This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R1042
Regulation (EU) 2020/1042 of the European Parliament and of the Council of 15 July 2020 laying down temporary measures concerning the time limits for the collection, the verification and the examination stages provided for in Regulation (EU) 2019/788 on the European citizens’ initiative in view of the COVID-19 outbreak
Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jistabbilixxi miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami previsti fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19
Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jistabbilixxi miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami previsti fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19
PE/23/2020/REV/1
ĠU L 231, 17.7.2020, pp. 7–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022
|
17.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 231/7 |
REGOLAMENT (UE) 2020/1042 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta' Lulju 2020
li jistabbilixxi miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami previsti fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet saret pandemija dinjija. L-Istati Membri ntlaqtu b’mod drammatiku u eċċezzjonali mill-konsegwenzi ta’ dik il-pandemija. Huma ħadu serje ta’ miżuri restrittivi biex iwaqqfu jew inaqqsu r-ritmu tat-trażmissjoni tal-COVID-19, inklużi miżuri ta’ lockdown biex jirrestrinġu l-moviment liberu taċ-ċittadini tagħhom, il-projbizzjoni ta’ avvenimenti pubbliċi, u l-għeluq ta’ ħwienet, ristoranti u skejjel. Dawk il-miżuri wasslu għall-waqfien totali tal-ħajja pubblika fi kważi l-Istati Membri kollha. |
|
(2) |
Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri inevitabbilment kellhom ukoll impatt serju fuq l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Biex l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej ('inizjattivi') jkunu validi, ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jirrikjedi li l-organizzaturi jiġbru mill-inqas miljun dikjarazzjoni ta’ appoġġ f’mill-inqas kwart tal-Istati Membri fi żmien 12-il xahar. Il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f'forma stampata, il-kampanji lokali u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti pubbliċi, li huma ta’ importanza sinifikanti biex inizjattiva tikseb suċċess, saru sostanzjalment aktar diffiċli minħabba l-miżuri li ttieħdu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. |
|
(3) |
L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ukoll ċerti obbligi legali taħt ir-Regolament (UE) 2019/788. Dawk l-obbligi huma soġġetti għal limiti stretti ta’ żmien li minnhom ir-Regolament (UE) 2019/788 ma jippermetti l-ebda deroga. |
|
(4) |
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt li javviċinaw lill-Kummissjoni b’talba biex din tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej hija wieħed mill-istrumenti ewlenin għaċ-ċittadini tal-Unjoni biex jimpenjaw ruħhom b’mod faċli u aċċessibbli fid-dibattitu demokratiku u politiku dwar l-Unjoni u biex idaħħlu fl-aġenda tal-Unjoni kwistjonijiet li għalihom huma importanti. |
|
(5) |
Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kurrenti u b’mod partikolari minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, huma meħtieġa miżuri temporanji biex tiġi ppreservata l-effettività tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bħala strument, u biex tiġi pprovduta ċertezza legali dwar estensjonijiet possibbli tal-limiti ta’ żmien applikabbli. |
|
(6) |
L-Istati Membri indikaw li, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jimmonitorjaw u jikkontrollaw is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika, huma ser inaqqsu biss gradwalment il-livell ta’ restrizzjonijiet introdotti mill-miżuri meħuda b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk huwa xieraq li l-perjodu għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jiġi estiż b’sitt xhur, biex ikopri l-perjodu mill-11 ta’ Marzu 2020, meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet saret pandemija. Dik l-estensjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li mill-inqas matul l-ewwel sitt xhur mill-11 ta’ Marzu 2020, mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni se jkollhom fis-seħħ miżuri li se jxekklu b’mod sostanzjali l-kapacità tal-organizzaturi li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f'forma stampata u li jwettqu kampanji lokali. Jenħtieġ għalhekk li l-perjodu massimu ta’ ġbir għad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għall-inizjattivi li fir-rigward tagħhom il-perjodu ta' ġbir kien għaddej fil-11 ta’ Marzu 2020 jiġi estiż b’sitt xhur. Barra minn hekk, għall-inizjattivi li fir-rigward tagħhom il-perjodu ta’ ġbir beda bejn il-11 ta’ Marzu u l-11 ta’ Settembru 2020, jenħtieġ li l-perjodu ta’ ġbir jiġi estiż sal-11 ta’ Settembru 2021. |
|
(7) |
Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u minħabba li huwa diffiċli li jiġi previst meta sejra tintemm il-pandemija fl-Unjoni, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex testendi aktar il-perjodu ta’ ġbir fir-rigward tal-inizjattivi li għalihom il-perjodu ta’ ġbir ikun għadu għaddej fil-11 ta’ Settembru 2020 fejn miżuri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 li jxekklu b’mod sostanzjali l-kapacità tal-organizzaturi li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f'forma stampata u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi tagħhom li jkunu għaddejjin jibqgħu jeżistu wara dik id-data f'mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew f'numru ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-estensjoni ta’ sitt xhur tal-perjodu ta’ ġbir prevista minn dan ir-Regolament tagħti lill-Kummissjoni biżżejjed żmien biex tiddeċiedi jekk tkunx iġġustifikata estensjoni oħra tal-perjodu ta’ ġbir. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ta' implimentazzjoni jkunu wkoll jippermettu lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex testendi l-perjodu ta’ ġbir fil-każ ta’ kriżi ġdida tas-saħħa pubblika marbuta ma’ tifqigħa ġdida tal-COVID-19, dment li mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkunu ħadu miżuri li x’aktarx ikollhom l-istess effett. Jenħtieġ li, meta tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni tindika l-inizjattivi kkonċernati, bid-data ġdida tat-tmiem tal-perjodi ta’ ġbir tagħhom konsegwenti għal kwalunkwe estensjoni mogħtija, kif ukoll iċ-ċirkostanzi fattwali li jiġġustifikaw l-għoti ta' tali estensjonijiet. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(8) |
Jenħtieġ li, fil-valutazzjoni li tagħmel qabel tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jestendu l-perjodu ta’ ġbir, il-Kummissjoni tqis jekk il-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 jew b’reazzjoni għal tifqigħa ġdida tal-COVID-19 ifixklux b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-organizzaturi li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f'forma stampata u jagħmlu kampanji lokali. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-organizzaturi kkonċernati u lill-Istati Membri dwar kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta’ ġbir flimkien mad-data ġdida tat-tmiem tal-perjodu ta’ ġbir fir-rigward ta’ kull inizjattiva kkonċernata. F'konformità mal-obbligu tal-Kummissjoni li tinforma taħt l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/788, jenħtieġ li dawk id-dati ġodda tat-tmiem jiġu indikati wkoll fir-reġistru online u fis-sit web pubbliku dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. |
|
(10) |
Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva partikolari fi ħdan il-limitu ta’ żmien ta’ tliet xhur stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/788. Pereżempju, jista’ jkun hemm inqas persunal disponibbli, jew l-awtoritajiet kompetenti jista’ jkollhom kompiti u responsabbiltajiet addizzjonali bħala konsegwenza tal-pandemija. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, minkejja l-miżuri meħuda b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, l-amministrazzjonijiet tagħhom jaħdmu kemm jista’ jkun b’mod normali. Madankollu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jenħtieġ li Stat Membru jitħalla jippreżenta talba motivata lill-Kummissjoni għal estensjoni tal-perjodu ta’ verifika. Jenħtieġ li t-talba tkun sostanzjata u li tieħu kont tal-effetti ta' miżuri relatati mal-pandemija fuq il-funzjonament tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tagħti l-estensjoni mitluba. Jenħtieġ li l-estensjoni ma tkunx itwal mill-perjodu inizjali ta’ verifika. |
|
(12) |
Minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, jista’ jkun diffiċli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jorganizzaw laqgħat ma' organizzaturi jew seduti pubbliċi fil-kuntest tal-eżami ta’ inizjattivi validi fl-Istat Membru li fih ikollhom l-intenzjoni li jorganizzaw tali laqgħat jew seduti. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jitħallew jipposponu dawk il-laqgħat jew seduti sa data meta dawn ikunu possibbli fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika f’dak l-Istat Membru. Fejn is-seduta pubblika tiġi posposta, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li tipposponi l-adozzjoni tal-komunikazzjoni tagħha li tistabbilixxi l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva sa tliet xhur wara li tkun saret is-seduta pubblika, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu kont debitu tal-kostatazzjonijiet fis-seduta. |
|
(13) |
Fejn il-perjodu għall-ġbir, għall-verifika jew għall-eżami jiġi estiż minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, il-perjodi ta’ żamma għad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/788 jenħtieġ li jiġu estiżi skont kif ikun adatt. |
|
(14) |
Minħabba n-natura imprevedibbli u ħesrem tat-tifqigħa tal-COVID-19, u l-miżuri li ttieħdu b’riżultat tagħha mill-Istati Membri, li ġew ripetutament estiżi, kif ukoll it-tul ta' żmien meħtieġ mill-proċeduri leġiżlattivi għall-adozzjoni ta' miżuri rilevanti, ma kienx possibbli li l-miżuri temporanji previsti f’dan ir-Regolament jiġu adottati fil-ħin fir-rigward ta’ ċerti inizjattivi individwali. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-miżuri temporanji jkunu jkopru wkoll il-perjodu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(15) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll għal inizjattivi rreġistrati qabel l-1 ta’ Jannar 2020 taħt ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li għalihom jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament dwar il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ u dwar il-verifika u ċ-ċertifikazzjoni mill-Istati Membri taħt l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2019/788. |
|
(16) |
Fid-dawl tan-natura temporanja tal-miżuri tal-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun limitat ukoll. |
|
(17) |
Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq biex jinkiseb l-għan bażiku tal-preservazzjoni tal-effikaċja tal-istrument tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej matul il-pandemija tal-COVID-19 li jiġu stabbiliti miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami previsti fir-Regolament (UE) 2019/788. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet maħsuba, f'konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. |
|
(18) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi adottat bħala kwistjoni ta’ urġenza, sabiex sitwazzjonijiet ta’ inċertezza legali li jaffettwaw lil ċittadini, organizzaturi, amministrazzjonijiet nazzjonali u istituzzjonijiet tal-Unjoni jibqgħu qosra kemm jista’ jkun, b’mod partikolari fejn il-perjodi ta’ żmien rilevanti għall-ġbir ta' dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, għall-verifika u għall-eżami fir-rigward ta’ għadd ta’ inizjattivi jkunu diġà ntemmu jew waslu biex jintemmu. |
|
(19) |
Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19, tqies li tkun xierqa dispożizzjoni ta' eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
|
(20) |
Sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-perijodi tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami għal inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej reġistrati taħt ir-Regolament (UE) 2019/788 u r-Regolament (UE) Nru 211/2011 ('inizjattivi'), fil-kuntest tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.
Artikolu 2
Estensjoni tal-limiti taż-żmien għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ
1. Minkejja l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2019/788 u l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, fejn il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal xi inizjattiva kien għadu għaddej fil-11 ta’ Marzu 2020, il-perjodu massimu ta’ ġbir għandu jiġi estiż b'perjodu ta’ sitt xhur fir-rigward ta’ dik l-inizjattiva.
Fejn il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal xi inizjattiva jkun beda bejn il-11 ta’ Marzu 2020 u l-11 ta’ Settembru 2020, il-perjodu ta’ ġbir għandu jiġi estiż sal-11 ta’ Settembru 2021 fir-rigward ta’ dik l-inizjattiva.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi dwar l-inizjattivi kkonċernati u lill-Istati Membri dwar l-estensjoni prevista fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu. Hija għandha tindika d-data ġdida tat-tmiem tal-perjodu ta’ ġbir għal kull inizjattiva fir-reġistru online imsemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/788.
2. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex testendi aktar il-perjodu massimu ta’ ġbir għal dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattivi msemmija fil-paragrafu 1, fejn mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkomplu japplikaw wara l-11 ta’ Settembru 2020 miżuri b’reazzjoni għal pandemija tal-COVID-19 li jkunu jfixklu b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-organizzaturi li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f'forma stampata u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi tagħhom li jkunu għaddejjin.
Il-Kummissjoni tista’ tadotta wkoll atti ta’ implimentazzjoni biex testendi l-perjodu massimu ta’ ġbir għal dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattivi li fir-rigward tagħhom il-ġbir ikun għaddej fil-mument ta’ tifqigħa ġdida tal-COVID-19 fejn mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni japplikaw miżuri li jaffettwaw b’mod negattiv lill-organizzaturi ta’ dawk l-inizjattivi bl-istess mod bħall-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu.
L-atti ta’ implimentazzjoni previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu għandhom jidentifikaw liema inizjattivi jkunu kkonċernati u d-data l-ġdida tat-tmiem tal-perjodu ta’ ġbir tagħhom.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 6(2).
It-tul ta’ kull estensjoni taħt dan il-paragrafu għandu jkun ta’ tliet xhur.
Għall-fini tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni jekk ir-rekwiżiti għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi jkunux ġew sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, meta mitluba, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ħadu jew li beħsiebhom jieħdu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 jew b’reazzjoni għal tifqigħa ġdida tal-COVID-19.
Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-organizzaturi u tinforma lill-Istati Membri dwar kwalunkwe estensjoni mogħtija fir-rigward ta’ kull inizjattiva kkonċernata. Hija għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha fir-reġistru online imsemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/788.
3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, il-perjodu totali ta’ ġbir ma għandux jaqbeż l-24 xahar.
Artikolu 3
Estensjoni tal-limiti ta’ żmien għall-verifika ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-Istati Membri
1. Minkejja l-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2019/788 u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, fejn Stat Membru jqis li, minħabba l-miżuri li jkun ħa b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, mhux se jkun possibbli li titwettaq il-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva partikolari fil-perjodu stipulat f’dawk id-dispożizzjonijiet, huwa jista’ jippreżenta talba motivata għal estensjoni ta’ dak il-perjodu. Dik it-talba għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar qabel tmiem il-perjodu kkonċernat.
2. Fejn, abbażi ta’ talba ppreżentata f’konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni ssib li r-rekwiżiti stabbiliti f’dak il-paragrafu huma sodisfatti, hija għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jagħti estensjoni tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 lill-Istat Membru kkonċernat. L-estensjoni ma għandhiex tkun inqas minn xahar jew aktar minn tliet xhur.
3. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Istat Membru u tinforma lill-organizzaturi tal-inizjattiva kkonċernata dwar l-estensjoni. Hija għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha fir-reġistru online imsemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/788.
Artikolu 4
Estensjoni tal-limiti taż-żmien għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ
1. Minkejja l-Artikoli 14(2) u 15(1) tar-Regolament (UE) 2019/788, fejn il-Kummissjoni jew il-Parlament Ewropew ikunu ltaqgħu ma’ diffikultajiet wara l-11 ta’ Marzu 2020 fl-organizzazzjoni ta’ laqgħa mal-organizzaturi jew ta' seduta pubblika, rispettivament, minħabba miżuri meħuda b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 mill-Istat Membru li fih dawk l-istituzzjonijiet ikollhom l-intenzjoni li jorganizzaw il-laqgħa jew is-seduta, huma għandhom jorganizzawha malli s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika fl-Istat Membru kkonċernat tagħmilha possibbli li jsir dan, jew, fil-każ li l-organizzaturi jaqblu li jipparteċipaw b'mod remot fil-laqgħa jew seduta, malli jkunu jistgħu jiftiehmu mal-istituzzjonijiet dwar data għaliha.
2. Minkejja l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/788, fejn il-Parlament Ewropew jipposponi s-seduta pubblika skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-komunikazzjoni tagħha li tistabbilixxi l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva fi żmien tliet xhur wara s-seduta pubblika.
Artikolu 5
Estensjoni tal-limiti ta’ żmien għaż-żamma ta’ data personali
1. Minkejja l-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) 2019/788, fejn il-perjodu massimu ta’ ġbir jew il-perjodu ta’ verifika għal inizjattiva partikolari jiġi estiż taħt l-Artikolu 2 jew 3 ta’ dan ir-Regolament, il-limitu ta’ żmien ta’ 21 xahar li fih id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ u l-kopji tagħhom għandhom jinqerdu għandu jiġi estiżi bl-istess perjodu.
2. Minkejja l-Artikolu 19(8) tar-Regolament (UE) 2019/788, fejn il-perjodu massimu ta’ ġbir, il-perjodu ta’ verifika, jew il-perjodu ta’ eżami għal inizjattiva partikolari jkunu estiżi taħt l-Artikolu 2, 3 jew 4 ta’ dan ir-Regolament, il-limiti ta’ żmien li fihom għandhom jinqerdu r-reġistrazzjonijiet tal-indirizzi tal-posta elettronika għandhom jiġu estiżi bl-istess perjodu.
Artikolu 6
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/788. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 7
Applikazzjoni retroattiva
L-Artikoli 2 sa 5 għandu jkollhom effett retroattiv fir-rigward ta' inizjattivi li l-perjodu ta' ġbir, il-perjodu ta' verifika jew il-perjodu ta' eżami tagħhom intemm bejn il-11 ta’ Marzu 2020 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2020.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
J. KLOECKNER
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2020.
(2) Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1).