Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0056

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 56/2009 tal- 21 ta’ Jannar 2009 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 19, 23.1.2009, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/56/oj

    23.1.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 19/3


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 56/2009

    tal-21 ta’ Jannar 2009

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-merkanzija msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment msejsa fuqha jew li żżidilha kwalunkwe subdiviżjoni addizzjonali u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi, bil-ħsieb tal-applikazzjoni ta' miżuri tariffarji u ta’ miżuri oħra relatati mal-kummerċ ta’ merkanzija.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-merkanzija msemmija fil-kolonna 1 tat-tabella stipulata fl-Anness għandha tkun ikklassifikata taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna 2, għar-raġunijiet imsemmija fil-kolonna 3 ta' dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stipulat li tagħrif li jorbot dwar it-tariffi u li nħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda iżda li mhuwiex skont dan ir-Regolament, jista', għal perjodu ta' tliet xhur, ikompli jiġi invokat mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont il-fehma tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-merkanzija deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella li tidher fl-Anness għandha tkun ikklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna 2 ta' dik it-tabella.

    Artikolu 2

    Tagħrif li jorbot dwar it-tariffi maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhuwiex skont dan ir-Regolament, jista' jkompli jiġi invokat għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Jannar 2009.

    Għall-Kummissjoni

    László KOVÁCS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-merkanzija

    Klassifikazzjoni (Kodiċi tan-NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Basket magħmul minn drapp minsuġ minn strixxa tal-polipropil li hija inqas minn 5 mm wiesgħa, ta' forma kubika u li approssimament huwa 54.5 ċm × 74 ċm × 25 ċm, b'żewġ ċineg b'saħħithom magħmulin mill-istess materjal u meħjutin fuq iż-żewġ naħat it-twal tal-basket, b'kull waħda tasal u ddur ma' qiegħ il-basket.

    Iż-żewġt uċuħ tal-basket huma viżibbilment miksijin b'folja tal-plastic, ma fih l-ebda kompartimenti u jista' jingħalaq minn fuq b'żipp. It-truf huma msaħħa b'faxxa meħjuta.

    (kontenitur li jixbah basket tax-xiri)

    (Ara r-ritratt Nru 649) (*)

    4202 92 19

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 2(m) tal-Kapitolu 39, Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 42 u l-kliem tal-kodiċi NM 4202 , 4202 92 u 4202 92 19 .

    Minħabba l-forma kubika tiegħu tipika tal-basktijiet tax-xiri u ċ-ċineg msaħħa mpoġġija b'tali mod biex jinġarr bl-idejn mix-xerreja u minħabba l-fatt li l-kisja tal-plastik, iż-żipp, it-tarf msaħħaħ u ċ-ċineg b'saħħithom (li jinżlu mal-ġnub tal-basket għal raġunijiet ta' saħħa) jippermettulu li jibqa′ jintuża għal żmien twil, il-basket għandu l-karatteristiċi oġġettivi ta' “kontenitur li jixbah basket tax-xiri”.

    Kontenituri li jixbhu basket tax-xiri jaqgħu taħt l-intestatura 4202 (ara wkoll in-Nota ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HS) għall-intestatura 4202 l-ewwel paragrafu li jsemmi b’mod espliċitu li din l-intestitura tkopri biss l-oġġetti speċifikament imsemmija fih u kontenituri li jixbhuhom).

    Minħabba l-karatteristiċi imsemmija hawn fuq l-oġġett involut mhuwiex it-tip ta' kontenitur li normalment jintuża għall-ippakketjar jew it-twassil ta' kull tip ta' prodott, għalhekk il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3923 hija eskluża fi ħdan it-tifsira tan-Nota 2(m) tal-Kapitolu 39 (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HS) għall-intestatura 3923 , l-ewwel paragrafu, il-punt (a) u t-tieni paragrafu).

    Peress li l-wiċċ ta' barra tal-oġġett huwa miksi b'folja tal-plastik viżibbli bl-għajnejn, għandu jiġi klassifikat bħala oġġett bil-wiċċ ta' barra miksi bil-plastik (ara n-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 42).

    Għaldaqstant l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kodiċi NM 4202 92 19 .

    Image

    (*)  Ir-ritratt huwa għal skopijiet ta' tagħrif biss.


    Top