittadini Kolombjani mir-rekwiżit tal-viża meta jivvjaġġaw lejn l-Unjoni Ewropea. |
(4) |
Fid-19 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjatii mar-Repubblika tal-Kolombja għall-konklużjoni ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (il-“Ftehim”). |
(5) |
In-negozjati dwar il-Ftehim saru fl-20 ta' Mejju 2015 u ġew iffinalizzati b'suċċess billi l-ftehim ġie inizjalat, permezz ta' skambju ta' ittri, fid-9 ta' Ġunju 2015. |
(6) |
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, u d-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim għandhom jiġu approvati,f'isem l-Unjoni. Il-Ftehim għandu japplika fuq bażi provviżorja, mill-jum wara dak tal-iffirmar tiegħu, sakemm jintemmu l-proċeduri għall-konklużjoni formali tiegħu. |
(7) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jieħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem f'adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(8) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tieħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem f'adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (il-“Ftehim”) huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.
It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 4
Il-Ftehim għandu japplika b'mod provviżorju mill-jum wara dak tal-iffirmar tiegħu (5), sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għal konklużjoni tiegħu.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
C. DIESCHBOURG
(1) Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 149, 20. 5.2014, p. 67).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(5) Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.