EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0167

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/167 tat-30 ta' Jannar 2017 li temporanjament tawtorizza lill-Belġju, lir-Repubblika Ċeka, lil Franza u lil Spanja biex jiċċertifikaw il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku ta' speċijiet speċifiċi ta' pjanti tal-frott imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE, li jkunu prodotti f'għalqa f'kundizzjonijiet fejn ma jkunux protetti mill-insetti (notifikata bid-dokument C(2017) 60)

C/2017/0060

ĠU L 27, 1.2.2017, p. 143–150 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/05/2017; Imħassar b' 32017D0925

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/167/oj

1.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/143


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/167

tat-30 ta' Jannar 2017

li temporanjament tawtorizza lill-Belġju, lir-Repubblika Ċeka, lil Franza u lil Spanja biex jiċċertifikaw il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku ta' speċijiet speċifiċi ta' pjanti tal-frott imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE, li jkunu prodotti f'għalqa f'kundizzjonijiet fejn ma jkunux protetti mill-insetti

(notifikata bid-dokument C(2017) 60)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta' Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 6(4), 9(1) u 13(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/98/UE tal-15 ta' Ottubru 2014 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward ta' rekwiżiti speċifiċi għall-ġeneru u l-ispeċi tal-pjanti tal-frott imsemmija fl-Anness I tagħha, rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-fornituri u regoli dettaljati dwar l-ispezzjonijiet uffiċjali (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE tistabbilixxi r-regoli għall-produzzjoni, għaċ-ċertifikazzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni ta' materjal bażiku, prebażiku u ċċertifikat.

(2)

Matul il-produzzjoni jiġu applikati dispożizzjonijiet stretti fir-rigward tal-protezzjoni ta' pjanti omm prebażiċi u ta' materjal prebażiku kontra kull tip ta' infezzjoni minn organiżmi ta' ħsara billi l-pjanti omm prebażiċi jikkostitwixxu l-punt tat-tluq tal-proċess ta' produzzjoni u ta' ċertifikazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott. L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE jobbliga lill-fornituri li jżommu l-pjanti omm prebażiċi u l-materjali prebażiċi f'faċilitajiet apposta għalihom, li fihom ma jistgħux jidħlu insetti, u li jiżguraw ambjent ħieles mill-infezzjonijiet trażmessi minn vetturi fl-ajra u minn kull sors ieħor possibbli i. L-Artikolu 8(2) ta' dik id-Direttiva jeħtieġ li l-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku jiġu identifikati individwalment matul il-proċess kollu tal-produzzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) ta' dik id-Direttiva jistipula li l-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku għandhom jiġu mkabbra b'mod li jkunu iżolati mill-ħamrija, fi qsari mimlija b'materjal għat-tkabbir mingħajr ħamrija jew sterilizzat.

(3)

Minħabba n-nuqqas ta' skema ta' ċertifikazzjoni armonizzata, attwalment il-fornituri għadhom jistgħu jipproduċu pjanti omm prebażiċi u materjal prebażiku fl-għalqa miftuħa. Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE se tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2017 u sa minn dik id-data se tintroduċi għall-ewwel darba r-rekwiżit li l-fornituri jridu jipproduċu pjanti omm prebażiċi u materjal prebażiku f'faċilitajiet protetti mill-insetti. Il-fornituri f'ċerti Stati Membri diġà investew fil-bini ta' faċilitajiet protetti mill-insetti qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli ta' dik id-Direttiva li timplimenta d-Direttiva 2008/90/KE, u għaldaqstant jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(1), (2) u (3) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE sa mid-data tal-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva. Meta jitqies li l-bini ta' tali faċilitajiet protetti mill-insetti jeħtieġ investiment konsiderevoli ta' riżorsi umani u finanzjarji, huwa xieraq li jitħalla biżżejjed żmien sabiex il-fornituri ta' Stati Membri oħra jadattaw is-sistemi ta' produzzjoni tagħhom għal ċerti speċijiet filwaqt li titkompla l-produzzjoni. Il-produtturi fil-Belġju u fi Franza bdew jinvestu qabel fil-bini ta' faċilitajiet protetti mill-insetti filwaqt li l-produtturi fir-Repubblika Ċeka u fi Spanja se jeħtieġu aktar żmien biex jikkonformaw mar-rekwiżit ta' produzzjoni f'faċilitajiet protetti mill-insetti.

(4)

Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, u Spanja għalhekk ressqu t-talbiet għal awtorizzazzjoni temporanja li tiċċertifika l-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku ta' ċerti speċijiet prodotti fl-għalqa taħt kundizzjonijiet mhux protetti mill-insetti skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE. Dawk l-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu limitati fiż-żmien u ristretti għal ċerti speċijiet.

(5)

Sabiex jiġi żgurat l-istess status ta' saħħa tal-pjanti omm prebażiċi u ta' materjal prebażiku prodotti fl-għalqa miftuħa meta mqabbla ma' pjanti omm prebażiċi u materjal prebażiku f'faċilitajiet protetti mill-insetti, għandhom jiġu previsti miżuri adatti. Dawn il-miżuri jikkonċernaw l-identifikazzjoni, l-ispezzjoni viżwali, l-ikkampjunar u l-ittestjar, id-distanza ta' iżolament, it-trattament, u l-kundizzjonijiet għat-tkabbir tal-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku, u l-analiżi tal-ħamrija fejn dawk il-pjanti omm prebażiċi u dak il-materjal prebażiku jiġu mkabbra. Barra minn hekk, għandhom jiġu stipulati miżuri għall-prevenzjoni ta' infezzjoni inkroċjata minn makkinarju, għodod tat-tilqim u minn kwalunkwe sors ieħor. Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza u Spanja pproponew il-miżuri li huma jqisu meħtieġa sabiex jiġi limitat ir-riskju ta' infezzjoni skont il-kundizzjonijiet klimatiċi, il-kundizzjonijiet ta' tkabbir tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku, id-distanza għal kull speċi kkultivata u selvaġġa ta' importanza għall-pjanti omm prebażiċi u għall-materjal prebażiku kkonċernat abbażi tal-għarfien espert fir-rigward tal-prevalenza u l-bijoloġija tal-organiżmi ta' ħsara rilevanti.

(6)

Fil-Belġju ma hemm l-ebda produzzjoni kummerċjali ta' materjal ta' propagazzjoni, pjanti tal-frott, u salvaġġ ta' Malus domestica, Prunus avium, P. cerasus, P. domestica, P, persica u Pyrus communis L. fil-provinċja tal-Lussemburgu. Biex tiġi żgurata distanza ta' iżolament xierqa minn kull Malus domestica, Prunus avium, P. cerasus, P. domestica, P, persica, u Pyrus communis L. ikkultivata, il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku ta' dawk l-ispeċijiet għandhom jiġu prodotti biss fl-għalqa fil-provinċja tal-Lussemburgu.

(7)

Franza għandha proċedura speċifika li permezz tagħha l-pjanti omm prebażiċi kandidati jintgħażlu fl-għalqa qrib pjanti oħra tal-istess speċi li mhumiex soġġetti għal skema ta' ċertifikazzjoni. Il-mixtla Belġjana li tipproduċi pjanti omm prebażiċi u materjal prebażiku fl-għalqa tinsab ma ġenb il-villaġġ Mussy-la-ville. Għal din ir-raġuni la l-Belġju u lanqas Franza ma jistgħu jiżguraw distanzi ta' iżolament. Biex tiġi salvagwardata s-saħħa tal-pjanti omm prebażiċi kandidati magħżula u tal-pjanti omm prebażiċi kkonċernati, dawk il-pjanti jiġu spezzjonati regolarment u analizzati aktar ta' spiss.

(8)

Il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku li ġew prodotti fl-għalqa f'kundizzjonijiet fejn mhumiex protetti mill-insetti għandhom jiġu identifikati permezz ta' tikketti biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tagħhom skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE. Dawk it-tikketti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE (3). Barra minn hekk, dawk it-tikketti għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti meħtieġa kemm għall-kontroll uffiċjali kif ukoll biex l-utent tal-materjal jkun konxju ta' dan. Għaldaqstant it-tikketti għandhom jirreferu għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-produzzjoni u jkun fihom informazzjoni dwar sa liema data l-Istati Membri kkonċernati huma awtorizzati li jiċċertifikaw il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku prodott fl-għalqa. Minħabba d-daqs limitat tat-tikketta, għandu jkun permess li tiġi limitata l-informazzjoni fuq it-tikketta nnifisha u li tingħata informazzjoni aktar fid-dettall dwar l-awtorizzazzjoni fid-dokument li jakkumpanja t-tikketta.

(9)

Għal raġunijiet ta' saħħa tal-pjanti huwa xieraq li jiġu stipulati regoli li jippermettu t-traċċar b'lura ta' kull materjal bażiku ċċertifikat ta' propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott mnissla minn pjanti omm prebażiċi u materjal prebażiku prodotti fl-għalqa. Għaldaqstant l-ittikkettar ta' kull materjal bażiku ċċertifikat ta' propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott mnissla minn pjanti omm prebażiċi u materjal prebażiku prodotti fl-għalqa, għandu jirreferi espliċitament għall-fatt li l-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku jkunu koperti mill-awtorizzazzjoni mogħtija minn din id-Deċiżjoni.

(10)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u sabiex il-fornituri fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fi Franza u fi Spanja jkunu jistgħu jċaqilqu gradwalment il-produzzjoni tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku fl-għalqa miftuħa lejn faċilitajiet protetti mill-insetti, dawk l-Istati Membri għandhom ikunu temporanjament awtorizzati li jiċċertifikaw skont din id-Deċiżjoni pjanti omm prebażiċi u materjal prebażiku ta' speċijiet speċifiċi ta' pjanti tal-frott prodotti fl-għalqa taħt kundizzjonijiet ta' protezzjoni mill-insetti. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2018 fil-każ tal-Belġju u ta' Franza u sal-31 ta' Diċembru 2022 għar-Repubblika Ċeka u għal Spanja.

(11)

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-istess data bħal dik tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

1.   Skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE, sal-31 ta' Diċembru 2022, ir-Repubblika Ċeka u Spanja jistgħu jiċċertifikaw il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku prodotti fl-għalqa miftuħa f'kundizzjonijiet fejn mhumiex protetti mill-insetti tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness, kemm-il darba jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 4(1).

2.   Skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE, sal-31 ta' Diċembru 2018, il-Belġju u Franza jistgħu jiċċertifikaw il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku prodotti fl-għalqa miftuħa f'kundizzjonijiet fejn mhumiex protetti mill-insetti, tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness, kemm-il darba jiġu sodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 4(1).

Artikolu 2

Rekwiżiti dwar iż-żamma

1.   Il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku prodotti fl-għalqa għandhom ikunu miżmuma skont ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima A tal-Anness għall-Istati Membri u l-ispeċijiet ikkonċernati.

2.   Il-makkinarju u l-għodod tat-tilqim u taż-żbir għandhom jiġu ċċekkjati, imnaddfa u ddiżinfettati qabel u wara kull użu fuq il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku kkonċernati.

3.   Għandu jkun hemm distanza xierqa bejn il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' kuntatt bejn l-għeruq tal-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku kkonċernati.

Artikolu 3

Rekwiżiti dwar l-ispezzjoni viżiva, l-ikkampjunar u l-ittestjar

Flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza u Spanja għandhom jiżguraw li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima B tal-Anness għall-Istati Membri u l-ispeċijiet ikkonċernati.

Artikolu 4

Rekwiżiti dwar l-ittikkettar

1.   Flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, it-tikketta tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku ċċertifikati, mir-Repubblika Ċeka u minn Spanja għandu jkun fiha l-indikazzjoni: “Prodott fl-għalqa skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/167; ċertifikazzjoni awtorizzata sal-31 ta' Diċembru 2022.”.

Flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, it-tikketta tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku ċċertifikati mill-Belġju u minn Franza għandu jkun fiha l-indikazzjoni: “Prodott fl-għalqa skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/167; ċertifikazzjoni awtorizzata sal-31 ta' Diċembru 2018.”.

2.   Fejn jiġi pprovdut dokument ta' akkumpanjament skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, l-informazzjoni fuq it-tikketta uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 tista' tkun ristretta għal “Prodotti fl-għalqa”. F'każ bħal dan, flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, id-dokument ta' akkumpanjament tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku kkonċernati għandu jkun fih l-indikazzjoni stipulata fil-paragrafu 1.

3.   Flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, it-tikketta tal-materjal kollu bażiku ta' propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott bażiċi kollha u ta' kull materjal ċċertifikat ta' propagazzjoni u l-pjanti tal-frott ċċertifikati kollha ippropagati minn pjanti omm prebażiċi u minn materjal prebażiku ċċertifikat skont din id-Deċiżjoni għandu jkun fiha l-indikazzjoni: “Miksub minn materjal prodott fl-għalqa skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/167”.

4.   Fejn jiġi pprovdut dokument ta' akkumpanjament skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, l-informazzjoni fuq it-tikketta uffiċjali msemmija fil-paragrafu 3 tista' tkun ristretta għal “Miksub minn materjal prodott fl-għalqa”. F'każ bħal dan, flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, id-dokument ta' akkumpanjament tal-materjal kollu bażiku ta' propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott bażiċi kollha u l-materjal kollu ċċertifikat ta' propagazzjoni u l-pjanti tal-frott kollha ċċertifikati ppropagati minn pjanti omm prebażiċi u minn materjal prebażiku ċċertifikat skont din id-Deċiżjoni għandu jkun fih l-indikazzjoni stipulata fil-paragrafu 3.

Artikolu 5

Notifika

Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza u Spanja għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kull ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 1. In-notifika għandha tinkludi l-kwantità tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku ċċertifikati, u l-ispeċijiet li għalihom jappartjenu dawk il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku.

Artikolu 6

Data ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Artikolu 7

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 267, 8.10.2008, p. 8.

(2)  ĠU L 298, 16.10.2014, p. 22.

(3)  Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar ir-rekwiżiti għat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta' materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta' pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE (ĠU L 298, 16.10.2014, p. 12).


ANNESS

TAQSIMA A

Listi ta' speċijiet imsemmija fl-Artikolu 1 u rekwiżiti dwar iż-żamma tagħhom imsemmija fl-Artikolu 2

1.   Il-Belġju

1.1.   Lista ta' speċijiet:

Malus domestica Mill., Prunus avium, P. cerasus, P. domestica, P. persica, Pyrus communis L. u salvaġġ ta' dawk l-ispeċijiet

1.2.   Rekwiżiti għall-ispeċijiet kollha elenkati hawn fuq

1.2.1.   Miżuri

Fejn l-ispezzjonijiet viżivi għall-preżenza tal-insetti vetturi rilevanti tal-organiżmi ta' ħsara elenkati fil-Parti A tal-Anness I u fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE jidentifikaw il-preżenza ta' dawk il-vetturi, għandu jkun hemm trattament b'insettiċida.

1.3.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

1.3.1.   Prunus avium, P. cerasus, P. Domestica, u P. persica

1.3.1.1.   Kundizzjonijiet ta' tkabbir

Pjanti omm prebażiċi u materjal prebażiku ta' Prunus avium, P. cerasus, P. domestica, u P. Persica ma għandhomx jitħallew iwarrdu.

2.   Ir-Repubblika Ċeka

2.1.   Lista ta' speċijiet:

Castanea sativa Mill. u Juglans regia L.

2.2.   Rekwiżiti għaż-żewġ ispeċijiet elenkati hawn fuq

2.2.1.   Miżuri

F'każijiet ta' dubju dwar il-preżenza tal-organiżmi ta' ħsara rilevanti elenkati fil-Parti A tal-Anness I u tal-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE dwar pjanti omm prebażiċi u materjal prebażiku, dawk il-pjanti omm prebażiċi u dak il-materjal prebażiku għandhom jitneħħew minnufih.

2.2.2.   Kundizzjonijiet ta' tkabbir

Il-pjanti omm prebażiċi ma għandhomx jitħallew iwarrdu permezz tal-irmondar fil-bidu ta' kull perjodu veġitattiv.

2.3.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

2.3.1.   Juglans regia L.

2.3.1.1.   Kundizzjonijiet tat-tkabbir

Il-pjanti omm prebażiċi għandhom jitħawlu f'żoni fejn l-ispezzjonijiet viżivi jkunu kkonfermaw l-assenza ta' vetturi tal-virus Cherry leafroll.

3.   Franza

3.1.   Lista ta' speċijiet:

Castanea sativa Mill., Corylus avellana L., Cydonia oblonga Mill., Juglans regia L., Malus domestica Mill., Prunus amygdalus, P. armeniaca, P. avium, P. cerasus, P. domestica, P. persica, P. salicina, u Pyrus communis L.

3.2.   Rekwiżiti għall-ispeċijiet kollha elenkati hawn fuq

3.2.1.   Miżuri

Fejn l-ispezzjonijiet viżivi għall-preżenza tal-insetti vetturi rilevanti tal-organiżmi ta' ħsara elenkati fil-Parti A tal-Anness I u fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE jidentifikaw il-preżenza ta' dawk il-vetturi, għandu jkun hemm trattament b'insettiċida.

3.2.2.   Kundizzjonijiet tat-tkabbir

Il-pjanti omm prebażiċi għandhom jitlaqqmu fuq salvaġġ prodott permezz ta' koltivazzjoni in vitro fejn disponibbli.

3.3.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

3.3.1.   Prunus amygdalus, P. armeniaca, P. avium, P. cerasus, P. domestica, P. persica, u P. salicina

Il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku ta' Prunus amygdalus, P. armeniaca, P. avium, P. cerasus, P. domestica, P. persica, u P. salicina ma għandhomx jitħallew iwarrdu.

4.   Spanja

4.1.   Lista ta' speċijiet:

Olea europaea L., Prunus amygdalus x P. persica, P. armeniaca, P. domestica, P. domestica x P. salicina, P. dulcis, P. persica, u Pyrus communis L.

4.2.   Rekwiżiti għall-ispeċijiet kollha elenkati hawn fuq

4.2.1.   Miżuri

Fejn l-ispezzjonijiet viżivi għall-preżenza tal-insetti vetturi rilevanti tal-organiżmi ta' ħsara elenkati fil-Parti A tal-Anness I u fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE jidentifikaw il-preżenza ta' dawk il-vetturi, għandu jkun hemm trattament b'insettiċida.

4.3.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

4.3.1.   Olea europaea L.

4.3.1.1.   Distanza ta' iżolament

Għandu jkun hemm distanza ta' iżolament ta' mill-inqas 100 m sa kull Olea europaea L. kkultivata jew fin-natura li mhix soġġetta għal skema ta' ċertifikazzjoni.

4.3.2.   Prunus amygdalus x P. persica, P. armeniaca, P. domestica, P. domestica x P. salicina, P. dulcis, u P. persica

4.3.2.1.   Distanza ta' iżolament

Għandu jkun hemm distanza ta' iżolament ta' mill-inqas 500 m sa kull Prunus amygdalus, P. cerasus u P. prunophora kkultivata jew fin-natura, mhux soġġetta għal skema ta' ċertifikazzjoni.

4.3.2.2.   Kundizzjonijiet tat-tkabbir

Il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku ta' Prunus amygdalus x P. persica, P. armeniaca, P. domestica, P. domestica x P. salicina, P. dulcis, u P. Persica ma għandhomx jitħallew iwarrdu.

4.3.3.   Pyrus communis L.

4.3.3.1.   Distanza ta' iżolament

Għandu jkun hemm distanza ta' iżolament ta' mill-inqas 500 m sa kull P. communis L. ikkultivata jew fin-natura li mhix soġġetta għal skema ta' ċertifikazzjoni.

4.3.3.2.   Kundizzjonijiet tat-tkabbir

Il-janti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku ta' P. communis L. ma għandhomx jitħallew iwarrdu.

TAQSIMA B

Rekwiżiti dwar l-ispezzjoni viżiva, il-kampjunar u l-ittestjar imsemmija fl-Artikolu 3

1.   Il-Belġju

1.1.   Rekwiżiti għall-ispeċijiet kollha elenkati fil-punt 1.1 tat-Taqsima A

1.1.1.   Spezzjoni viżiva

Għandu jkun hemm spezzjonijiet viżivi tal-inqas darba fis-sena għall-preżenza tal-insetti vetturi rilevanti tal-organiżmi ta' ħsara elenkati fil-Parti A tal-Anness I u fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE.

1.2.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

1.2.1.   Malus domestica Mill. u Pyrus communis L.

1.2.1.1.   Ikkampjunar u ttestjar

Kull pjanta omm prebażika għandha tiġi kkampjunata u ttestjata għall-virusis trażmessi mill-insetti u mit-trab tad-dakra elenkati fil-Parti A tal-Anness I u fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE.

1.2.2.   Prunus avium, P. cerasus, P. domestica, u P. persica

1.2.2.1.   Ikkampjunar u ttestjar

Kull pjanta omm prebażikagħandha tiġi kkampjunata u ttestjata kull sena u ma' kull ċiklu ta' multiplikazzjoni għall-virusis trażmessi mill-insetti u mit-trab tad-dakra elenkati fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE.

2.   Ir-Repubblika Ċeka

2.1.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

2.1.1.   Castanea sativa Mill.

2.1.1.1.   Spezzjoni viżiva

L-ispezzjonijiet viżivi għandhom isiru minn April sa Mejju.

2.1.2.   Juglans regia L.

2.1.2.1.   Spezzjoni viżiva

L-ispezzjonijiet viżivi għandhom isiru fl-aħħar tas-sajf jew fil-ħarifa.

3.   Franza

3.1.   Rekwiżiti għall-ispeċijiet kollha elenkati fil-punt 3.1 tat-Taqsima A

3.1.1.   Spezzjoni viżiva

L-ispezzjonijiet viżivi għandhom isiru tal-inqas darba fis-sena.

3.2.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

3.2.1.   Corylus avellana L.

3.2.1.1.   Ikkampjunar u ttestjar

Għandhom jittieħdu l-kampjuni minn kull pjanta omm prebażika u kull waħda għandha tiġi ttestjata kull sena għall-virus Apple mosaic (ApMV).

3.2.2.   Cydonia oblonga Mill., Malus domestica Mill., u Pyrus communis L.

3.2.2.1.   Ikkampjunar u ttestjar

Għandhom jittieħdu l-kampjuni minn kull pjanta omm prebażika u kull waħda għandha tiġi ttestjata kull sena għall-virus Apple chlorotic leaf spot (ACLSV), Apple stem-grooving (ASGV), Apple stem-pitting (ASPV) u rubbery wood.

3.2.3.   Prunus amygdalus, P. armeniaca, P. avium, P. cerasus, P. domestica, P. persica, u P. salicina

3.2.3.1.   Ikkampjunar u ttestjar

Għandhom jittieħdu l-kampjuni minn kull pjanta omm prebażika u kull waħda għandha tiġi ttestjata kull sena u ma' kull ċiklu ta' multiplikazzjoni għall-Prune dwarf virus (PDV) u l-Prunus necrotic ringspot virus (PNRSV). Fil-każ ta' P. persica għandhom jittieħdu l-kampjuni minn kull pjanta omm prebażika u kull waħda għandha tiġi ttestjata kull sena u ma' kull ċiklu ta' multiplikazzjoni għall-Peach latent mosaic viroid (PLMVd).

4.   Spanja

4.1.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

4.1.1.   Olea europaea L. u Pyrus communis L.

4.1.1.1.   Ikkampjunar u ttestjar

Għandhom jittieħdu l-kampjuni minn kull pjanta omm prebażika u kull waħda għandha tiġi ttestjata kull sena għall-viruses jew mard minn aġenti li jixbħu virus elenkat fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE.

4.1.2.   Prunus amygdalus x P. persica, P. armeniaca, P. domestica, P. domestica x P. salicina, P. dulcis, u P. persica

4.1.2.1.   Ikkampjunar u ttestjar

L-ikkampjunar u l-ittestjar għandu jsir kull sena għal xi virus u mard minn aġenti li jixbħu xi virus elenkat fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE.


Top