EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1042

Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jistabbilixxi miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami previsti fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19

PE/23/2020/REV/1

OJ L 231, 17.7.2020, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1042/oj

17.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 231/7


REGOLAMENT (UE) 2020/1042 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Lulju 2020

li jistabbilixxi miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami previsti fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet saret pandemija dinjija. L-Istati Membri ntlaqtu b’mod drammatiku u eċċezzjonali mill-konsegwenzi ta’ dik il-pandemija. Huma ħadu serje ta’ miżuri restrittivi biex iwaqqfu jew inaqqsu r-ritmu tat-trażmissjoni tal-COVID-19, inklużi miżuri ta’ lockdown biex jirrestrinġu l-moviment liberu taċ-ċittadini tagħhom, il-projbizzjoni ta’ avvenimenti pubbliċi, u l-għeluq ta’ ħwienet, ristoranti u skejjel. Dawk il-miżuri wasslu għall-waqfien totali tal-ħajja pubblika fi kważi l-Istati Membri kollha.

(2)

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri inevitabbilment kellhom ukoll impatt serju fuq l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Biex l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej ('inizjattivi') jkunu validi, ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jirrikjedi li l-organizzaturi jiġbru mill-inqas miljun dikjarazzjoni ta’ appoġġ f’mill-inqas kwart tal-Istati Membri fi żmien 12-il xahar. Il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f'forma stampata, il-kampanji lokali u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti pubbliċi, li huma ta’ importanza sinifikanti biex inizjattiva tikseb suċċess, saru sostanzjalment aktar diffiċli minħabba l-miżuri li ttieħdu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.

(3)

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ukoll ċerti obbligi legali taħt ir-Regolament (UE) 2019/788. Dawk l-obbligi huma soġġetti għal limiti stretti ta’ żmien li minnhom ir-Regolament (UE) 2019/788 ma jippermetti l-ebda deroga.

(4)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt li javviċinaw lill-Kummissjoni b’talba biex din tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej hija wieħed mill-istrumenti ewlenin għaċ-ċittadini tal-Unjoni biex jimpenjaw ruħhom b’mod faċli u aċċessibbli fid-dibattitu demokratiku u politiku dwar l-Unjoni u biex idaħħlu fl-aġenda tal-Unjoni kwistjonijiet li għalihom huma importanti.

(5)

Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kurrenti u b’mod partikolari minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, huma meħtieġa miżuri temporanji biex tiġi ppreservata l-effettività tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bħala strument, u biex tiġi pprovduta ċertezza legali dwar estensjonijiet possibbli tal-limiti ta’ żmien applikabbli.

(6)

L-Istati Membri indikaw li, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jimmonitorjaw u jikkontrollaw is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika, huma ser inaqqsu biss gradwalment il-livell ta’ restrizzjonijiet introdotti mill-miżuri meħuda b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk huwa xieraq li l-perjodu għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jiġi estiż b’sitt xhur, biex ikopri l-perjodu mill-11 ta’ Marzu 2020, meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet saret pandemija. Dik l-estensjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li mill-inqas matul l-ewwel sitt xhur mill-11 ta’ Marzu 2020, mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni se jkollhom fis-seħħ miżuri li se jxekklu b’mod sostanzjali l-kapacità tal-organizzaturi li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f'forma stampata u li jwettqu kampanji lokali. Jenħtieġ għalhekk li l-perjodu massimu ta’ ġbir għad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għall-inizjattivi li fir-rigward tagħhom il-perjodu ta' ġbir kien għaddej fil-11 ta’ Marzu 2020 jiġi estiż b’sitt xhur. Barra minn hekk, għall-inizjattivi li fir-rigward tagħhom il-perjodu ta’ ġbir beda bejn il-11 ta’ Marzu u l-11 ta’ Settembru 2020, jenħtieġ li l-perjodu ta’ ġbir jiġi estiż sal-11 ta’ Settembru 2021.

(7)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u minħabba li huwa diffiċli li jiġi previst meta sejra tintemm il-pandemija fl-Unjoni, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex testendi aktar il-perjodu ta’ ġbir fir-rigward tal-inizjattivi li għalihom il-perjodu ta’ ġbir ikun għadu għaddej fil-11 ta’ Settembru 2020 fejn miżuri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 li jxekklu b’mod sostanzjali l-kapacità tal-organizzaturi li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f'forma stampata u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi tagħhom li jkunu għaddejjin jibqgħu jeżistu wara dik id-data f'mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew f'numru ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-estensjoni ta’ sitt xhur tal-perjodu ta’ ġbir prevista minn dan ir-Regolament tagħti lill-Kummissjoni biżżejjed żmien biex tiddeċiedi jekk tkunx iġġustifikata estensjoni oħra tal-perjodu ta’ ġbir. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ta' implimentazzjoni jkunu wkoll jippermettu lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex testendi l-perjodu ta’ ġbir fil-każ ta’ kriżi ġdida tas-saħħa pubblika marbuta ma’ tifqigħa ġdida tal-COVID-19, dment li mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkunu ħadu miżuri li x’aktarx ikollhom l-istess effett. Jenħtieġ li, meta tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni tindika l-inizjattivi kkonċernati, bid-data ġdida tat-tmiem tal-perjodi ta’ ġbir tagħhom konsegwenti għal kwalunkwe estensjoni mogħtija, kif ukoll iċ-ċirkostanzi fattwali li jiġġustifikaw l-għoti ta' tali estensjonijiet. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(8)

Jenħtieġ li, fil-valutazzjoni li tagħmel qabel tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jestendu l-perjodu ta’ ġbir, il-Kummissjoni tqis jekk il-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 jew b’reazzjoni għal tifqigħa ġdida tal-COVID-19 ifixklux b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-organizzaturi li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f'forma stampata u jagħmlu kampanji lokali.

(9)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-organizzaturi kkonċernati u lill-Istati Membri dwar kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta’ ġbir flimkien mad-data ġdida tat-tmiem tal-perjodu ta’ ġbir fir-rigward ta’ kull inizjattiva kkonċernata. F'konformità mal-obbligu tal-Kummissjoni li tinforma taħt l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/788, jenħtieġ li dawk id-dati ġodda tat-tmiem jiġu indikati wkoll fir-reġistru online u fis-sit web pubbliku dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(10)

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva partikolari fi ħdan il-limitu ta’ żmien ta’ tliet xhur stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/788. Pereżempju, jista’ jkun hemm inqas persunal disponibbli, jew l-awtoritajiet kompetenti jista’ jkollhom kompiti u responsabbiltajiet addizzjonali bħala konsegwenza tal-pandemija.

(11)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, minkejja l-miżuri meħuda b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, l-amministrazzjonijiet tagħhom jaħdmu kemm jista’ jkun b’mod normali. Madankollu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jenħtieġ li Stat Membru jitħalla jippreżenta talba motivata lill-Kummissjoni għal estensjoni tal-perjodu ta’ verifika. Jenħtieġ li t-talba tkun sostanzjata u li tieħu kont tal-effetti ta' miżuri relatati mal-pandemija fuq il-funzjonament tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tagħti l-estensjoni mitluba. Jenħtieġ li l-estensjoni ma tkunx itwal mill-perjodu inizjali ta’ verifika.

(12)

Minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, jista’ jkun diffiċli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jorganizzaw laqgħat ma' organizzaturi jew seduti pubbliċi fil-kuntest tal-eżami ta’ inizjattivi validi fl-Istat Membru li fih ikollhom l-intenzjoni li jorganizzaw tali laqgħat jew seduti. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jitħallew jipposponu dawk il-laqgħat jew seduti sa data meta dawn ikunu possibbli fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika f’dak l-Istat Membru. Fejn is-seduta pubblika tiġi posposta, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li tipposponi l-adozzjoni tal-komunikazzjoni tagħha li tistabbilixxi l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva sa tliet xhur wara li tkun saret is-seduta pubblika, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu kont debitu tal-kostatazzjonijiet fis-seduta.

(13)

Fejn il-perjodu għall-ġbir, għall-verifika jew għall-eżami jiġi estiż minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, il-perjodi ta’ żamma għad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/788 jenħtieġ li jiġu estiżi skont kif ikun adatt.

(14)

Minħabba n-natura imprevedibbli u ħesrem tat-tifqigħa tal-COVID-19, u l-miżuri li ttieħdu b’riżultat tagħha mill-Istati Membri, li ġew ripetutament estiżi, kif ukoll it-tul ta' żmien meħtieġ mill-proċeduri leġiżlattivi għall-adozzjoni ta' miżuri rilevanti, ma kienx possibbli li l-miżuri temporanji previsti f’dan ir-Regolament jiġu adottati fil-ħin fir-rigward ta’ ċerti inizjattivi individwali. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-miżuri temporanji jkunu jkopru wkoll il-perjodu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(15)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll għal inizjattivi rreġistrati qabel l-1 ta’ Jannar 2020 taħt ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li għalihom jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament dwar il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ u dwar il-verifika u ċ-ċertifikazzjoni mill-Istati Membri taħt l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2019/788.

(16)

Fid-dawl tan-natura temporanja tal-miżuri tal-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun limitat ukoll.

(17)

Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq biex jinkiseb l-għan bażiku tal-preservazzjoni tal-effikaċja tal-istrument tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej matul il-pandemija tal-COVID-19 li jiġu stabbiliti miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami previsti fir-Regolament (UE) 2019/788. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet maħsuba, f'konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(18)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi adottat bħala kwistjoni ta’ urġenza, sabiex sitwazzjonijiet ta’ inċertezza legali li jaffettwaw lil ċittadini, organizzaturi, amministrazzjonijiet nazzjonali u istituzzjonijiet tal-Unjoni jibqgħu qosra kemm jista’ jkun, b’mod partikolari fejn il-perjodi ta’ żmien rilevanti għall-ġbir ta' dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, għall-verifika u għall-eżami fir-rigward ta’ għadd ta’ inizjattivi jkunu diġà ntemmu jew waslu biex jintemmu.

(19)

Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19, tqies li tkun xierqa dispożizzjoni ta' eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(20)

Sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-perijodi tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami għal inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej reġistrati taħt ir-Regolament (UE) 2019/788 u r-Regolament (UE) Nru 211/2011 ('inizjattivi'), fil-kuntest tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.

Artikolu 2

Estensjoni tal-limiti taż-żmien għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ

1.   Minkejja l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2019/788 u l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, fejn il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal xi inizjattiva kien għadu għaddej fil-11 ta’ Marzu 2020, il-perjodu massimu ta’ ġbir għandu jiġi estiż b'perjodu ta’ sitt xhur fir-rigward ta’ dik l-inizjattiva.

Fejn il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal xi inizjattiva jkun beda bejn il-11 ta’ Marzu 2020 u l-11 ta’ Settembru 2020, il-perjodu ta’ ġbir għandu jiġi estiż sal-11 ta’ Settembru 2021 fir-rigward ta’ dik l-inizjattiva.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi dwar l-inizjattivi kkonċernati u lill-Istati Membri dwar l-estensjoni prevista fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu. Hija għandha tindika d-data ġdida tat-tmiem tal-perjodu ta’ ġbir għal kull inizjattiva fir-reġistru online imsemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/788.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex testendi aktar il-perjodu massimu ta’ ġbir għal dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattivi msemmija fil-paragrafu 1, fejn mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkomplu japplikaw wara l-11 ta’ Settembru 2020 miżuri b’reazzjoni għal pandemija tal-COVID-19 li jkunu jfixklu b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-organizzaturi li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f'forma stampata u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi tagħhom li jkunu għaddejjin.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta wkoll atti ta’ implimentazzjoni biex testendi l-perjodu massimu ta’ ġbir għal dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattivi li fir-rigward tagħhom il-ġbir ikun għaddej fil-mument ta’ tifqigħa ġdida tal-COVID-19 fejn mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni japplikaw miżuri li jaffettwaw b’mod negattiv lill-organizzaturi ta’ dawk l-inizjattivi bl-istess mod bħall-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-atti ta’ implimentazzjoni previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu għandhom jidentifikaw liema inizjattivi jkunu kkonċernati u d-data l-ġdida tat-tmiem tal-perjodu ta’ ġbir tagħhom.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 6(2).

It-tul ta’ kull estensjoni taħt dan il-paragrafu għandu jkun ta’ tliet xhur.

Għall-fini tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni jekk ir-rekwiżiti għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi jkunux ġew sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, meta mitluba, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ħadu jew li beħsiebhom jieħdu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 jew b’reazzjoni għal tifqigħa ġdida tal-COVID-19.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-organizzaturi u tinforma lill-Istati Membri dwar kwalunkwe estensjoni mogħtija fir-rigward ta’ kull inizjattiva kkonċernata. Hija għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha fir-reġistru online imsemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/788.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, il-perjodu totali ta’ ġbir ma għandux jaqbeż l-24 xahar.

Artikolu 3

Estensjoni tal-limiti ta’ żmien għall-verifika ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-Istati Membri

1.   Minkejja l-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2019/788 u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, fejn Stat Membru jqis li, minħabba l-miżuri li jkun ħa b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, mhux se jkun possibbli li titwettaq il-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva partikolari fil-perjodu stipulat f’dawk id-dispożizzjonijiet, huwa jista’ jippreżenta talba motivata għal estensjoni ta’ dak il-perjodu. Dik it-talba għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar qabel tmiem il-perjodu kkonċernat.

2.   Fejn, abbażi ta’ talba ppreżentata f’konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni ssib li r-rekwiżiti stabbiliti f’dak il-paragrafu huma sodisfatti, hija għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jagħti estensjoni tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 lill-Istat Membru kkonċernat. L-estensjoni ma għandhiex tkun inqas minn xahar jew aktar minn tliet xhur.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Istat Membru u tinforma lill-organizzaturi tal-inizjattiva kkonċernata dwar l-estensjoni. Hija għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha fir-reġistru online imsemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/788.

Artikolu 4

Estensjoni tal-limiti taż-żmien għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ

1.   Minkejja l-Artikoli 14(2) u 15(1) tar-Regolament (UE) 2019/788, fejn il-Kummissjoni jew il-Parlament Ewropew ikunu ltaqgħu ma’ diffikultajiet wara l-11 ta’ Marzu 2020 fl-organizzazzjoni ta’ laqgħa mal-organizzaturi jew ta' seduta pubblika, rispettivament, minħabba miżuri meħuda b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 mill-Istat Membru li fih dawk l-istituzzjonijiet ikollhom l-intenzjoni li jorganizzaw il-laqgħa jew is-seduta, huma għandhom jorganizzawha malli s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika fl-Istat Membru kkonċernat tagħmilha possibbli li jsir dan, jew, fil-każ li l-organizzaturi jaqblu li jipparteċipaw b'mod remot fil-laqgħa jew seduta, malli jkunu jistgħu jiftiehmu mal-istituzzjonijiet dwar data għaliha.

2.   Minkejja l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/788, fejn il-Parlament Ewropew jipposponi s-seduta pubblika skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-komunikazzjoni tagħha li tistabbilixxi l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva fi żmien tliet xhur wara s-seduta pubblika.

Artikolu 5

Estensjoni tal-limiti ta’ żmien għaż-żamma ta’ data personali

1.   Minkejja l-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) 2019/788, fejn il-perjodu massimu ta’ ġbir jew il-perjodu ta’ verifika għal inizjattiva partikolari jiġi estiż taħt l-Artikolu 2 jew 3 ta’ dan ir-Regolament, il-limitu ta’ żmien ta’ 21 xahar li fih id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ u l-kopji tagħhom għandhom jinqerdu għandu jiġi estiżi bl-istess perjodu.

2.   Minkejja l-Artikolu 19(8) tar-Regolament (UE) 2019/788, fejn il-perjodu massimu ta’ ġbir, il-perjodu ta’ verifika, jew il-perjodu ta’ eżami għal inizjattiva partikolari jkunu estiżi taħt l-Artikolu 2, 3 jew 4 ta’ dan ir-Regolament, il-limiti ta’ żmien li fihom għandhom jinqerdu r-reġistrazzjonijiet tal-indirizzi tal-posta elettronika għandhom jiġu estiżi bl-istess perjodu.

Artikolu 6

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/788. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 7

Applikazzjoni retroattiva

L-Artikoli 2 sa 5 għandu jkollhom effett retroattiv fir-rigward ta' inizjattivi li l-perjodu ta' ġbir, il-perjodu ta' verifika jew il-perjodu ta' eżami tagħhom intemm bejn il-11 ta’ Marzu 2020 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

J. KLOECKNER


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2020.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1).


Top