Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007L0060

Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji ta’ l-għargħar (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 288, 06/11/2007, p. 27–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/60/oj

6.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 288/27


DIRETTIVA 2007/60/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ottubru 2007

dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji ta’ l-għargħar

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-għargħar jista’ jwassal għall-mewt, għaċ-ċaqliq ta’ persuni u għal ħsara lill-ambjent, jista’ jikkomprometti bil-kbir l-iżvilupp ekonomiku u jhedded l-attivitajiet ekonomiċi tal-Komunità.

(2)

L-għargħar huwa fenomenu naturali li ma jistax ikun evitat. Madankollu, xi attivitajiet tal-bniedem (bħaż-żieda ta’ l-irħula u tal-beni ekonomiċi fil-pjanuri ta l-għargħar u t-tnaqqis fil-livell ta l-ilma minħabba l-użu ta’ l-art) u l-bidla fil-klima jikkontribwixxu għaż-żieda fil-possibbiltà ta’ għargħar u fl-impatti negattivi ta’ l-għargħar.

(3)

Huwa possibbli u mixtieq li jitnaqqas ir-riskju ta’ konsegwenzi negattivi marbuta ma’ l-għargħar, speċjalment għal saħħet il-bniedem u l-ħajja tiegħu, għall-ambjent, il-wirt kulturali, l-attività ekonomika u għall-infrastruttura assoċjata ma’ l-għargħar. Madankollu, il-miżuri biex jitnaqqsu dawn ir-riskji għandhom, safejn huwa possibbli, ikunu kkoordinati tul il-baċin kollu tax-xmara sabiex ikunu effettivi.

(4)

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (3) teżiġi li jkun hemm pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmajjar li jridu jiġu żviluppati għal kull distrett tal-baċin ta’ xmara sabiex jinkiseb stat ekoloġiku u kimiku tajjeb, u se tikkontribwixxi biex jittaffew l-effetti ta’ l-għargħar. Madankollu t-tnaqqis tar-riskju ta’ għargħar mhuwiex wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ dik id-Direttiva u din lanqas ma tqis il-bidliet futuri fir-riskju ta’ għargħar b'riżultat tal-bidla fil-klima.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2004 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “L-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar; il-prevenzjoni, il-protezzjoni u t-tnaqqis ta’ l-għargħar” tistabbilixxi l-analiżi u l-istrateġija tagħha biex ikunu mmaniġġati r-riskji ta’ l-għargħar fuq livell Komunitarju, u tiddikjara li azzjoni kkonċertata u kkoordinata fuq livell Komunitarju ġġib valur miżjud konsiderevoli u ttejjeb il-livell ġenerali ta’ protezzjoni mill-għargħar.

(6)

Minbarra l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, l-prevenzjoni u tnaqqis effettivi ta’ l-għargħar jeħtieġu kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Dan huwa konformi mad-Direttiva 2000/60/KE u mal-prinċipji internazzjonali ta’ l-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar kif żviluppati notevolment taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-protezzjoni u l-użu ta’ korsiji ta’ l-ilma li jaqsmu l-fruntieri u l-għadajjar internazzjonali, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/308/KE (4) u kwalunkwe ftehim sussegwenti dwar l-applikazzjoni tagħha.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom tat-23 ta’ Ottubru 2001 li tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju biex tiffaċilita l-kooperazzjoni rinforzata fl-interventi ta’ assistenza tal-protezzjoni ċivili (5) timmobilizza l-appoġġ u l-assistenza mill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenzi kbar, inkluż l-għargħar. Il-protezzjoni ċivili tista’ tipprovdi rispons adegwat għall-popolazzjonijiet affettwati u ttejjeb l-istat ta’ preparazzjoni u ta’ l-irkupru.

(8)

Taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea (6), huwa possibbli li tingħata għajnuna finanzjarja immedjata f’każ ta’ diżastru kbir biex ikunu megħjuna n-nies, iż-żoni naturali, ir-reġjuni u l-pajjiżi kkonċernati biex jerġa’ jkollhom kondizzjonijiet li jkunu kemm jista’ jkun normali. Madanakollu l-Fond jista’ jintervjeni biss f’operazzjonijiet ta’ emerġenza u mhux f’dawk il-fażijiet li jippreċedu emerġenza.

(9)

Meta jiżviluppaw politika li jirriferu għall-użu ta’ l-ilma u ta’ l-art, l-Istati Membri u l-Komunità għandhom jikkunsidraw l-impatti potenzjali li tali politiki jafu jkollhom fuq ir-riskji ta’ għargħar u l-immaniġġjar tar-riskji ta’ għargħar.

(10)

Fil-Komunità kollha jseħħu tipi differenti ta’ għargħar, bħalma huma l-għargħar tax-xmajjar, l-għargħar għal għarrieda, l-għargħar urban, u l-għargħar mill-baħar f’żoni kostali. Il-ħsara kkawżata mill-għargħar tista’ tvarja wkoll minn naħa għal oħra tal-pajjiżi u tar-reġjuni tal-Komunità. Għalhekk, l-objettivi li jikkonċernaw l-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri infushom u għandhom ikunu bbażati fuq iċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali.

(11)

Ir-riskji ta’ l-għargħar f’ċerti żoni tal-Komunità jistgħu jitqiesu bħala mhux sinifikanti, per eżempju f’żoni fejn hemm ftit nies jew xejn jew f’żoni b'assi ekonomiċi jew b'valur ekoloġiku limitat. F’kull distrett ta’ baċin ta’ xmara jew unità ta’ maniġġar għandhom jiġu valutati r-riskji ta’ l-għargħar u l-ħtieġa għal aktar azzjoni – bħall-evalwazzjoni tal-potenzjal li jittaffew l-għargħar – għandhom jiġu evalwati.

(12)

Biex ikun hemm għodda effettiva ta’ informazzjoni, kif ukoll bħala bażi importanti biex ikunu stabbiliti l-prijoritajiet kif ukoll id-deċiżjonijiet tekniċi, finanzjarji u politiċi oħrajn rigward l-imaniġġar tar-riskju ta’ għargħar huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti mapep tar-riskju ta’ għargħar u mapep tar-riskju ta’ għargħar li juru l-konsegwenzi negattivi potenzjali b'xenarji differenti ta’ għargħar inkluż informazzjoni dwar sorsi potenzjali ta’ tniġġis ambjentali b'konsegwenza ta’ l-għargħar. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jevalwaw attivitajiet li għandhom l-effett li jżidu r-riskji ta’ l-għargħar.

(13)

Bil-ħsieb li jkunu evitati u jitnaqqsu l-impatti negattivi ta’ l-għargħar fiż-żona kkonċernata, ikun xieraq li jkun hemm pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar. Il-kawżi u l-konsegwenzi ta’ l-għargħar ivarjaw skond il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Komunità. Il-pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar għalhekk għandhom iqisu l-karatteristiċi partikolari taż-żoni li jkopru u jipprovdu għal soluzzjonijiet maħsubin apposta skond il-ħtiġiet u l-prijoritajiet ta’ dawk iż-żoni, filwaqt li jiżguraw koordinazzjoni rilevanti fid-distretti tal-baċin tax-xmara, u jippromwovu t-twettiq ta’ objettivi ambjentali stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. B'mod partikulari, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli jieħdu miżuri jew iwettqu azzjonijiet li jżidu b'mod sinifikattiv ir-riskju ta’ l-għargħar fi Stati Membri oħrajn, sakemm dawn il-miżuri ġew ikkoordinati u nstabet soluzzjoni miftiehma bejn l-Istati Membri kkonċernati.

(14)

Il-pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar għandhom jiffukaw fuq il-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-istat ta’ tħejjija. Bil-għan li x-xmajjar jingħataw iktar spazju, għandhom jikkunsidraw fejn possibbli l-manutenzjoni u/jew ir-restawr tal-pjanuri ta’ l-għargħar, kif ukoll miżuri sabiex ikun evitat jew imnaqqas il-ħsara lis-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika. L-elementi tal-pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar għandhom ikunu riveduti perjodikament u aġġornati jekk meħtieġ, billi jkunu kkunsidrati l-impatti probabbli tal-bidla fil-klima fuq il-fatt li jseħħ l-għargħar.

(15)

Il-prinċipju ta’ solidarjetà huwa importanti ħafna fil-kuntest ta’ l-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar. Fid-dawl tiegħu l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti jfittxu t-tqassim ġust ta’ responsabbiltajiet, meta miżuri jiġu deċiżi konġuntament għall-benefiċċju komuni, rigward l-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar tul il-korsiji ta’ l-ilma.

(16)

Biex ikun evitat l-irduppjar tax-xogħol l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jużaw il-valutazzjonijiet preliminari eżistenti tar-riskju ta’ għargħar, il-mapep ta’ periklu u riskju ta’ għargħar u l-pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar biex jintlaħqu l-għanijiet u jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

(17)

L-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ maniġġar ta’ baċin ta’ xmara taħt id-Direttiva 2000/60/KE u ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar taħt din id-Direttiva huma elementi ta’ mmaniġġar integrat ta’ baċin ta’ xmara. Għalhekk iż-żewġ proċessi għandhom jużaw il-potenzjal reċiproku għal sinerġiji u benefiċċji komuni, billi jikkunsidraw l-objettivi ambjentali tad-Direttiva 2000/60/KE, jiżguraw effiċjenza u użu għaqli ta’ riżorsi filwaqt li jirrikonoxxu li l-awtoritajiet kompetenti u l-unitajiet ta’ mmaniġġar jistgħu jkunu differenti f’din id-Direttiva u fid-Direttiva 2000/60/KE.

(18)

L-Istati Membri għandhom jibbażaw l-evalwazzjonijiet, il-mapep u l-pjanijiet tagħhom fuq “l-aħjar prattika” u “l-aħjar teknoloġiji disponibbli” adatti, li ma jwasslux għal spejjeż eċċessivi fil-qasam ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ għargħar.

(19)

F’każijiet fejn l-ilmijiet jintużaw għal forom differenti ta’ attivitajiet sostenibbli mill-bniedem (eż. għall-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar, għall-ekoloġija, għan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni jew għall-enerġija idro-elettrika) u minħabba l-impatti ta’ dan l-użu fuq il-korpi ta’ l-ilma, id-Direttiva 2000/60/KE tipprovdi għal proċess ċar u trasparenti biex ikun indirizzat dan l-użu u l-impatti, inklużi l-eżenzjonijiet possibbli mill-objettivi ta’ “stat tajjeb” jew ta’ “non-deterjorazzjoni” li hemm fl-Artikolu 4 tagħha. Id-Direttiva 2000/60/KE tipprovdi għall-irkupru ta’ l-ispejjeż fl-Artikolu 9.

(20)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7).

(21)

B'mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadatta l-Anness għall-progress xjentifiku u tekniku. Peress li dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(22)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din tfittex li tippromwovi l-integrazzjoni fil-linji politiċi Komunitarji ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali skond il-prinċipju ta’ l-iżvilupp sostenibbli kif stabbilit fl-Artikolu 37 tagħha.

(23)

Peress illi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tistabbilixxi qafas għal miżuri biex jitnaqqsu r-riskji tal-ħsara mill-għargħar ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista’ minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’ dak l-Artikolu din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ għall-kisba ta’ dak il-għan.

(24)

Skond il-prinċipji ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà u l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità mehmuż mat-Trattat, u fid-dawl tal-kapaċitajiet eżistenti ta’ l-Istati Membri, għandha titħalla flessibbiltà konsiderevoli lil-livelli lokali u reġjonali, b'mod partikolari fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni u fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet.

(25)

Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (8), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess Komunitarju, it-tabelli tagħhom li juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Il-fini ta’ din id-Direttiva hu li jiġi stabbilit qafas għall-valutazzjoni u l-immaniġġar tar-riskji ta’ għargħar, bil-għan li jitnaqqsu l-konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika assoċjata ma’ l-għargħar fil-Komunità.

Artikolu 2

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, flimkien mad-definizzjonijiet ta’ “xmara”, “baċin tax-xmara”, “sotto baċin” u “distrett ta’ baċin tax-xmara” kif stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“għargħar” tfisser meta art li normalment ma titgħattiex bl-ilma, titgħatta temporanjament bl-ilma. Dan għandu jinkludi l-għargħar minn xmajjar, turrenti tal-muntanji, mogħdijiet ta’ l-ilma effimeri Mediterranji, u għargħar mill-baħar fiż-żoni kostali, u jista’ jeskludi l-għargħar mis-sistemi tad-dranaġġ;

2.

“riskju ta’ għargħar” tfisser it-taħlita tal-probabbiltà ta’ każ ta’ għargħar u tal-konsegwenzi negattivi potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika assoċjata ma’ każ ta’ għargħar.

Artikolu 3

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-arranġamenti magħmulin taħt l-Artikoli 3(1), (2), (3), (5) u (6) tad-Direttiva 2000/60/KE.

2.   Madankollu, għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

jaħtru awtoritajiet kompetenti differenti minn dawk identifikati skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/60/KE;

(b)

jidentifikaw ċerti żoni kostali jew baċini ta’ xmajjar individwali u jassenjawhom lil unità ta’ maniġġar differenti minn dawk assenjati skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/60/KE.

F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom sas-26 ta’ Mejju 2010, jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2000/60/KE. Għal dan il-fini, kull referenza għal awtoritajiet kompetenti u distretti ta’ baċin tax-xmara għandha titqies bħala referenza għall-awtoritajiet kompetenti u għall-unità ta’ maniġġar imsemmija f’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'kull tibdil fl-informazzjoni pprovduta skond dan il-paragrafu fi żmien tliet xhur minn meta l-bidla tieħu effett.

KAPITOLU II

VALUTAZZJONI PRELIMINARI TAR-RISKJU TA’ GĦARGĦAR

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom, għal kull distrett ta’ baċin tax-xmara jew unità ta’ maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) jew il-parti ta’ baċin tax-xmara internazzjonali li tinsab fit-territorju tagħhom, jagħmlu valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ għargħar skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Għandha ssir valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ għargħar, ibbażata fuq informazzjoni disponibbli jew faċilment derivabbli, bħal reġistri u studji dwar żviluppi fuq medda ta’ żmien twila, b'mod partikulari l-impatti tal-bidla fil-klima fuq l-okkorrenza ta’ l-għargħar, biex tipprovdi valutazzjoni ta’ riskji potenzjali. Il-valutazzjoni għandha tinkludi ta’ l-inqas dan li ġej:

(a)

mapep tad-distrett ta’ baċin tax-xmara bi skala adatta inklużi l-konfini tal-baċini tax-xmara, tas-sotto-baċini u fejn jeżistu taż-żoni kostali, li juru t-topografija u l-użu ta’ l-art;

(b)

deskrizzjoni ta’ l-għargħar li seħħew fl-imgħoddi u li kellhom impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u li għalihom il-possibbiltà ta’ każijiet simili fil-ġejjieni għadha rilevanti, inkluż il-firxa ta’ l-għargħar u r-rotot ta’ mogħdija tagħhom u valutazzjoni ta’ l-impatti negattivi li ġabu magħhom;

(ċ)

deskrizzjoni ta’ l-għargħar sinifikanti, li seħħew fl-imgħoddi, fejn jistgħu jiġu previsti konsegwenzi negattivi sinifikanti ta’ avvenimenti futuri simili;

u, skond il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ l-Istati Membri, din għandha tinkludi:

(d)

valutazzjoni tal-konsegwenzi negattivi potenzjali ta’ għargħar futuri għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika, b'kont meħud kemm jista’ jkun ta’ kwistjonijiet possibbli bħat-topografija, il-pożizzjoni tal-mogħdijiet ta’ l-ilma u l- inklużi l-pjanuri ta’ l-għargħar bħala żoni naturali għaż-żamma ta’ l-ilma, l-effettività ta’ infrastrutturi eżistenti magħmula mill-bniedem għad-difiża mill-għargħar, il-pożizzjoni taż-żoni fejn jgħixu n-nies, iż-żoni ta’ attività ekonomika u żviluppi fuq perijodu fit-tul inklużi l-impatti tal-bidla fil-klima fuq l-okkorrenza ta’ għargħar.karatteristiċi idroloġiċi u ġeomorfoloġiċi ġenerali tagħhom.

3.   Fil-każ ta’ distretti ta’ baċini tax-xmara internazzjonali, jew unitajiet ta’ maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li huma komuni ma’ Stati Membri oħrajn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jseħħ skambju ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet kompetenti konċernati.

4.   L-Istati Membri għandhom ilestu il-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ għargħar sat-22 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 5

1.   Abbażi tal-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ għargħar imsemmija fl-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom, għal kull distrett ta’ baċin tax-xmara jew unità ta’ maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) jew il-parti ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara internazzjonali li jinsab fit-territorju tagħhom jidentifikaw dawk iż-żoni li għalihom l-Istati Membri jikkonkludu li hemm riskji potenzjali sinifikanti jew jista’ jitqies li x’aktarx iseħħ għargħar.

2.   L-identifikazzjoni skond il-paragrafu 1 ta’ żoni li jappartjenu għal distrett ta’ baċin tax-xmara internazzjonali, jew għal unità ta’ maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) komuni ma’ Stat Membru ieħor, għandha tiġi koordinata bejn l-Istati Membri konċernati.

KAPITOLU III

MAPEP TA’ PERIKLU TA’ GĦARGĦAR U MAPEP TA’ RISKJU TA’ GĦARGĦAR

Artikolu 6

1.   L-Istati Membri għandhom fil-livell ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara u unità ta’ maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b), iħejju mapep ta’ periklu ta’ għargħar u mapep ta’ riskju ta’ għargħar, fl-iskala l-aktar adatta għaż-żoni identifikati skond l-Artikolu 5(1).

2.   It-tħejjija ta’ mapep ta’ periklu ta’ għargħar u mapep ta’ riskju ta’ għargħar għal żoni identifikati taħt l-Artikolu 5 li huma komuni ma’ Stati Membri oħrajn għandha tkun soġġetta għal skambju minn qabel ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri konċernati.

3.   Il-mapep tal-periklu ta’ għargħar għandhom ikopru ż-żoni ġeografiċi li jistgħu jiġu mfawra skond ix-xenarji li ġejjin:

(a)

għargħar b'xenarji ta’ probabbiltà żgħira jew ta’ każijiet estremi;

(b)

għargħar ta’ probabbiltà medja (perijodu probabbli ta’ rikorrenza ≥ 100 sena);

(ċ)

għargħar ta’ probabbiltà kbira, fejn ikun il-każ.

4.   Għal kull xenarju msemmi fil-paragrafu 3 għandhom jintwerew l-elementi li ġejjin:

(a)

il-firxa ta’ l-għargħar;

(b)

il-fond ta’ l-ilma jew il-livell ta’ l-ilma skond il-każ;

(ċ)

fejn xieraq, il-veloċità tal-fluss jew il-fluss ta’ l-ilma rilevanti.

5.   Il-mapep tar-riskju ta’ għargħar għandhom juru l-impatti negattivi potenzjali assoċjati ma’ għargħar fix-xenarji msemmija fil-paragrafu 3 u espressi f’termini ta’ dawn li ġejjin:

(a)

in-numru indikattiv ta’ abitanti li potenzjalment jiġu affettwati;

(b)

it-tip ta’ attività ekonomika fiż-żona potenzjalment affettwata;

(ċ)

stallazzjonijiet kif imsemmijin fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta’ l-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (9) li jistgħu jikkawżaw tniġġis aċċidentali f’każ ta’ għargħar u żoni protetti potenzjalment affettwati identifikati fl-Anness IV(1)(i), (iii) u (v) tad-Direttiva 2000/60/KE;

(d)

informazzjoni oħra li l-Istat Membru jqis li hija utli bħall-indikazzjoni ta’ żoni fejn jista’ jseħħ għargħar b'kontenut kbir ta’ sedimenti trasportati u għargħar bi tkaxkir ta’ materjal u informazzjoni dwar sorsi sinifikanti oħra ta’ tniġġis.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, għal żoni kostali fejn jeżisti livell adegwat ta’ protezzjoni, it-tħejjija ta’ mapep ta’ periklu ta’ għargħar għandha tkun limitata għax-xenarju msemmi f’ paragrafu 3(a).

7.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li għal żoni fejn l-għargħar jiġi minn sorsi ta’ ilma ta’ taħt l-art, it-tħejjija ta’ mapep ta’ periklu ta’ għargħar għandha tkun limitata għax-xenarju deskritt f’ paragrafu 3(a).

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mapep tal-periklu ta’ l-għargħar u l-mapep tar-riskju ta’ l-għargħar jitlestew sat-22 ta’ Diċembru 2013.

KAPITOLU IV

PJANIJIET GĦALL-MANIĠĠAR TAR-RISKJU TA’ GĦARGĦAR

Artikolu 7

1.   Abbażi tal-mapep imsemmija fl-Artikolu 6 l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar ikkoordinati fil-livell ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara jew unità ta’ maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) għaż-żoni identifikati fl-Artikolu 5(1) u ż-żoni koperti bl-Artikolu 13(1)(b) skond il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu objettivi adatti għall-maniġġar tar-riskji ta’ għargħar għaż-żoni identifikati taħt l-Artikolu 5(1) u ż-żoni koperti bl-Artikolu 13(1)(b), li jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-konsegwenzi negattivi potenzjali ta’ l-għargħar għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika, u, jekk jitqies xieraq, fuq inizjattivi non-strutturali u/jew fuq it-tnaqqis tal-probabbiltà ta’ għargħar.

3.   Il-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar għandhom jinkludu miżuri li jilħqu l-objettivi stabbiliti skond il-paragrafu 2 u għandhom jinkludu l-komponenti mniżżla fil-Parti A ta’ l-Anness.

Il-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar għandhom iqisu aspetti rilevanti bħall-ispejjeż u l-benefiċċji, il-firxa ta’ l-għargħar u r-rotot ta’ mogħdija ta’ l-għargħar u ż-żoni bil-potenzjal ta’ żamma ta’ għargħar, bħal pjanuri naturali għall-għargħar, l-objettivi ambjentali ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE, il-maniġġar tal-ħamrija u l-ilma, l-ippjanar ta’ l-ispazju, l-użu ta’ l-art, il-konservazzjoni tan-natura, in-navigazzjoni u l-infrastruttura tal-port.

Il-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar għandhom jittrattaw l-aspetti kollha tal-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar u jiffokaw fuq il-prevenzjoni, il-ħarsien, l-istat ta’ tħejjija, inkluż it-tbassir ta’ għargħar u sistemi ta’ twissija minn kmieni u jqisu l-karatteristiċi tal-baċin jew tas-sotto baċin tax-xmara partikolari. Il-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar jistgħu jinkludu l-promozzjoni tal-prattiki ta’ l-użu sostenibbli ta’ l-art, titjib fiż-żamma ta’ l-ilma kif ukoll l-għargħar ikkontrollat ta’ ċerti żoni f’każ li jseħħ għargħar.

4.   Fl-interess tas-solidarjetà, pjanijiet ta’ maniġġar tar-riskju ta’ l-għargħar stabbiliti fi Stat Membru wieħed m’għandhomx jinkludu miżuri li, bil-firxa u l-impatt tagħhom, iżidu b'mod sinifikattiv ir-riskji ta’ għargħar ’il fuq jew ’l isfel f’pajjiżi oħra fl-istess baċin jew sotto-baċin tax-xmara, sakemm dawn il-miżuri ma’ jkunux ġew ikkoordinati u tkun instabet soluzzjoni miftiehma fost l-Istati Membri konċernati fil-qafas ta’ l-Artikolu 8.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar jitlestew u jiġu ppubblikati sat-22 ta’ Diċembru 2015.

Artikolu 8

1.   Għal distretti ta’ baċin tax-xmara jew unità ta’ maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li jinsabu kollha kemm huma fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir pjan uniku ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar, jew sett ta’ pjanijiet ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar ikkoordinati fil-livell tad-distrett tal-baċin tax-xmara.

2.   Fil-każ ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara internazzjonali jew unità ta’ maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li tkun kompletament fil-Komunità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni bil-ħsieb li jsir pjan internazzjonali wieħed ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar, jew sett ta’ pjanijiet ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar ikkoordinati fil-livell tad-distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara. Fejn ma jsirux pjanijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jagħmlu pjanijiet ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar li jkopru ta’ l-inqas il-partijiet tad-distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jinsabu fit-territorju tagħhom, kemm jista’ jkun ikkoordinati fil-livell tad-distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara.

3.   Fil-każ ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara internazzjonali jew unità ta’ maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li testendi lil hinn mill-konfini tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jipproduċu pjan internazzjonali uniku ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar jew sett ta’ pjanijiet ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar ikkoordinati fil-livell tad-distrett ta’ baċin tax-xmara internazzjonali; fejn dan ma jistax isir, il-paragrafu 2 għandu japplika għall-partijiet tal-baċin tax-xmara internazzjonali li jinsabu fit-territorju tagħhom.

4.   Il-pjanijiet ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu ssupplimentati, fejn meqjus xieraq minn pajjiżi li għandhom sotto baċini kondiviżi, bi pjanijiet ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar aktar dettaljati kkoordinati fil-livell tas-sotto baċini internazzjonali.

5.   Fejn Stat Membru jidentifika kwistjoni li għandha impatt fuq il-maniġġar tar-riskji ta’ għargħar ta’ l-ilmijiet tiegħu u dik il-kwistjoni ma tkunx tista tiġi riżolta minn dak l-Istat Membru, hu jista’ jirrapporta l-kwistjoni lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe Stat Membru ieħor konċernat u jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet għar-riżoluzzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni għandha twieġeb għal kwalunkwe rapport jew rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri fi żmien perijodu ta’ sitt xhur.

KAPITOLU V

KOORDINAZZJONI MAD-DIRETTIVA 2000/60/KE, L-INFORMAZZJONI U L-KONSULTAZZJONI TAL-PUBBLIKU

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa biex jikkoordinaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u dik tad-Direttiva 2000/60/KE waqt li jiffokaw fuq l-opportunitajiet għat-titjib ta’ l-effiċjenza, l-iskambju ta’ l-informazzjoni u biex jinkisbu sinerġiji u benefiċċji komuni wara li jikkunsidraw l-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE. B'mod partikolari:

1.

L-iżvilupp ta’ l-ewwel mapep ta’ periklu u riskju ta’ għargħar u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħhom kif imsemmijin fl-Artikoli 6 u 14 ta’ din id-Direttiva, għandhom jitwettqu b’ mod illi l-informazzjoni li jkun fihom tkun konsistenti ma’ l-informazzjoni rilevanti ppreżentata skond id-Direttiva 2000/60/KE. Huma għandhom jiġu kkoordinati u jistgħu jiġu integrati mar-reviżjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2000/60/KE;

2.

L-iżvilupp ta’ l-ewwel pjanijiet ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħhom kif imsemmi fl-Artikoli 7 u 14 ta’ din id-Direttiva għandu jitwettaq, f’koordinazzjoni u jista jiġi ntegrat mar-reviżjonijiet tal-pjanijiet ta’ maniġġar ta’ baċin tax-xmara previsti fl-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2000/60/KE;

3.

L-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha taħt l-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva għandu jkun ikkoordinat, skond il-każ, ma’ l-involviment attiv tal-partijiet interessati taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/60/KE.

Artikolu 10

1.   B'mod konformi mal-leġislazzjoni Komunitarja applikabbli, l-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ għargħar, il-mapep tal-periklu ta’ għargħar, il-mapep tar-riskju ta’ għargħar u l-pjanijiet tal-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar disponibbli għall-pubbliku.

2.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu involviment attiv tal-partijiet interessati fil-produzzjoni, fir-reviżjoni u fl-aġġornament tal-pjanijiet tal-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar imsemmija fil-Kapitolu IV.

KAPITOLU VI

MIŻURI TA’ IMPLIMENTAZZJONI U EMENDI

Artikolu 11

1.   Il-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(2), tadotta formati tekniċi għall-finijiet ta’ l-ipproċessar u t-trasmissjoni ta’ data, inkluża data statistika u kartografika, lill-Kummissjoni. Il-formati tekniċi għandhom jiġu adottati mill-inqas sentejn qabel id-dati indikati fl-Artikoli 4(4), 6(8) u 7(5), waqt li jitqiesu l-istandards eżistenti kif ukoll il-formati żviluppati fi ħdan l-atti Komunitarji rilevanti.

2.   Il-Kummissjoni tista’, waqt li tqis il-perijodi għar-reviżjoni u l-aġġornament, tadatta l-Anness għall-progress xjentifiku u tekniku.

Dawn il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(3).

Artikolu 12

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2000/60/KE.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

KAPITOLU VII

MIŻURI TRANSITORJI

Artikolu 13

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jwettqux il-valutazzjoni preliminari tar-riskju msemmija fl-Artikolu 4 għal dawk il-baċini tax-xmajjar, sotto-baċini jew żoni kostali fejn ikunu jew:

(a)

diġà wettqu valutazzjoni tar-riskju biex jikkonkludu, qabel it-22 ta’ Diċembru 2010, li jeżisti potenzjal ta’ riskju ta’ għargħar sinifikanti jew jista’ jitqies li x’aktarx iseħħ li jwassal għall-identifikazzjoni taż-żona fost dawk imsemmijin fl-Artikolu 5(1) jew

(b)

iddeċidew qabel it-22 ta’ Diċembru 2010 li jħejju mapep ta’ periklu ta’ għargħar u mapep ta’ riskju ta’ għargħar u li jistabbilixxu pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-mapep tal-periklu ta’ għargħar u l-mapep tar-riskju ta’ għargħar iffinalizzati qabel it-22 ta’ Diċembru 2010, jekk tali mapep jipprovdu livell ta’ informazzjoni ekwivalenti għall-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 6.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu minn pjanijiet ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar iffinalizzati qabel it-22 ta’ Diċembru 2010, sakemm il-kontenut ta’ dawn il-pjanijiet ikun ekwivalenti għall-ħtiġiet imniżżla fl-Artikolu 7.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14.

KAPITOLU VIII

REVIŻJONIJIET, RAPPORTI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

1.   Il-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ għargħar, jew il-valutazzjoni u d-deċiżjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 13(1), għandha tiġi riveduta u jekk ikun meħtieġ aġġornata sat-22 ta’ Diċembru 2018 u kull sitt snin minn hemm ’il quddiem.

2.   Il-mapep ta’ periklu u l-mapep ta’ riskju ta’ għargħar għandhom jiġu riveduti, u jekk ikun meħtieġ aġġornati, sat-22 ta’ Diċembru 2019, u kull sitt snin minn hemm ’il quddiem.

3.   Il-pjan(ijiet) tal-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar għandhom jiġu riveduti u jekk meħtieġ aġġornati, bl-inklużjoni tal-komponenti li hemm fil-parti B ta’ l-Anness, sat-22 ta’ Diċembru 2021 u kull sitt snin minn hemm ’il quddiem.

4.   L-impatt probabbli ta’ bidla fil-klima fuq l-okkorrenza ta’ l-għargħar għandha titqies fir-reviżjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 3.

Artikolu 15

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni l-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ għargħar, il-mapep tal-periklu ta’ għargħar, il-mapep tar-riskju ta’ għargħar u l-pjanijiet tal-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar imsemmija fl-Artikoli 4, 6 u 7, kif ukoll ir-reviżjoni tagħhom u, fejn applikabbli, l-aġġornamenti tagħhom fi żmien tliet xhur wara d-dati indikati rispettivament fl-Artikoli 4(4), 6(8), 7(5) u 14.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet meħudin skond l-Artikolu 13(1), (2) u (3) u jagħmlu disponibbli l-informazzjoni rilevanti dwar dan sad-dati indikati rispettivament fl-Artikoli 4(4), 6(8) u 7(5).

Artikolu 16

Sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2018, u kull sitt snin minn hemm ’il quddiem il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-impatt tal-bidla fil-klima għandu jitqies waqt it-tfassil ta’ dan ir-rapport.

Artikolu 17

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sas-26 ta’ Novembru 2009. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 18

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 23 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Mill-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 195, 18.8.2006, p. 37.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ġunju 2006 (ĠU C 300 E, 9.12.2006, p. 123), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2006 (ĠU C 311 E, 19.12.2006, p. 10) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ April 2007. Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2007.

(3)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

(4)  ĠU L 186, 5.8.1995, p. 42.

(5)  ĠU L 297, 15.11.2001, p. 7.

(6)  ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(8)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(9)  ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).


ANNESS

A.   Pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar

I.

Il-komponenti ta’ l-ewwel pjanijiet ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar:

1.

il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ għargħar kif meħtieġ fil-Kapitolu II fil-forma ta’ mappa sommarja tad-distrett ta’ baċin tax-xmara jew l-unità ta’ maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b), li tiddelinea ż-żoni identifikati skond l-Artikolu 5(1) li huma s-suġġett ta’ dan il-pjan ta’ maniġġar tar-riskju ta’ għargħar;

2.

il-mapep tal-periklu ta’ għargħar u l-mapep tar-riskju ta’ għargħar kif imħejjija skond il-Kapitolu III, jew diġà fis-seħħ skond l-Artikolu 13, u l-konklużjonijiet li jistgħu jittieħdu minn dawk il-mapep;

3.

deskrizzjoni ta’ l-objettivi adatti tal-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar, stabbiliti skond l-Artikolu 7(2);

4.

sommarju tal-miżuri u fl-ordni skond il-prijorità tagħhom li għandhom l-għan li jinkisbu l-objettivi adatti tal-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar, inklużi l-miżuri meħudin skond l-Artikolu 7, u l-miżuri marbutin ma’ l-għargħar meħudin skond atti Komunitarji oħrajn, inkluż id-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar il-valutazzjoni ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (1), u 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta’ perikli maġġuri ta’ inċidenti li jinvolvu sustanzi perikolużi (2), id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar il-valutazzjoni ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (3) u d-Direttiva 2000/60/KE;

5.

meta tkun disponibbli, għal baċini jew sotto-baċini kondiviżi ta’ xmara, deskrizzjoni tal-metodoloġija, iddefinita mill-Istati Membri konċernati, ta’ l-analiżi kost-benefiċċju użata għall-valutazzjoni tal-miżuri b’effetti trans-nazzjonali.

II.

Deskrizzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-pjan:

1.

deskrizzjoni tal-prijorità u tal-mod li bih se jiġi ssorveljat il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan;

2.

sommarju ta’ l-informazzjoni pubblika u l-miżuri/azzjonijiet ta’ konsultazzjoni meħudin;

3.

lista ta’ awtoritajiet kompetenti u, kif meħtieġ, deskrizzjoni tal-proċess ta’ koordinazzjoni fi ħdan kwalunkwe distrett ta’ baċin tax-xmara internazzjonali u tal-proċess ta’ koordinazzjoni mad-Direttiva 2000/60/KE.

B.   Il-komponenti ta’ l-aġġornament sussegwenti tal-pjanijiet tal-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar:

1.

kwalunkwe tibdil jew aġġornament minn wara l-pubblikazzjoni tal-verżjoni preċedenti tal-pjan tal-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar, inkluż sommarju tar-reviżjonijiet imwettqa f’konformità ma’ l-Artikolu 14;

2.

valutazzjoni tal-progress li sar lejn il-kisba ta’ l-objettivi msemmijin fl-Artikolu 7(2);

3.

deskrizzjoni ta’, u spjegazzjoni għal, kwalunkwe miżura prevista fil-verżjoni preċedenti tal-pjan tal-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar li kienet ippjanata li titwettaq u li ma saritx;

4.

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe miżura addizzjonali minn wara l-pubblikazzjoni tal-verżjoni preċedenti tal-pjan tal-maniġġar tar-riskju ta’ għargħar.


(1)  ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).

(2)  ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 97).

(3)  ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.


Top