Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0066

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar esperiment temporanju rigward iż-żieda tal-piż massimu ta' lott ta' ċerti żrieragħ ta' l-għalf skond id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE (notifikat bid-dokument numru C(2006) 6572) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 32, 6.2.2007, p. 161–163 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 174–176 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013: This act has been changed. Current consolidated version: 05/11/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/66(1)/oj

    24.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    174


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-18 ta' Diċembru 2006

    dwar esperiment temporanju rigward iż-żieda tal-piż massimu ta' lott ta' ċerti żrieragħ ta' l-għalf skond id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE

    (notifikat bid-dokument numru C(2006) 6572)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2007/66/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1966 dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ta' l-għalf (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 13a tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 66/401/KEE tistipula l-piż massimu ta' lott biex tevita l-eteroġeneità f'lottijiet ta' żrieragħ fil-kuntest ta' l-ittestjar taż-żrieragħ.

    (2)

    Bidliet fil-produzzjoni taż-żrieragħ u fil-prassi tal-kummerċjalizzazzjoni, b'mod partikolari fid-daqs imkabbar ta' l-uċuħ tar-raba' taż-żrieragħ u fil-metodi ta' trasport taż-żrieragħ inkluż it-trasport bil-baħar ta' kwantità, jissuġġerixxu li żieda fil-piż massimu preskritt tal-lott għaż-żrieragħ ta' ħxejjex hija mixtieqa.

    (3)

    Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/454/KE (2) ġie organizzat esperiment temporanju rigward iż-żieda tal-piż massimu ta' lott ta' ċerti żrieragħ għall-għalf skond id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE li kellu jintemm fl-1 ta' Ġunju 2003. Iżda ma ħadet sehem l-ebda kumpanija taż-żrieragħ billi din id-Deċiżjoni kienet titlob test ta' eteroġeneità li għandu jitwettaq fuq kull lott ta' żrieragħ prodotti taħt l-esperiment li jinvolvi spejjeż kbar addizzjonali.

    (4)

    Il-prassi internazzjonali attwali, jiġifieri l-Protokoll Tekniku ta' l-ISTA (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta' l-Ittestjar taż-Żrieragħ (International Seed Testing Association))/ISF (il-Federazzjoni Internazzjonali taż-Żrieragħ), approvat mill-Kumitat Eżekuttiv ta' l-ISTA fl-10 ta' Frar 2006, u adottat mill-Kunsill ta' l-OECD (l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp ta' l-Ekonomija) fl-24 ta' Mejju 2006 jippermetti proċeduri li bihom piż massimu ta' lott jista' jiżdied għall-ħxejjex.

    (5)

    Għandu jiġi organizzat esperiment temporanju li jżid il-piż massimu ta' lott ta' ħxejjex sabiex ikunu jistgħu jiġu ttestjati fil-prattika l-kundizzjonijiet li taħthom l-impjanti ta' produzzjoni jkunu jistgħu jipproduċu b'mod suffiċjenti lottijiet kbar omoġenji ta' żrieragħ.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-materjal ta' propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikoltura u l-Forestrija,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 66/401/KEE u mill-Anness III ta' din id-Direttiva, għall-Istati Membri li qegħdin jieħdu sehem fl-esperiment temporanju u għaż-żrieragħ ta' l-ispeċi elenkati fil-kolonna 1 ta' l-Anness III ta' din id-Direttiva taħt it-titolu “GRAMINEAE” il-piż massimu ta' lott għandu jkun ta' 25 tunnellata.

    2.   Għall-Istati Membri li qegħdin jieħdu sehem fl-esperiment temporanju l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw flimkien mal-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 66/401/KEE.

    3.   L-Istati Membri li qegħdin jieħdu sehem fl-esperiment għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kif xieraq. Huma jistgħu itemmu l-parteċipazzjoni tagħhom fi kwalunkwe żmien billi jgħarrfu lill-Kummissjoni kif xieraq.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom għal kull sena, sal-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara, jippreżentaw rapport lill-Kumissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar ir-riżultati ta' l-esperiment.

    Artikolu 3

    L-esperiment temporanju għandu jibda fl-1 ta' Jannar 2007 u jintemm fit-30 ta' Ġunju 2012.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 18 ta' Diċembru 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 125, 11.7.1966, p. 2298/66. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/117/KE (ĠU L 14, 18.1.2005, p. 18).

    (2)  ĠU L 155, 14.6.2002, p. 57.


    ANNESS

    Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1:

    (a)

    F'każ ta' deroga mid-daqs massimu tal-lottijiet taż-żrieragħ tal-gramineae għandu jiġi segwit id-dokument “ISTA/ISF Esperiment dwar id-Daqs tal-Lott taż-Żrieragħ tal-Ħxejjex (1)”, kif adottat mill-Kunsill ta' l-OECD fl-24 ta' Mejju 2006;

    (b)

    il-produtturi taż-żrieragħ għandhom jiġu liċenzjati uffiċjalment mill-Awtorità ta' Ċertifikazzjoni;

    (ċ)

    it-tikketta uffiċjali preskritta taħt id-Direttiva 66/401/KEE għandu jkollha n-numru ta' din id-Deċiżjoni wara l-kliem “Regoli u standards tal-KE”;

    (d)

    il-kampjuni forniti għal provi komparattivi Komunitarji minn Stat Membru li qed jieħu sehem fl-esperiment temporanju għandhom jiġu minn lottijiet taż-żrieragħ ċertifikati uffiċjalment taħt it-termini ta' l-esperiment; kif ukoll

    (e)

    l-Awtorità ta' Ċertifikazzjoni għandha tissorvelja l-esperiment, u twettaq, fejn xieraq, verifiki sa 5 % mit-testijiet ta' eteroġeneità.


    (1)  (http://www.seedtest.org/en/content –-1–1039.html)


    Top