Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1055

    1055/2005/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1055/2005 tas- 27 ta’ Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika

    ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 183–186 (MT)
    ĠU L 174, 7.7.2005, p. 1–4 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/04/2024; Impliċitament imħassar minn 32024R1263

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1055/oj

    31.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    183


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1055/2005

    tas-27 ta’ Ġunju 2005

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 99(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 252 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir inizjalment kien jikkonsisti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv (4) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (5). Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir wera l-utilità tiegħu li jankra d-dixxiplina fiskali, biex b'hekk huwa jikkontribwixxi għal livell għoli ta' stabbilità makroekonomika b'rati ta' inflazzjoni u ta' mgħax baxxi, li huwa meħtieġ biex jistimula tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi.

    (2)

    Fl-20 ta' Marzu 2005 l-Kunsill adotta rapport intitolat “Titjib fl-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir” li għandu l-għan li jtejjeb il-governanza u l-pussess nazzjonali tal-qafas fiskali billi jsaħħaħ l-irfid ekonomiku u l-effettività tal-Patt, kemm fil-qasam preventiv kif ukoll f’dak korrettiv tiegħu, biex jissalvagwardja s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, biex jippromwovi t-tkabbir u biex jevita li jiġu imposti piżijiet eċċessivi fuq ġenerazzjonijiet futuri. Ir-rapport ġie kontrofirmat mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta' Marzu 2005 (6), li ddikjaraw li r-rapport jaġġorna u jikkomplementa l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li tiegħu issa huwa parti integrali.

    (3)

    Skond ir-rapport Ecofin ta' l-20 ta' Marzu 2005 kontrofirmat mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2005, l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jimplimentaw it-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod effettiv u f’waqtu, permezz tas-sostenn bejn il-pari u l-pressjoni mill-pari, u li jaġixxu f’kooperazzjoni mill-qrib u kostruttiva fil-proċess ta’ sorveljanza ekonomika u fiskali, sabiex jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-effettività fir-regoli tal-Patt.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jeħtieġ li jiġi emendat sabiex jippermetti l-applikazzjoni sħiħa tat-titjib maqbul fl-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    (5)

    Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jistabbilixxi l-obbligu ta' l-Istati Membri sabiex jaderixxu għall-objettiv fuq il-perijodu medju għall-pożizzjonijiet baġitarji tagħhom ta' “qrib il-bilanċ jew fl-eċċess” (CTBOIS). Fid-dawl ta' l-eteroġeneità ekonomika u baġitarja fl-Unjoni, l-objettiv fuq il-perijodu medju għandu jiġi divrenzjat għall-Istati Membri individwali, sabiex tittieħed konsiderazzjoni tad-diversità ta' pożizzjonijiet u żviluppi ekonomiċi u baġitarji kif ukoll tar-riskju fiskali għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, ukoll fid-dawl tal-bidliet demografiċi prospettivi. L-objettiv fuq il-perijodu medju jista' jitbiegħed mis-CTBOIS għall-Istati Membri individwali. Għaż-żona ta' l-euro u l-Istati Membri ERM2, ikun hemm għalhekk firxa definita għall-objettivi baġitarji fuq il-perijodu medju li huma speċifiċi għall-pajjiż, f'termini aġġustati ċiklikament, mingħajr miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn.

    (6)

    Għandu jinkiseb approċċ aktar simmetriku għall-politika fiskali matul iċ-ċiklu permezz ta’ dixxiplina baġitarja mtejba fi żminijiet ekonomiċi tajbin, bl-objettiv li jiġu evitati linji politiċi pro-ċikliċi u li gradwalment jintlaħaq l-objettiv baġitarju fuq il-perijodu medju. L-aderenza għall-objettiv baġitarju fuq il-perijodu medju għandu jippermetti lill-Istati Membri jittrattaw il-varjazzjonijiet ċikliċi normali waqt li l-iżbilanċ tal-gvern jinżamm taħt it-3 % tal-valur ta' referenza tal-PGD u jiġi żgurat progress rapidu lejn is-sostenibbiltà fiskali. Jekk dan jitqies għandu jkun hemm spazju għall-manuvrar baġitarju, b'mod partikolari għall-investiment pubbliku.

    (7)

    L-Istati Membri li għadhom ma laħqux l-objettiv baġitarju tagħhom fuq il-perijodu medju għandhom jieħdu passi biex jiksbuh matul iċ-ċiklu. Sabiex jilħqu l-objettiv baġitarju tagħhom fuq il-perijodu medju, l-Istati Membri taż-żona ta' l-euro jew ta' l-ERM2 għandhom isegwu aġġustament annwali minimu f'termini aġġustati ċiklikament, mingħajr miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn.

    (8)

    Sabiex tittejjeb in-natura tal-Patt orjentata fuq it-tkabbir, ir-riformi strutturali maġġuri li jkollhom effetti diretti ta' tnaqqis fl-ispejjeż għall-perijodu fit-tul, inkluż biż-żieda tat-tkabbir potenzjali, u għalhekk ikollhom impatt verifikabbli fuq is-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi, għandhom jiġu meqjusa meta tkun qed tiġi definita t-triq ta' aġġustament għall-objettiv baġitarju fuq il-perijodu medju għal pajjiżi li jkunu għadhom ma laħqux dan l-objettiv u meta tkun qed titħalla devjazzjoni temporanja minn dan l-objettiv għal pajjiżi li jkunu diġà laħquh. Sabiex ma jfixklux riformi strutturali li bla dubju jtejbu s-sostenibbiltà fuq il-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi, għandha tingħata attenzjoni speċjali għar-riformi tal-pensjonijiet li jintroduċu sistema b’diversi pilastri li tinkludi pilastru obbligatorju, kompletament iffinanzjat, peress li dawn ir-riformi jinvolvu deterjorament fuq il-perijodu qasir tal-finanzi pubbliċi matul il-perijodu ta' implimentazzjoni.

    (9)

    Skadenzi stabbiliti għall-eżami ta' programmi ta' stabbiltà u konverġenza mill-Kunsill għandhom jiġu estiżi sabiex jippermettu għal valutazzjoni bir-reqqa tal-programmi ta' stabbiltà u konverġenza,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 huwa b'dan emendat kif ġej:

    (1)

    Għandhom jiddaħħlu l-intestatura u l-Artikolu li ġejjin:

    “TAQSIMA 1A

    OBJETTIVI TAL-BUDGET FUQ TERMINU MEDJU TA' ŻMIEN”

    “Artikolu 2a

    Kull Stat Membru għandu jkollu objettiv divrenzjat fuq terminu medju ta' żmien għall-pożizzjoni tal-budget tiegħu. Dawn l-objettivi tal-budget fuq terminu medju ta' żmien li huma speċifiċi għall-pajjiż jistgħu jitbiegħdu mill-ħtieġa ta' pożizzjoni qrib il-bilanċ jew f'bilanċ favorevoli. Huma għandhom jipprovdu marġini ta' sigurezza fir-rigward tal-proporzjon ta' 3 % tal-PGD għall-iżbilanċ tal-gvern; huma għandhom jiżguraw progress rapidu lejn is-sostenibbiltà u, meta jitqies dan kollu, huma għandhom jippermettu l-ispazju għall-manuvrar fil-budget, b'konsiderazzjoni partikolarment tal-ħtiġijiet għall-investiment pubbliku.

    Meta jitqiesu dawn il-fatturi, għall-Istati Membri li adottaw l-euro u għall-Istati Membri ERM2, l-objettivi tal-budget fuq terminu medju ta' żmien li huma speċifiċi għall-pajjiż għandhom ikunu speċifikati f'firxa definita bejn – 1 % tal-PGD u bilanċ jew bilanċ favorevoli, f'termini aġġustati ċiklikament, mingħajr miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn.

    L-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien ta' Stat Membru jista' jiġi rivedut meta tiġi implimentata riforma strutturali maġġura u fi kwalunkwe każ kull erba' snin.”

    (2)

    L-Artikolu 3(2) huwa b'dan emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    l-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien u t-triq ta' aġġustament lejn dan l-objettiv għall-bilanċ favorevoli/żbilanċ tal-gvern ġenerali u t-triq mistennija tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali;”

    (b)

    il-punt (ċ) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(ċ)

    stima dettaljata u kwantitattiva tal-miżuri fil-budget u miżuri ta' politika ekonomika oħrajn li jkunu qed jittieħdu u/jew proposti biex jinkisbu l-objettivi tal-programm, li jinkludu analiżi dettaljata tal-benefiċċju fuq l-ispejjeż ta' riformi strutturali maġġuri li jkollhom effetti diretti ta' tnaqqis fl-ispejjeż għal terminu fit-tul ta' żmien, inkluż biż-żieda tat-tkabbir potenzjali;”

    (ċ)

    għandu jiżdied il-punt li ġej:

    “(e)

    jekk applikabbli, ir-raġunijiet għal devjazzjoni mit-triq ta' aġġustament meħtieġa lejn l-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien.”.

    (3)

    L-Artikolu 5 huwa b' dan emendat kif ġej:

    (a)

    L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit bis-subparagrafi li ġejjin:

    “1.   Fil-waqt li jibbaża ruħu fuq l-istimi tal-Kummissjoni u tal-Kumitat stabbiliti skond l-Artikolu 114 tat-Trattat, il-Kunsill għandu, fil-qafas ta' sorveljanza multilaterali skond l-Artikolu 99 tat-Trattat, jeżamina l-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien ippreżentat mill-Istat Membru kkonċernat, jivvaluta jekk l-suppożizzjonijiet ekonomiċi li fuqhom il-programm huwa bbażat humiex realistiċi, jekk it-triq ta' aġġustament lejn l-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien hijiex xierqa u jekk il-miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu u/jew proposti biex jirrispettaw dik it-triq ta' aġġustament humiex biżżejjed biex jinkiseb l-objettiv fuq terminu medju ta' żmien matul iċ-ċiklu.

    Il-Kunsill, waqt li jivvaluta t-triq ta' aġġustament lejn l-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien, għandu jeżamina jekk l-Istat Membru kkonċernat isegwix it-titjib annwali tal-bilanċ tiegħu aġġustat ċiklikament, mingħajr miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn, meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu tal-budget fuq terminu medju ta' żmien, b'0,5 % tal-PGD bħala punt ta' referenza. Il-Kunsill għandu jikkunsidra jekk isirx sforz ta' aġġustament ogħla fi żminijiet ekonomiċi tajbin, filwaqt li l-isforz jista' jkun aktar limitat fi żminijiet ekonomiċi ħżiena.

    Waqt li jkun qed jiddeffinixxi t-triq ta' aġġustament lejn l-objettiv tal-iiii fuq terminu medju ta' żmien għal Stati Membri li jkun għadhom ma laħqux dan l-objettiv u billi jippermetti devjazzjoni temporanja minn dan l-objettiv għall-Istati Membri li jkunu laħquh diġà, bil-kondizzjoni li jinżamm marġini ta' sigurezza xieraq fir-rigward tal-valur ta' referenza għall-iżbilanċ u li l-pożizzjoni tal-budget tkun mistennija tmur lura għall-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien fil-perijodu tal-programm, il-Kunsill għandu jitqies l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali maġġuri li jkollhom effetti diretti ta' tnaqqis fl-ispejjeż għal terminu fit-tul ta' żmien, inkluż biż-żieda tat-tkabbir potenzjali, u għalhekk impatt verifikabbli fuq is-sostenibbiltà fuq terminu fit-tul ta' żmien tal-finanzi pubbliċi.

    Għandha tingħata attenzjoni speċjali għar-riformi tal-pensjonijiet li jintroduċu sistema b’diversi pilastri li tinkludi pilastru obbligatorju, kompletament iffinanzjat. L-Istati Membri li jimplimentaw tali riformi għandhom jitħallew jiddevjaw mit-triq ta' aġġustament lejn l-objettiv tagħhom tal-budget fuq terminu medju ta' żmien jew mill-objettiv innifsu, b'devjazzjoni li tirrifletti l-ispiża netta tar-riforma għall-pilastru amminstrat b'mod pubbliku, bil-kondizzjoni li d-devjazzjoni tibqa' temporanja u li jinżamm marġini ta' sigurezza xieraq fir-rigward tal-valur ta' referenza għall-iżbilanċ”.

    (b)

    Fil-paragrafu 2, il-kliem “xahrejn” għandhom jinbidlu bil-kliem “tliet xhur”.

    (4)

    L-Artikolu 7(2) huwa b'dan emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    l-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien u t-triq ta' aġġustament lejn dan l-objettiv għall-bilanċ favorevoli/żbilanċ tal-gvern ġenerali u t-triq mistennija tal-proporzjon ta' dejn tal-gvern ġenerali; l-objettivi tal-politika monetarja fuq terminu medju ta' żmien; ir-relazzjoni ta' dawk l-objettivi ma' l-istabbilità tal-prezzijiet u tar-rata tal-kambju;”

    (b)

    il-punt (ċ) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “(ċ)

    stima dettaljata u kwantitattiva tal-miżuri fil-budget jew miżuri ta' politika ekonomika oħrajn li jkunu qed jittieħdu u/jew proposti biex jinkisbu l-objettivi tal-programm, li jinkludu analiżi dettaljata tal-benefiċċju fuq l-ispejjeż ta' riformi strutturali maġġuri li jkollhom effetti diretti ta' tnaqqis fl-ispejjeż għal terminu fit-tul ta' żmien, inkluż biż-żieda tat-tkabbir potenzjali;”

    (ċ)

    għandu jiżdied il-punt li ġej:

    “(e)

    jekk applikabbli, ir-raġunijiet għal devjazzjoni mit-triq ta' aġġustament meħtieġa lejn l-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien.”

    (5)

    L-Artikolu 9 huwa b' dan emendat kif ġej:

    (a)

    L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit bis-subparagrafi li ġejjin:

    “1.   Fil-waqt li jibbaża ruħu fuq l-istimi tal-Kummissjoni u tal-Kumitat stabbiliti skond l-Artikolu 114 tat-Trattat, il-Kunsill għandu, fil-qafas ta' sorveljanza multilaterali skond l-Artikolu 99 tat-Trattat, jeżamina l-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien ippreżentat mill-Istat Membru kkonċernat, jivvaluta jekk l-suppożizzjonijiet ekonomiċi li fuqhom il-programm huwa bbażat humiex realistiċi, jekk it-triq ta' aġġustament lejn l-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien hijiex xierqa u jekk il-miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu u/jew proposti biex jirrispettaw dik it-triq ta' aġġustament humiex biżżejjed biex jinkiseb l-objettiv fuq terminu medju ta' żmien matul iċ-ċiklu.

    Il-Kunsill, waqt li jivvaluta t-triq ta' aġġustament lejn l-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien, għandu jikkunsidra jekk isirx sforz ta' aġġustament ogħla fi żminijiet ekonomiċi tajbin, filwaqt li l-isforz jista' jkun aktar limitat fi żminijiet ekonomiċi ħżiena. Għall-Istati Membri ERM2, il-Kunsill għandu jeżamina jekk l-Istat Membru kkonċernat isegwix it-titjib annwali tal-bilanċ tiegħu aġġustat ċiklikament, mingħajr miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn, meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu tal-budget fuq terminu medju ta' żmien, b'0,5 % tal-PGD bħala punt ta' referenza.

    Waqt li jkun qed jiddeffinixxi t-triq ta' aġġustament lejn l-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien għal Stati Membri li jkun għadhom ma laħqux dan l-objettiv u billi jippermetti devjazzjoni temporanja minn dan l-objettiv għall-Istati Membri li jkunu laħquh diġà, bil-kondizzjoni li jinżamm marġini ta' sigurezza xieraq fir-rigward tal-valur ta' referenza għall-iżbilanċ u li l-pożizzjoni tal-budget tkun mistennija tmur lura għall-objettiv tal-budget fuq terminu medju ta' żmien fil-perijodu tal-programm, il-Kunsill għandu jqis implimentazzjoni ta' riformi strutturali maġġuri li jkollhom effetti diretti ta' tnaqqis fl-ispejjeż għal terminu fit-tul ta' żmien, inkluż biż-żieda tat-tkabbir potenzjali, u għalhekk impatt verifikabbli fuq is-sostenibbiltà fuq terminu fit-tul ta' żmien tal-finanzi pubbliċi.

    Għandha tingħata attenzjoni speċjali għar-riformi tal-pensjonijiet li jintroduċu sistema b’diversi pilastri li tinkludi pilastru obbligatorju, kompletament iffinanzjat. L-Istati Membri li jimplimentaw tali riformi għandhom jitħallew jiddevjaw mit-triq ta' aġġustament lejn l-objettiv tagħhom tal-budget fuq terminu medju ta' żmien jew mill-objettiv innifsu, b'devjazzjoni li tirrifletti l-ispiża netta tar-riforma għall-pilastru amminstrat b'mod pubbliku, bil-kondizzjoni li d-devjazzjoni tibqa' temporanja u li jinżamm marġini ta' sigurezza xieraq fir-rigward tal-valur ta' referenza għall-iżbilanċ”.

    (b)

    Fil-paragrafu 2, il-kliem “xahrejn” għandhom jinbidlu bil-kliem “tliet xhur”.

    (6)

    Ir-referenzi għall-Artikoli 103 u 109c tat-Trattat jinbidlu għal referenzi għall-Artikoli 99 u 114 rispettivament fir-Regolament kollu.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 27 ta’ Ġunju 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-C. JUNCKER


    (1)  ĠU C 144, 14.6.2005, p. 17.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ġunju 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (4)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

    (5)  ĠU C 236, 2.8.1997, p. 1.

    (6)  L-Anness 2 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22-23 ta' Marzu 2005.


    Top