Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R2019

2019/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2019/2006 tal- 21 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2058/96, (KE) Nru 327/98 u (KE) Nru 955/2005 li jiftħu u jipprovdu għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji għall-importazzjoni fis-settur tar-ross

ĠU L 384, 29.12.2006, p. 48–53 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 312M, 22.11.2008, p. 259–264 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/06/2012; Impliċitament imħassar minn 32012R0480

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/2019/oj

22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

259


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2019/2006

tal-21 ta' Diċembru 2006

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2058/96, (KE) Nru 327/98 u (KE) Nru 955/2005 li jiftħu u jipprovdu għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji għall-importazzjoni fis-settur tar-ross

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/96 tat-18 ta’ Ġunju 1996 dwar l-implimentazzjoni tal-konċessjonijiet dikjarati fl-iskeda CXL imfassla bħala riżultat tal-konklużjoni tan-negozjati tal-FĠKT (GATT) XXIV.6 (1), u b’mod partikolari l-ewwel Artikolu tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/317/KE tat-13 ta’ Mejju 1996 dwar il-konklużjoni tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet mat-Tajlandja fil-qafas tal-Artikolu XXIII tal-GATT (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1785/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tar-ross (3), u b’mod partikolari l-Artikoli 10(2) u Artikolu 13(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni għall-prodotti agrikoli amministrati b’sistema ta’ liċenzji għall-importazzjoni (4) japplika għal-liċenzji għall-importazzjoni għall-perijodi ta’ kwota tariffarja li tibda mill-1 ta’ Jannar 2007.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jistipula b’mod partikolari l-arranġamenti relatati mar-rikjesti, l-kwalità tal-applikant, kif ukoll il-ħruġ tal-liċenzji. Dan ir-Regolament jillimita ż-żmien li fih ikunu validi l-liċenzji għall-aħhar jum tal-perijodu ta’ kwota tariffarja u japplika mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet addizzjonali jew derogi stabbiliti mir-Regolamenti settorjali.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2058/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 li jiftaħ u jipprovdi għat-tmexxija ta' kwota ta' tariffa għal ross miksur (broken rice) ta' kodiċi [NM] 1006 40 00 għal produzzjoni ta' tħejjijiet tal-ikel ta' kodiċi NM 1901 10 (5), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 327/98 ta' fl-10 ta’ Frar 1998. li jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti ta' tariffi għall-importazzjoni ta' ross u ross miksur (6) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 955/2005 tat-23 ta’ Ġunju 2005 li jiftaħ kwota għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ ross li ġej mill-Eġittu (7), għandhom dispożizzjonijiet differenti minn xulxin jew jirrepetu xi regoli komuni li kienu stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1301/2006. Għalhekk għandhom jiġu adattati dawn ir-Regolamenti sabiex jitneħħew ir-regoli diverġenti jew li jkunu żejda, jiġu speċifikati n-numri ta’ ordni ta’ kull kwota u sub-kwota u jiġu stabbiliti r-regoli speċifiċi applikabbli, b’mod partikolari għall-istabbiliment tar-rikjesti għal-liċenzji, il-ħruġ tagħhom, iż-żmien li fih ikunu validi u r-rapport tal-informazzjoni lill-Kummissjoni.

(4)

Sabiex jiġu armonizzati u ssimplifikati dawn ir-Regolamenti, għandhom jitneħħew id-dispożizzjonijiet li huma diġà stabbiliti fir-Regolamenti orizzontali jew settorjali ta’ applikazzjoni, li huma, minbarra ir-Regolament (KE) Nru 1301/2006, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (8), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1342/2003 tat-28 ta’ Lulju 2003 li jistabbilixxi regoli speċjali u dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' liċenzji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' ċereali u ross (9), u li jitneħħew id-dispożizzjonijiet li ma japplikawx aktar.

(5)

Għal skop ta’ simplifikazzjoni għandu jiġi stabbilit li l-kwantitajiet ta’ inqas minn 20 tunnellata attribwiti wara l-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti ta’ attribuzzjoni, jkunu amministrati b’mod omoġenju fir-Regolament (KE) Nru 2058/96, ir-Regolament (KE) Nru 327/98 u r-Regolament (KE) Nru 955/2005.

(6)

Sabiex titjieb l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji mifuħa mir-Regolament (KE) Nru 2058/96 u r-Regolament (KE) Nru 955/2005, huwa neċessarju li l-operaturi jibqgħu jingħataw l-permess li jippreżentaw aktar minn rikjesta waħda għal-liċenzja għal kull perijodu ta’ kwota u għalhekk li ssir deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1301/2006. Minbarra hekk, sabiex jitjieb il-kontroll ta’ dawn iż-żewġ kwoti, kif ukoll biex tiġi armonizzata u ssimplifikata l-amminstrazzjoni tagħhom, għandu jiġi stabbilit li r-rikjesti għal-liċenzji għall-importazzjoni jsiru kull ġimgħa.

(7)

Il-liġi doganali li tapplika għall-importazzjoni tar-ross miksur hija stabbilita fl-Artikolu 11d tar-Regolament Nru 1785/2003, u għalhekk m’għandhiex tkompli ssir referenza għan-nomenklatura magħquda u għaldaqstant għandu jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 2058/96.

(8)

Għal dawk il-kwoti miftuħa mir-Regolament (KE) Nru 327/98 li huma amministrati fuq il-bażi ta’ liċenzja għall-esportazzjoni, jeħtieġ li l-operaturi li għandhom aktar minn liċenzja waħda għall-esportazzjoni jitkomplu jitħallew jippreżentaw aktar minn rikjesta waħda għal-liċenzja għall-importazzjoni għal kull sub-perijodu ta’ kwota u għalhekk li ssir deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, sabiex jiġu assigurati l-kontrolli adattati għal dawn l-importazzjonijiet. Barra minn hekk, l-ammont ta’ garanzija relatat mal-liċenzji għall-importazzjoni tar-ross miksur stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 327/98 għandu jsir konsistenti mal-ammont ta’ garanzija stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1342/2003.

(9)

Rigward ir-Regolament (KE) Nru 955/2005, għandhom jiġu speċifikati r-referenzi tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003 u jiġi speċifikat li ż-żmien li fih ikunu validi l-liċenzji għall-importazzjoni huwa kkalkolat mid-data tal-ħruġ b’mod effettiv tal-liċenzja.

(10)

Għandhom jiġu applikati dawn il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2007, id-data minn meta l-miżuri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1301/2006 japplikaw.

(11)

Għaldaqstant, il-perijodu li fih jinġabru l-ewwel rikjesti stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 2058/96 u r-Regolament (KE) Nru 955/2005 fl-2007 jibda fi btala pubblika, u għalhekk għandu jiġi stabbilit li l-ewwel rikjesti għandhom jiġu ppreżentati mill-operaturi fl-ewwel jum ta’ xogħol tas-sena 2007 u li dan l-ewwel perijodu li fih jinġabru r-rikjesti jispiċċa l-aktar tard it-Tnejn it-8 ta’ Jannar 2007. Għandu jiġi speċifikat ukoll li r-rikjesti għal-liċenzji għall-importazzjoni ta’ dan l-ewwel perijodu għandhom jiġu rrapportati lill-Kummissjoni, l-aktar tard sat-Tnejn it-8 ta’ Jannar 2007.

(12)

Għalhekk għandhom jiġu emendati r-Regolament (KE) Nru 2058/96, ir-Regolament (KE) Nru 327/98 u r-Regolament (KE) Nru 955/2005.

(13)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni taċ-Ċereali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2058/96 huwa mibdul kif ġej:

1.

Fl-ewwel Artikolu, it-tieni u t-tielet inċiżi li ġejjin huma miżjuda:

“Il-kwota għandha n-numru ta’ ordni 09.4079.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 (*), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1342/2003 (**) u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1301/2006 (***) japplikaw ħlief jekk ikun hemm xi dispożizzjonijiet kontrarji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(*)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1."

(**)  ĠU L 189, 29.7.2003, p. 12."

(***)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.”"

2.

L-Artikolu 2 jiġi mibdul kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni inċiż li ġej huwa miżjud:

“Ir-rikjesti għal-liċenzji għall-importazzjoni jinġabru mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kull sena, l-aktar tard it-Tnejn fis-13.00, ħin ta’ Brussell. Għaldaqstant, għas-sena 2007, il-perijodu li fih jinġabru l-ewwel rikjesti jibda biss mill-ewwel jum ta’ xogħol tas-sena 2007 u jispiċċa l-aktar tard fit-8 ta’ Jannar, u l-ewwel nhar ta’ Tnejn li fih isir ir-rapport tar-rikjesti tal-liċenzji għall-importazzjoni lill-Kummissjoni, b’konformità mal-paragrafu 4(a), huwa t-Tnejn 8 ta’ Jannar 2007.”

(b)

il-paragrafu 2 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“2.   B’deroga mill-Artikolu 6(1) ta’ (KE) Nru 1301/2006, l-applikant ma jistax jippreżenta aktar minn rikjesta waħda għal kull perijodu ta’ kwota. Għaldaqstant, l-applikant jista’ jippreżenta biss rikjesta waħda għal liċenzja kull ġimgħa.”

3.

L-Artikolu 3 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“Artikolu 3

1.   Meta l-kwantitajiet mitluba fi żmien ġimgħa jaqbżu l-kwantità disponibbli tal-kwota, il-Kummissjoni tistabbilixxi, l-aktar tard sar-raba’ jum ta’ xogħol wara l-aħhar ġurnata li fiha jinġabru r-rikjesti għal dik il-ġimgħa, koeffiċjent ta’ attribuzzjoni tal-kwantitajiet mitluba matul din il-ġimgħa, tirrifjuta r-rikjesti ippreżentati għall-ġimgħat ta’ wara u twaqqaf il-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni sal-aħhar ta’ dik is-sena.

Meta l-koeffiċjent ta’ attribuzzjoni stabbilit fl-ewwel inċiż jirriżulta fi kwantità waħda jew aktar ta’ inqas minn 20 tunnellata għal kull rikjesta, l-attribuzzjoni tat-totalità ta’ dawn il-kwantitajiet issir mill-Istat Membru permezz ta’ tlugħ bix-xorti fost l-operaturi kkonċernati b’lottijiet ta’ 20 tunnellata, miżjud bil-kwantità li jifdal imqassma b’mod ugwali bejn il-lottijiet ta’ 20 tunnellata. Għaldaqstant, jekk l-addizzjoni tal-kwantitajiet ta’ inqas minn 20 tunnellata ma tippermettix li jsir lott ta’ 20 tunnellata, l-attribuzzjoni tal-kwantità li jifdal hija mqassma mill-Istat Membru b’mod ugwali bejn l-operaturi li għandhom liċenzja ta’ 20 tunnellata jew aktar.

Jekk wara l-applikazzjoni tat-tieni inċiż, il-kwanitià li għaliha għandha toħroġ il-liċenzja hija inqas minn 20 tunnellata, ir-rikjesta għal-liċenzja tista’ tiġi rtirata mill-operatur fi żmien jumejn ta’ xogħol mid-data ta’ implimentazzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ attribuzzjoni.

2.   Il-liċenzja għall-importazzjoni toħroġ fit-tmien jum ta’ xogħol wara l-aħhar data li fiha jrid isir ir-rapport tar-rikjesti għal-liċenzja għall-importazzjoni lill-Kummissjoni stabbilit fl-Artikolu 4(a).”

4.

L-Artikolu 4 huwa mibdul bit-test li ġej:

"Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni b’mod elettroniku:

(a)

fl-aħħar ġurnata li fiha jinġabru r-rikjesti għal-liċenzji, l-aktar tard sas-18.00 ħin ta’ Brussell, l-informazzjoni relatata mar-rikjesti għal-liċenzji għall-importazzjoni, stabbiliti fil-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, b’analiżi statistika għal kull kodiċi NM bi tmien ċifri u għal kull pajjiż ta’ oriġini tal-kwantitajiet li għalihom ikunu saru dawn ir-rikjesti.

(b)

sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara l-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni, l-informazzjoni dwar il-liċenzji maħruġa, stabbiliti fl-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, b’analiżi statistika għal kull kodiċi NM bi tmien ċifri u għal kull pajjiż ta’ oriġini tal-kwantitajiet li għalihom inħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni.

(c)

sa mhux aktar tard mill-aħħar jum ta’ kull xahar, il-kwantitajiet totali li b’mod effettiv tpoġġew f’ċirkulazzjoni libera b’applikazzjoni ta’ din il-kwota matul it-tielet xahar mill-aħhar, b’analiżi statistika għal kull kodiċi NM bi tmien ċifri u għal kull pajjiż ta’ oriġini. Jekk ma tpoġġa xejn f’ċirkulazzjoni libera matul il-perijodu, jintbagħat rapport ‘null’.

5.

Fl-Artikolu 5(1)(b), il-kliem “iffissat fin-nomenklatura magħquda” jiġu mibdula bil-kliem “iffissati fl-Artikolu 11d tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1785/2003 (****)

6.

L-Artikolu 6(2) jitneħħa.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 327/1998 jiġi emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1(1):

(a)

it-tieni inċiż jiġi mibdul bit-test li ġej:

‘Dawn il-kwoti tariffarji għall-importazzjoni globali huma mqassma fi kwoti tariffarji għall-importazzjoni għal kull pajjiż ta’ oriġini u mqassma f’diversi sub-perijodi b’mod konformi mal-Anness IX.’

(b)

it-tielet inċiż li ġej huwa miżjud:

‘Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 (*****), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1342/2003 (******) u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1301/2006 (*******) japplikaw ħlief jekk ikun hemm xi dispożizzjonijiet kontrarji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(*****)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1."

(******)  ĠU L 189, 29.7.2003, p. 12."

(*******)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.’"

2.

L-Artikolu 2 jiġi mibdul bit-test li ġej:

‘Artikolu 2

Il-kwantitajiet li għalihom ma nħarġux liċenzji għall-importazzjoni għall-kwoti stabbiliti fil-paragrafi a), b) u e) tal-Artikolu 1(1) għas-sub-perijodu tax-xahar ta’ Settembru jistgħu jintużaw għal rikjesti għal-liċenzji għall-importazzjoni għas-sub-perijodu tax-xahar ta’ Awwissu, għall-oriġini kollha stabbiliti mill-kwota tariffarja għall-importazzjoni globali.’

3.

Fl-Artikolu 3, it-tielet inċiż jiġi mibdul bit-test li ġej:

‘Il-liċenzji għall-esportazzjoni maħruġa għall-kwoti tariffarji għall-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1(1) huma validi għal dak il-perijodu ta’ kwota kkunsidrat biss.’

4.

L-Artikolu 4 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jiġi mibdul bit-test li ġej:

‘1.   Ir-rikjesti għal-liċenzji jinġabru matul l-ewwel għaxart ijiem ta’ xogħol tal-ewwel xahar ta’ kull sub-perijodu.’

(b)

fil-paragrafu 2, it-tieni puni jitneħħa.

(c)

fil-paragrafu 3 is-sentenza li ġejja tiġi miżjuda:

‘Il-liċenzji huma validi biss għall-prodotti li ġejjin mill-pajjiż imniżżel fil-kaxxa 8.’

(d)

il-paragrafu 5, huwa mibdul bit-test li ġej:

‘5.   B’deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, għall-kwoti tariffarji li għandhom x’jaqsmu mar-rikjesti għal-liċenzji għall-importazzjoni stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, l-applikanti jistgħu jippreżentaw aktar minn rikjesta waħda għall-istess numru ta’ ordni ta’ kwota għal kull sub-perijodu ta’ kwota għall-importazzjoni.’

5.

L-Artikolu 5 jiġi mibdul bit-test li ġej:

‘Artikolu 5

Il-koeffiċjent ta’ attribuzzjoni stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, huwa ffissat mill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mill-aħhar jum li fih għandu jsir ir-rapport stabbilit fl-Artikolu 8(a) ta’ dan ir-Regolament. Fl-istess ħin il-Kummissjoni tistabbilixxi l-kwantitajiet disponibbli għas-sub-perijodu li jmiss u, jekk ikun hemm bżonn, għas-sub-perijodu korrispondenti tax-xahar ta’ Ottubru.

Meta l-koeffiċjent ta’ attribuzzjoni stabbilit fl-ewwel inċiż jirriżulta fi kwantità waħda jew aktar ta’ inqas minn 20 tunnellata għal kull rikjesta, l-attribuzzjoni tat-totalità ta’ dawn il-kwantitajiet issir mill-Istat Membru permezz ta’ tlugħ bix-xorti fost l-operaturi kkonċernati b’lottijiet ta’ 20 tunnellata, miżjud bil-kwantità li jifdal imqassma b’mod ugwali bejn il-lottijiet ta’ 20 tunnellata. Għaldaqstant, jekk l-addizzjoni tal-kwantitajiet ta’ inqas minn 20 tunnellata ma tippermettix li jsir lott ta’ 20 tunnellata, l-attribuzzjoni tal-kwantità li jifdal hija mqassma mill-Istat Membru b’mod ugwali bejn l-operaturi li għandhom liċenzja ta’ 20 tunnellata jew aktar.

Jekk wara l-applikazzjoni tat-tieni inċiż, il-kwanità li għaliha għandha toħroġ il-liċenzja hija inqas minn 20 tunnellata, ir-rikjesta għal-liċenzja tista’ tiġi rtirata mill-operatur fi żmien jumejn ta’ xogħol mid-data ta’ implimentazzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ attribuzzjoni.’

6.

L-Artikolu 6 jiġi mibdul bit-test li ġej:

‘Artikolu 6

Fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol mill-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tistabbilixxi l-kwantitajiet disponibbli, stabbilita fl-Artikolu 5, il-liċenzji għall-importazzjoni jiġu maħruġa għall-kwantitajiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 5.’

7.

L-Artikolu 7 jiġi mibdul kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 jitneħħa.

(b)

fil-paragrafu 4, it-tieni inċiż jitneħħa.

8.

L-Artikolu 8 jiġi mibdul bit-test li ġej:

‘Artikolu 8

L-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni b’mod elettroniku:

(a)

sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara l-aħħar ġurnata li fiha jiġu ppreżentati r-rikjesti għal-liċenzji fis-18.00 ħin ta’ Brussell, l-informazzjoni relatata mar-rikjesti għal-liċenzji għall-importazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, b’analiżi statistika għal kull kodiċi NM bi tmien ċifri u għal kull pajjiż ta’ oriġini tal-kwantitajiet li għalihom saru dawn ir-rikjesti, u għandu jiġi speċifikat in-numru tal-liċenzja għall-importazzjoni kif ukoll in-numru tal-liċenzja għall-esportazzjoni meta dan jiġi mitlub.

(b)

sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara l-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni, l-informazzjoni dwar il-liċenzji maħruġa, stabbiliti fl-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, b’analiżi statistika għal kull kodiċi NM bi tmien ċifri u għal kull pajjiż ta’ oriġini tal-kwantitajiet li għalihom inħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni, u għandu jiġi speċifikat in-numru tal-liċenzja għall-importazzjoni, kif ukoll il-kwantitajiet li għalihom il-liċenzji ġew irtirati b’mod konformi mat-tielet inċiż tal-Artikolu 5.

(c)

sa mhux aktar tard mill-aħħar jum ta’ kull xahar, il-kwantitajiet totali li b’mod effettiv tpoġġew f’ċirkulazzjoni libera b’applikazzjoni ta’ din il-kwota matul it-tielet xahar mill-aħhar, b’analiżi statistika għal kull kodiċi NM bi tmien ċifri u għal kull pajjiż ta’ oriġini, u għandu jiġi speċifikat il-pakkett jekk għandu tip ta’ ppakkjar ta’ 5kg jew inqas. Jekk ma tpoġġa xejn f’ċirkulazzjoni libera matul il-perijodu, jintbagħat rapport “null”.’

9.

L-Artikolu 10 jitneħħa.

10.

L-Anness III jitneħha.

11.

Fl-Anness IX il-kliem ‘fażijiet’ jiġi mibdul bil-kliem ‘sub-perijodi’

12.

L-Anness X jitneħha.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 955/2005 jiġi mibdul kif ġej:

1.

l-ewwel Artikolu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel inċiż il-kliem ‘b’mod konformi mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003’ jiġu mibdula bil-kliem ‘b’mod konformi mal-Artikoli 11, 11a, 11c u 11d tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003’.

(b)

it-tieni inċiż jitneħħa,

(c)

ir-raba’ inċiż li ġej jiġi miżjud:

‘Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1342/2003 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (********) japplikaw ħlief jekk ikun hemm xi dispożizzjonijiet kuntrarji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(********)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.’"

2.

L-Artikolu 2 jiġi emendat ki ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jitneħħa.

(b)

il-paragrafu 3 jiġi mibdul bit-test li ġej:

‘3.   B’deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-applikant jista’ jippreżenta aktar minn rikjesta waħda għal kull perijodu ta’ kwota. Għaldaqstant l-applikant jista’ jippreżenta rikjesta għal liċenzja waħda biss f’kull ġimgħa għal kull kodiċi NM bi tmien ċifri.’

3.

L-Artikolu 3 jiġi emendat ki ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jitneħħa.

(b)

fil-paragrafu 3, il-kliem ‘b’mod konformi mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003’ jiġi mibdul bil-kliem ‘b’mod konformi mal-Artikoli 11, 11a, 11c u 11d tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003’.

4.

L-Artikolu 4 jiġi mibdul bit-test li ġej:

‘Artikolu 4

1.   Ir-rikjesti għal-liċenzji għall-importazzjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-aktar tard nhar ta’ Tnejn fis-13.00, ħin ta’ Brussell.

Għaldaqstant, għas-sena 2007, il-perijodu ta’ meta jinġabru l-ewwel rikjesti jibda biss mill-ewwel jum ta’ xogħol tas-sena 2007 u jispiċċa l-aktar tard fit-8 ta’ Jannar 2007, u l-ewwel nhar ta’ Tnejn li fih isir ir-rapport tar-rikjesti għal-liċenzji għall-importazzjoni lill-Kummissjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 5(a) huwa t-Tnejn 8 ta’ Jannar 2007.

2.   Il-liċenzja għall-importazzjoni toħroġ fit-tmien jum ta’ xogħol wara l-aħħar jum li fih jinġabru r-rikjesti sakemm il-kwanitità stabbilita fl-ewwel Artikolu ma tkunx intlaħqet.

B’deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1342/2003, iż-żmien li fih tkun valida l-liċenzja għall-importazzjoni huwa limitat għall-aħħar tax-xahar wara dak li fih tkun inħarġet b’mod effettiv.

3.   Meta l-kwantitajiet mitluba fi żmien ġimgħa jaqbżu l-kwantità disponibbli tal-kwota stabbilita fl-ewwel Artikolu, il-Kummissjoni tistabbilixxi, l-aktar tard sar-raba’ jum ta’ xogħol wara l-aħhar ġurnata li fiha jinġabru r-rikjesti għal dik il-ġimgħa, koeffiċjent ta’ attribuzzjoni tal-kwantitajiet mitluba matul dik il-ġimgħa, tirrifjuta r-rikjesti ippreżentati għall-ġimgħat ta’ wara u twaqqaf il-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni sal-aħhar ta’ dik is-sena.

4.   Meta l-koeffiċjent ta’ attribuzzjoni stabbilit fil-paragrafu 3 jirriżulta fi kwantità waħda jew aktar ta’ inqas minn 20 tunnellata għal kull rikjesta, l-attribuzzjoni tat-totalità ta’ dawn il-kwantitajiet issir mill-Istat Membru permezz ta’ tlugħ bix-xorti fost l-operaturi kkonċernati b’lottijiet ta’ 20 tunnellata, miżjud bil-kwantità li jifdal imqassma b’mod ugwali bejn il-lottijiet ta’ 20 tunnellata. Għaldaqstant, jekk l-addizzjoni tal-kwantitajiet ta’ inqas minn 20 tunnellata ma tippermettix li jsir lott ta’ 20 tunnellata, l-attribuzzjoni tal-kwantità li jifdal hija mqassma mill-Istat Membru b’mod ugwali bejn l-operaturi li għandhom liċenzja ta’ 20 tunnellata jew aktar.

Jekk wara l-applikazzjoni tal-ewwel inċiż, il-kwantità li għaliha għandha toħroġ il-liċenzja hija inqas minn 20 tunnellata, ir-rikjesta għal-liċenzja tista’ tiġi rtirata mill-operatur fi żmien jumejn ta’ xogħol mid-data ta’ implimentazzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ attribuzzjoni.’

5.

L-Artikolu 5 jiġi mibdul bit-test li ġej:

‘Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni b’mod elettroniku:

(a)

fl-aħħar ġurnata li fiha jinġabru r-rikjesti għal-liċenzji, l-aktar tard sas-18.00 ħin ta’ Brussell, l-informazzjoni relatata mar-rikjesti għal-liċenzji għall-importazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, b’analiżi statistika għal kull kodiċi NM bi tmien ċifri tal-kwantitajiet li għalihom saru dawn ir-rikjesti.

(b)

sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara l-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni, l-informazzjoni dwar il-liċenzji maħruġa, stabbiliti fl-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, b’analiżi statistika għal kull kodiċi NM bi tmien ċifri tal-kwantitajiet li għalihom inħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni.

(c)

sa mhux aktar tard mill-aħħar jum ta’ kull xahar, il-kwantitajiet totali li b’mod effettiv tpoġġew f’ċirkulazzjoni libera b’applikazzjoni ta’ din il-kwota matul it-tielet xahar mill-aħhar, b’analiżi statistika għal kull kodiċi NM bi tmien ċifri. Jekk ma tpoġġa xejn f’ċirkulazzjoni libera matul il-perijodu, jintbagħat rapport “null”.’

6.

L-Artikolu 6 jitneħħa.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fid-seħħ jum wara li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 21 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 146, 20.6.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 122, 22.5.1996, p. 15.

(3)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 96. Ir-Regolament emendat mir-Regolament (KE) Nru 797/2006 tal-(ĠU L 144, 31.5.2006, p. 1).

(4)  ĠU L 238, 31.8.2006, p. 13.

(5)  ĠU L 276, 29.10.1996, p. 7 Regolament emendat mir-Regolament (KE) Nru 1950/2005 (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 18).

(6)  ĠU L 37, 11.2.1998, p. 5. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 965/2006 (ĠU L 176, 30.6.2006, p. 12).

(7)  ĠU L 164, 24.6.2005, p. 5.

(8)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 410/2006 (ĠU L 71, 10.3.2006, p. 7).

(9)  ĠU L 189, 29.7.2003, p. 12. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 945/2006 (ĠU L 173, 27.6.2006, p. 12).


Top