Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0425

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/425 tal-14 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 fir-rigward tal-posponiment tad-dati ta’ tranżizzjoni għall-użu ta’ ċerti sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord fil-kategorija “miftuħa” u tad-data ta’ applikazzjoni għal xenarji standard għal operazzjonijiet eżegwiti fi jew lil hinn mil-linja viżwali tal-vista (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/1445

    ĠU L 87, 15/03/2022, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/425/oj

    15.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 87/20


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/425

    tal-14 ta’ Marzu 2022

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 fir-rigward tal-posponiment tad-dati ta’ tranżizzjoni għall-użu ta’ ċerti sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord fil-kategorija “miftuħa” u tad-data ta’ applikazzjoni għal xenarji standard għal operazzjonijiet eżegwiti fi jew lil hinn mil-linja viżwali tal-vista

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 (2), huwa permess li sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord (“UAS”) li ma jikkonformawx mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 (3) u li mhumiex mibnija privatament jibqgħu jintużaw fil-kategorija “miftuħa” taħt ċerti kundizzjonijiet operazzjonali limitati, meta jkunu tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2023. Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947, huwa permess li UAS li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Partijiet 1 sa 5 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2019/945 huwa permess li jintużaw fil-kategorija “miftuħa” biss taħt ċerti kundizzjonijiet operazzjonali limitati għal perjodu ta’ tranżizzjoni li jintemm fl-1 ta’ Jannar 2023.

    (2)

    Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947, mit-3 ta’ Diċembru 2023, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw biss dikjarazzjonijiet magħmula mill-operaturi tal-UAS f’konformità mal-Artikolu 5(5) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għal operazzjoni li tikkonforma ma’ wieħed miż-żewġ xenarji standard, jew fi ħdan il-linja viżwali tal-vista f’żona ta’ art ikkontrollata f’ambjent popolat, inkella lil hinn mil-linja viżwali tal-viżta b’Osservaturi tal-Ispazju tal-Ajru f’żona ta’ art ikkontrollata f’ambjent skarsament popolat, stipulati fl-Appendiċi 1 tal-Anness ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

    (3)

    Uħud mill-istandards armonizzati li jindirizzaw ir-rekwiżiti applikabbli għall-UAS tal-klassijiet C0 sa C6 meħtieġa għall-operazzjoni fil-kategorija “miftuħa” jew taħt ix-xenarji standard, kif ukoll l-identifikazzjoni diretta mill-bogħod ma jkunux disponibbli sa nofs l-2023. Mingħajr dawk l-istandards armonizzati, il-manifatturi tal-UAS ikunu, fil-verità, imxekkla milli jqiegħdu UAS konformi fis-suq qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947.

    (4)

    Għaldaqstant jenħtieġ li d-dati stipulati fl-Artikolu 20 u 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 jiġu estiżi biex jiġi żgurat li l-istandards armonizzati li jindirizzaw ir-rekwiżiti applikabbli għall-UAS tal-klassijiet C0 sa C6 ikunu disponibbli għall-produtturi u l-operaturi tal-UAS qabel jiskadu dawk il-perjodi. Huwa neċessarju wkoll li d-data tal-applikazzjoni taż-żewġ xenarji standard stipulati fl-Appendiċi 1 tal-Anness ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiġi posposta biex ikun żgurat li dawk l-istandards armonizzati jkunu disponibbli qabel ma l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċettaw dikjarazzjonijiet għall-operazzjonijiet konformi ma’ dawk ix-xenarji standard. Sa dak iż-żmien, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċettaw id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-operaturi tal-UAS f’konformità mal-Artikolu 5(5) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, abbażi ta’ xenarji standard nazzjonali jew ekwivalenti.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 20 “l-1 ta’ Jannar 2023” huwa sostitwit bi “l-1 ta’ Jannar 2024”;

    (2)

    fl-Artikolu 22, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, l-użu fil-kategorija “miftuħa” ta’ UAS li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Partijiet 1 sa 5 tal-Anness tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 (*1) għandu jkun permess għal perjodu ta’ tranżizzjoni li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2023, soġġett għall-kundizzjonijiet segwenti:

    (*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 tat-12 ta’ Marzu 2019 dwar sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u dwar operaturi ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 1).”;"

    (3)

    fl-Artikolu 23, il-paragrafi 2, 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “2.   L-Artikolu 5(5) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

    3.   Il-Punti UAS.OPEN.060(2)(g) UAS.SPEC.050(1)(l)(i) tal-Anness għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2022 u l-Punt UAS.SPEC.050(1)(l)(ii) tal-Anness għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(1), sal-31 ta’ Diċembru 2023, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw dikjarazzjonijiet magħmula minn operaturi tal-UAS f’konformità mal-Artikolu 5(5), abbażi ta’ xenarji standard nazzjonali jew ekwivalenti, jekk dawk ix-xenarji nazzjonali jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt UAS.SPEC.020 tal-Anness.

    Tali dikjarazzjonijiet ma għandhomx jibqgħu validi mill-1 ta’ Jannar 2026.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 tal-24 ta’ Mejju 2019 dwar ir-regoli u l-proċeduri għall-operazzjoni ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 45).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 tat-12 ta’ Marzu 2019 dwar sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u dwar operaturi ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 1).


    Top