Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2292

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2292 tat-30 ta’ April 2021 dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta għal deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv dwar il-metodoloġija għall-aġġornamenti biex jiġu riflessi l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni, fid-dawl tal-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja f’Distanza Twila, u dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni f’dik is-sessjoni

ST/7682/2021/INIT

ĠU L 458, 22/12/2021, p. 512–513 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2292/oj

22.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 458/512


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2292

tat-30 ta’ April 2021

dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta għal deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv dwar il-metodoloġija għall-aġġornamenti biex jiġu riflessi l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni, fid-dawl tal-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja f’Distanza Twila, u dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni f’dik is-sessjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Protokoll tal-1999 għat-Tnaqqis tal-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku għall-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja f’Distanza Twila, kif emendata fl-4 ta’ Mejju 2012 (il-“Protokoll ta’ Gothenburg emendat”) ġie approvat mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1757 (1) u daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2019.

(2)

Fis-36 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja f’Distanza Twila (il-‘Konvenzjoni’), il-Partijiet għall-Konvenzjoni appellaw lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex jipproponu metodoloġija għall-aġġustament tal-limiti tal-emissjonijiet tal-Unjoni stabbiliti fit-Tabella 1 tal-Anness II għall-Protokoll ta’ Gothenburg oriġinali kif adottat fl-1999, biex jitqiesu bidliet fis-sħubija fl-Unjoni.

(3)

Fis-37 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni, deċiżjoni proposta mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha ġiet adottata bid-Deċiżjoni 2017/3 tal-Korp Eżekuttiv.

(4)

Il-metodoloġija għall-aġġornament tal-valuri tal-Unjoni stabbiliti fit-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II għall-Protokoll ta’ Gothenburg emendat, imsejsa esklużivament fuq kalkolu matematiku li juża biss informazzjoni li diġà hija stabbilita f’dawk it-tabelli biex jitqiesu bidliet fis-sħubija fl-Unjoni, hija meħtieġa biex tippermetti li tali bidliet jiġu riflessi b’mod korrett fid-dawl tar-rieżami tal-konformità tal-Unjoni mal-obbligi tagħha skont il-Protokoll ta’ Gothenburg emendat. Dan ma huwa marbut mal-ebda aġġustament tal-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet jew mal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fit-tabelli tal-Anness II għall-Protokoll ta’ Gothenburg emendat.

(5)

Ladarba l-metodoloġija għall-aġġornamenti tiġi adottata mill-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta f’isem l-Unjoni l-aġġornamenti meħtieġa lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti li jimplimenta dik il-metodoloġija, biex jitqiesu l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni minn meta ġie adottat il-Protokoll ta’ Gothenburg emendat. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta wkoll kwalunkwe aġġornament meħtieġ f’każ ta’ bidliet sussegwenti fis-sħubija fl-Unjoni.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni, peress li d-deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv ser tkun vinkolanti għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Fil-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha taħdem lejn l-objettiv li: tiġi stabbilita l-metodoloġija li tippermetti l-aġġornamenti tal-linji bażi tal-emissjonijiet tal-Unjoni u l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet stabbiliti fit-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II għall-Protokoll ta’ Gothenburg emendat, imsejsa esklużivament fuq kalkolu matematiku li juża biss informazzjoni li diġà hija stabbilita f’dawk it-tabelli, sabiex biex jiġi żgurat li l-valuri tal-Unjoni f’dawk it-tabelli jkunu jistgħu jiġu aġġornati biex jirriflettu b’mod korrett is-somma totali tal-linji bażi tal-emissjonijiet tal-Istati Membri tagħha u l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, wara bidliet fis-sħubija fl-Unjoni.

2.   Fid-dawl tal-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni, u sabiex jinkiseb l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tissottometti l-proposta għall-metodoloġija meħtieġa (2).

3.   Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, għandha tikkomunika dik il-proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

Artikolu 2

1.   L-Unjoni tista’ tappoġġa l-emendi proposti minn Partijiet oħra għall-Konvenzjoni bil-kundizzjoni li dawn jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettiv tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 1.

2.   Fejn Partijiet oħra għall-Konvenzjoni jipproponu li d-deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv tuża l-Artikolu 13(2) tal-Protokoll ta’ Gothenburg bħala l-bażi legali tagħha, l-Unjoni tista’ taċċetta dik il-proposta u tidħol f’negozjati f’dan ir-rigward.

3.   Fejn Partijiet oħra għall-Konvenzjoni jitolbu li l-proċedura għas-sottomissjoni tal-valuri aġġornati għall-Unjoni tiġi allinjata mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13(4) u (5) tal-Protokoll ta’ Gothenburg, l-Unjoni tista’ tipproponi proċedura simplifikata.

Artikolu 3

Jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjoni stabbilita fl-Artikoli 1 u 2, fid-dawl tal-iżviluppi fil-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni, minn rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, waqt il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Ladarba l-metodoloġija li tippermetti l-aġġornamenti msemmijin fl-Artikolu 1(1) tkun ġiet adottata mill-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, f’isem l-Unjoni, l-aġġornamenti meħtieġa li jimplimentaw dik il-metodoloġija.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1757 tas-17 ta’ Lulju 2017 dwar l-aċċettazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea ta’ Emenda lill-Protokoll tal-1999 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila Sabiex Jitnaqqsu l-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku (ĠU L 248, 27.9.2017, p. 3).

(2)  Ara d-dokument ST 7683/21 fuq http://register.consilium.europa.eu


Top