Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0904

Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 2 ta' Diċembru 2004 li tistabbilixxi l-fond ewropew għar-refuġjati Għall-perijodu 2005-2010

ĠU L 381, 28.12.2004, p. 52–62 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 340–350 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2007; Imħassar b' 32007D0573

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/904/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

340


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-2 ta' Diċembru 2004

li tistabbilixxi l-fond ewropew għar-refuġjati Għall-perijodu 2005-2010

(2004/904/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 63(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (3),

Wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1)

Politika komuni dwar l-asil, inkluż Sistema Ewropea Komuni dwar l-Asil, hija parti kostitwenti ta’ l-għan ta’ l-Unjoni Ewropea li tiġi stabbilita progressivament żona ta’ libertà, sigurtà, u ġustizzja miftuħa għal dawk li, imġiegħla minħabba ċ-ċirkostanzi, ifittxu leġittimament protezzjoni fl-Unjoni Ewropea.

(2)

L-implimentazzjoni ta’ din il-politika għandha tkun ibbażata fuq solidarjetà bejn l-Istati Membri u teħtieġ l-eżistenza ta’ mekkaniżmi li jippromovu bilanċ ta’ sforz bejn l-Istati Membri meta jilqgħu r-refuġjati u l-persuni maqlugħa minn pajjiżhom u jerfgħu l-konsegwenzi ta’ dan. Għal dak l-iskop, ġie stabbilit Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu 2000 – 2004 bid-Deċiżjoni 2000/596/KE (4).

(3)

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit Fond Ewropew għar-Refuġjati (hawn iżjed il' quddiem “il-Fond”) għall-perijodu 2005 – 2010 biex tiġi żgurata solidarjetà kontinwata bejn l-Istati Membri fid-dawl tal-leġislazzjoni Komunitarja adottata reċentement fil-qasam ta’ l-asil, b’kont meħud ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ l-ewwel fażi tal-Fond għall-perijodu 2000-2004.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġu sostnuti l-isforzi magħmula mill-Istati Membri biex jagħtu kondizzjonijiet ta’ lqugħ xierqa lil refuġjati u persuni maqlugħa minn pajjiżhom u biex japplikaw proċeduri ta’ asil ġusti u effettivi sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ persuni li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali.

(5)

L-integrazzjoni ta’ refuġjati fis-soċjetà tal-pajjiż li fih huma stabbiliti hija waħda mill-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati, kif supplimentata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967. Tali persuni għandhom ikunu jistgħu jaqsmu l-valuri stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Għal dan l-iskop, għandu jkun hemm appoġġ għal azzjoni mill-Istati Membri biex jippromovu l-integrazzjoni soċjali, ekonomika u kulturali tagħhom sa fejn din tikkontribwixxi għal koeżjoni ekonomika u soċjali, iż-żamma u t-tisħiħ ta’ liema hija waħda mill-għanijiet fondamentali tal-Komunità previsti fl-Artikoli 2 u 3(1)(k) tat-Trattat.

(6)

Huwa fl-interessi kemm ta’ l-Istati Membri kif ukoll tal-persuni kkonċernati li r-refuġjati u persuni maqlugħa minn pajjiżhom li għandhom il-permess joqgħodu fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandhom jingħataw l-opportunità biex jipprovdu għal rashom billi jaħdmu skond id-disposizzjonijiet ta’ l-istrumenti Komunitarji relatati.

(7)

Minħabba li miżuri appoġġjati mill-Fondi Strutturali u miżuri oħra Komunitarji fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali m' humiex fihom infushom biżżejjed biex jippromovu tali integrazzjoni, għandu jingħata appoġġ għal miżuri speċjali sabiex refuġjati u persuni maqlugħa minn pajjiżhom ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ mill-programmi li huma organizzati.

(8)

Huwa meħtieġ appoġġ prattiku sabiex jinħolqu jew jittejbu l-kondizzjonijet li jippermettu lil refuġjati u persuni maqlugħa minn pajjiżhom biex jieħdu deċiżjoni informata biex jitilqu t-territorju ta’ l-Istati Membri u jirritornaw lejn darhom jekk hekk jixtiequ.

(9)

Azzjoni li tinvolvi korpi minn żewġ Stati Membri jew iżjed u azzjoni ta’ interess Komunitarju f’dan il-qasam għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond, u għandhom jiġu mħeġġa skambji bejn Stati Membri bil-ħsieb li jiġu identifikati u promossi l-prattiċi l-iżjed effettivi.

(10)

Għandha tiġi stabbilita riżerva finanzjarja għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza sabiex tkun provduta protezzjoni temporanja fil-każ ta' influss ta’ refuġjati bil-massa skond id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE ta' l-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (5).

(11)

Bil-ħsieb li tiġi stabbilita solidarjetà finanzjarja b’mod effettiv u proporzjonat u b’kont meħud ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-Fond bejn l-2000 u l-2004, għandhom jiġu speċifikati r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u dawk ta’ l-Istati Membri għall–implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Fond. L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtoritajiet nazzjonali xierqa għal dak il-għan, u għandhom jiġu stabbiliti l-kompiti tagħhom.

(12)

L-appoġġ provdut mill-Fond ikun iżjed effiċjenti u mmirat aħjar jekk il-kofinanzjament ta’ azzjonijiet eligibbli ikun ibbażat fuq żewġ programmi multiannwali u fuq programm ta’ ħidma annwali mfassal minn kull Stat Membru b’kont meħud tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tiegħu.

(13)

Huwa ġust li r-riżorsi jiġu allokati fi proporzjon mal-piż fuq kull Stat Membru minħabba l-isforzi tiegħu fl-ilqugħ ta’ refuġjati u persuni maqlugħa minn pajjiżhom, inkluż refuġjati li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali fil-qafas ta’ programmi nazzjonali.

(14)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (6).

(15)

Il-monitoraġġ effiċjenti huwa mod wieħed kif jiġi żgurat li l-azzjonijiet appoġġjati mill-Fond ikunu effettivi. Għandhom jiġu determinati l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-monitoraġġ.

(16)

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għal kontroll finanzjarju, għandha tiġi stabbilita koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

(17)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu garanziji suffiċjenti fir-rigward ta’ arranġamenti għall-implimentazzjoni u l-kwalità ta’ eżekuzzjoni. Għandha tiġi speċifikata ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri fit-tfittxija u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet u ksur, u r-responsabbiltà tal-Kummissjoni fejn l-Istati Membri ma jikkonformawx ma’ l-obbligi tagħhom.

(18)

L-effettività u l-impatt ta’ azzjonijiet appoġġjati mill-Fond jiddependu wkoll fuq il-valutazzjoni tagħhom. Għandhom jiġu definiti b’mod ċar ir-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, u arranġamenti biex tiġi żgurata l-affidabbiltà ta’ valutazzjoni.

(19)

L-azzjonijiet għandhom jiġu valutati bil-ħsieb ta’ reviżjoni ta’ perijodu medju u stima ta’ l-impatt tagħhom, u l-proċess ta’ valutazzjoni għandu jiġi nkorporat f’arranġamenti ta’ monitoraġġ ta’ proġetti.

(20)

Gialadarba l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-promozzjoni tal-bilanċ ta’ l-isforz bejn l-Istati Membri meta jilqgħu r-refuġjati u l-persuni maqlugħa minn pajjiżhom, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju. Il-Komunita' tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalitá kif stabbilit f' dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma teċċedix dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(21)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu biex jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(22)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, l-Irlanda innotifikat ix-xewqa tagħha biex tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(23)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhix marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

GĦANIJIET U KOMPITI

Artikolu 1

Stabbiliment u għanijiet

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati (“il-Fond”) għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2010.

2.   L-għan tal-Fond għandu jkun li jappoġġja u jħeġġeġ l-isforzi magħmula mill-Istati Membri meta jilqgħu r-refuġjati u l-persuni maqlugħa minn pajjiżhom u jerfgħu l-konsegwenzi ta’ dan, bil-kofinanzjament ta’ l-azzjonijiet previsti minn din id-Deċiżjoni, b’kont meħud tal-leġislazzjoni Komunitarja f’dawn il-materji.

Artikolu 2

Disposizzjonijiet finanzjarji

1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-implimentazzjoni tal-fond mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2006 għandu jkun ta’ EUR 114 miljun.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għall-Fond għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-perspettivi finanzjarji.

Artikolu 3

Gruppi mmirati mill-azzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni l-gruppi mmirati għandhom ikunu jikkonsistu mill-kategoriji li ġejjin:

(1)

kwalunkwe ċittadini ta’ stat terz jew persuni apolidi li jgawdu mill-istatus definit mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-protokoll ta’ l-1967 tagħha u li għandhom il-permess li jirrisjedu bħala refuġjati f’wieħed mill-Istati Membri;

(2)

kwalunkwe ċittadini ta’ stat terz jew persuni apolidi li jgawdu minn xorta ta’ protezzjoni sussidjarja fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta' April 2004 dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ stati terzi jew persuni apolidi bħala refuġjati jew bħala persuni li għal raġunijiet oħra għandhom bżonn il-protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (7);

(3)

kwalunkwe ċittadini ta’ stat terz jew persuni apolidi li applikaw għal waħda mix-xorta ta’ protezzjoni deskritti fil-punti 1 u 2;

(4)

kwalunkwe ċittadini ta’ stat terz jew persuni apolidi li jgawdu minn protezzjoni temporanja fis-sens tad-Direttiva 2001/55/KE.

Artikolu 4

Azzjonijiet

1.   Il-Fond għandu jappoġġja azzjonijiet fl-Istati Membri li għandhom x' jaqsmuw ma’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

kondizzjonijiet ta’ riċeviment u proċeduri ta’ asil;

(b)

integrazzjoni ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 3 li l-permanenza tagħhom fl-Istat Membru hjia waħda ta’ natura duratura u stabbli;

(ċ)

ritorn volontarju ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 3, sakemm ma jkunux kisbu nazzjonalità ġdida u ma ħallewx it-territorju ta’ l-Istat Membru.

2.   L-azzjonijiet previsti mill-paragrafu 1 għandhom, b’mod partikolari, jippromovu l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni rilevanti eżistenti u futura tal-Komunità fil-qasam tas-sistema komuni Ewropea dwar l-asil.

3.   L-azzjonijiet għandhom jieħdu kont tas-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli bħal minuri, minuri mhux akkumpanjati, persuni b’disabilità, anzjani, nisa tqal, ġenituri waħedhom bi tfal minuri, u persuni li kienu suġġetti għal tortura, stupru, jew forom serji oħra ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali.

Artikolu 5

Azzjonijiet nazzjonali eliġibbli li għandhom x' jaqsmu ma’ kondizzjonijiet ta’ riċeviment u proċeduri ta’ asil

Azzjonijiet li għandhom x' jaqsmu ma’ kondizzjonijiet ta’ riċeviment u proċeduri ta’ asil, u b’mod partikolari dawn li ġejjin, għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond:

(a)

infrastrutturi jew servizzi ta’ akkomodazzjoni;

(b)

għoti ta’ għajnuna materjali u kura medika u psikoloġika;

(ċ)

għajnuna soċjali, informazzjoni jew għajnuna b’formalitajiet amministrattivi;

(d)

għajnuna legali u għajnuna lingwistika;

(e)

edukazzjoni, taħriġ fil-lingwi u inizjattivi oħra li huma konsistenti ma’ l-istatus tal-persuna;

(f)

l-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ bħal traduzzjoni u taħriġ bħala għajnuna għat-titjib tal-kondizzjonijiet ta’ riċeviment u ta’ l-effiċjenza u l-kwalità tal-proċeduri ta’ asil;

(g)

informazzjoni għal komunitajiet lokali li jkun ser ikollhom interazzjoni ma’ dawk li qed jiġu milqugħa fil-pajjiż ospitanti.

Artikolu 6

Azzjonijiet nazzjonali eliġibbli li għandhom x' jaqsmu ma’ l-integrazzjoni

Azzjonijiet li għandhom x' jaqsmu ma’ l-integrazzjoni fis-soċjetà ta’ l-Istati Membri ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u l-membri tal-familja tagħhom, u b’mod partikolari dawn li ġejjin, għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond:

(a)

parir u għajnuna f’oqsma bħal akkomodazzjoni, mezzi ta’ sussistenza, integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, kura medika, psikoloġika u soċjali;

(b)

azzjonijiet li jippermettu lill-benefiċjarji jadattaw għas-soċjetà ta’ l-Istat Membru f’termini soċjo-kulturali, u biex jaqsmu l-valuri miġbura fil-Karta ta’ Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea;

(ċ)

azzjonijiet biex jippromovu l-parteċipazzjoni dewwiema u sostenibbli fil-ħajja ċivili u kulturali;

(d)

miżuri li jiffokaw fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ professjonali, ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki u ta’ diplomi;

(e)

azzjonijiet imfassla biex jippromovu l-kisba awtonoma ta’ kapaċitajiet u biex jippermettu lil dawn il-persuni jipprovdu għal rashom;

(f)

azzjonijiet li jippromovu l-kuntatt sinifikattiv u d-djalogu kostruttiv bejn dawn il-persuni u s-soċjetà li qiegħda tilqa’, inklużi azzjonijiet li jippromovu l-involviment ta’ sħab prinċipali bħall-pubbliku ġenerali, l-awtoritajiet lokali, l-assoċjazzjonijiet tar-refuġjati, il-gruppi volontarji, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili aktar wiesgħa;

(g)

miżuri li jappoġġjaw il-kisba ta' kapaċitajiet minn dawn il-persuni, inkluż it-taħriġ fil-lingwi;

(h)

azzjonijiet li jippromovu kemm l-ugwaljanza ta’ aċċess kif ukoll l-ugwaljanza ta’ riżultati fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ dawk il-persuni ma’ istituzzjonijiet pubbliċi.

Artikolu 7

Azzjonijiet nazzjonali eliġibbli li għandhom x' jaqsmu mar-ritorn volontarju

Azzjonijiet li għandhom x' jaqsmu mar-ritorn volontarju, u b’mod partikolari dawn li ġejjin, għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond:

(a)

servizzi ta’ informazzjoni u ta’ parir dwar inizjattivi jew programmi ta’ ritorn volontarju;

(b)

informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż jew fir-reġjun ta’ oriġini jew ta’ residenza normali ta’ qabel;

(ċ)

taħriġ ġenerali jew professjonali u għajnuna fl-integrazzjoni mill-ġdid;

(d)

azzjoni ta’ komunitajiet ta’ oriġini residenti fl-Unjoni Ewropea biex jiffaċilitaw ir-ritorn volontarju tal-persuni msemmija f’din id-Deċiżjoni;

(e)

azzjonijiet li jiffaċilitaw l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ programmi nazzjonali ta’ ritorn volontarju.

Artikolu 8

Azzjonijiet tal-Komunità

1.   B’żjieda mal-proġetti previsti mill-Artikoli 5, 6 u 7, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sa massimu ta’ 7 % tar-riżorsi disponibbli tal-Fond jistgħu jintużaw biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet transnazzjonali jew azzjonijiet ta’ interess għall-Komunità kollha dwar il-politika ta’ asil u miżuri applikabbli għal refuġjati u persuni maqlugħa minn pajjiżhom kif imsemmi fil-paragrafu 2.

2.   Azzjonijiet tal-Komunità li huma eliġibbli jikkonċernaw essenzjalment l-oqsma li ġejjin:

(a)

it-tmexxija l-quddiem tal-koperazzjoni Komunitarja fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Komunità u prattiċi tajbin;

(b)

l-appoġġ għall-istabbiliment ta’ rettikolati ta’ koperazzjoni transnazzjonali u proġetti pilota bażati fuq sħubija transnazzjonali bejn korpi li jinsabu f’żewġ Stati Membri jew iżjed imfassla biex jistimolaw l-innovazzjoni, jiffaċilitaw l-iskambji ta’ esperjenza u prattiċi tajbin u jtejbu l-kwalità tal-politika ta’ asil;

(ċ)

l-appoġġ għal kampanji transnazzjonali ta’ familjarizzazzjoni dwar il-politika Ewropea ta’ l-asil u s-sitwazzjoni u ċ-ċirkostanzi tal-persuni msemmija fl-Artikolu 3;

(d)

l-appoġġ għad-disseminazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż l-użu ta’ l-IT u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni, dwar l-aħjar prattiċi u l-aspetti l-oħra kollha tal-Fond.

3.   Il-programm annwali ta’ ħidma li jistabbilixxi l-prijoritajiet għal azzjonijiet Komunitarji għandu jiġi adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 9

Miżuri ta’ emerġenza

1.   Fil-każ li jiġi implimentati mekkaniżmi ta’ protezzjoni temporanji fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, il-Fond għandu jiffinanzja wkoll miżuri li huma separati minn u adizzjonali għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 biex jgħinu lill-Istati Membri.

2.   Miżuri ta’ emerġenza eliġibbli għandhom jikkonċernaw it-tipi ta’ azzjoni li ġejjin:

(a)

riċeviment u akkomodazzjoni;

(b)

għoti ta’ mezzi ta’ sussistenza, inklużi ikel u ħwejjeġ;

(ċ)

għajnuna medika, psikoloġika jew għajnuna oħra;

(d)

spejjeż ta’ persunal u amministrazzjoni marbuta mar-riċeviment ta’ persuni ikkonċernati u l-implimentazzjoni ta’ miżuri;

(e)

spejjeż ta’ loġistika u ta’ trasport.

KAPITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET TA’ IMPLIMENTAZZJONI U AMMINISTRAZZJONI

Artikolu 10

Implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għandha tadotta tali regoli ta’ implimentazzjoni li jistgħu jkunu meħtieġa.

Artikolu 11

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna minn Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 4 (3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

4.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 12

Responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri

1.   Il-Kummissjoni għandha:

(a)

tadotta linji gwida, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(2), għall-prijoritajiet tal-programmi multiannwali imsemmija fl-Artikolu 15 u għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar l-allokazzjonijiet indikattivi finanzjarji għall-Fond.

(b)

tiżgura, bħala parti mir-responsabbilta tagħha għall-esekuzzjoni tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, li jiġu stabbiliti sistemi xierqa ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll fl-Istati Membri u li joperaw sew, sabiex ikun garantit li l-fondi tal-Komunità jintużaw kif suppost u b’mod effettiv. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu verifiki preliminari dokumentarji u fuq il-post ta’ proċeduri ta’ implimentazzjoni, sistemi ta’ kontroll, proċeduri ta’ żamma tal-kotba u l-proċeduri ta’ l-appalt u l-allokazzjoni ta’ għotjiet segwiti mill-awtoritajiet responsabbli. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-proċeduri jew is-sistemi kull darba li jsiru bidliet sostanzjali;

(ċ)

timplimenta l-azzjonijiet tal-Komunità kif previst fl-Artikolu 8.

2.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet nazzjonali appoġġjati mill-Fond;

(b)

jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-operazzjoni effettiva tal-Fond fuq il-livell nazzjonali, u jinvolvu dawk kollha konċernati dwar il-proċedura ta’asil skond il-prattika nazzjonali;

(ċ)

jaħtru awtorità responsabbli biex tamministra proġetti nazzjonali appoġġjati mill-Fond skond il-leġislazzjoni applikabbli tal-Komunità u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba;

(d)

ikunu prinċipalment responsabbli għall-kontroll finanzjarju ta’ azzjonijiet u jiżguraw li sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ verifika jkunu implimentati b’tali mod li jiggarantixxu li l-fondi tal-Komunità jiġu wżati kif suppost u b’mod effettiv. Għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’deskrizzjoni ta’ dawn is-sistemi;

(e)

jiċċertifikaw li d-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq preżentati lill-Kummissjoni jkunu preċiżi u għandhom jiżguraw li jirriżultaw minn sistemi ta’ żamma tal-kotba bażati fuq dokumenti ta’ sostenn li jistgħu jiġu verifikati;

(f)

jikkoperaw mal-Kummissjoni għall-ġbir ta’ l-istatistika meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 17.

3.   F’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tassumi responsabbiltà għad-diseminazzjoni tar-riżultati ta’ l-azzjonijiet magħmula fil-fażi 2000-2004 tal-Fond u ta’ dawk li ser jiġu implimentati fil-fażi 2005-2010;

(b)

tiżgura li informazzjoni, pubbliċità u segwitu xierqa jiġu provduti għall-azzjonijiet appoġġjati mill-Fond;

(ċ)

tiżgura li l-azzjonijiet huma koeżivi ma’, u kumplementari għal, politiki, strumenti u inizjattivi rilevanti oħra tal-Komunità.

Artikolu 13

Awtoritajiet responsabbli

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità responsabbli li għandha tieħu ħsieb il-komunikazzjoni kollha mal-Kummissjoni. L-awtorità għandha tkun korp funzjonali ta’ l-Istat Membru jew korp pubbliku nazzjonali. L-awtorità responsabbli tista’ tiddelega ftit jew it-totalità tal-kompiti ta’ implimentazzjoni tagħha lil amministrazzjoni pubblika oħra jew lil korp ta’ liġi privata regolat mill-liġi ta’ l-Istat Membru u li għandu funzjoni ta’ servizz pubbliku. Fejn l-Istat Membru jinnomina awtorità responsabbli differenti minnu nnifsu, għandu jistabbilixxi l-arranġamenti kollha li jirregolaw ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ l-awtorità msemmija u r-relazzjonijiet ta’ din ta’ l-aħħar mal-Kummissjoni.

2.   Il-korp innominat bħala l-awtorità responsabbli jew kwalunkwe awtorità delegata għandu jissodisfa l-kondizzjonijiet minimi li ġejjin:

(a)

għandu jkollu personalità ġuridika, ħlief fejn ikun korp funzjonali ta’ l-Istat Membru;

(b)

għandu jkollu kapaċità finanzjarja u amministrattiva li taqbel mal-volum ta’ fondi Komunitarji li jkun msejjaħ jamministra u li tippermettilu jiżvolġi l-kompiti tiegħu kif suppost, skond ir-regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni ta’ fondi tal-Komunità.

3.   The responsible authorities' tasks shall include the following:

(a)

jikkonsultaw ma’ sħab xierqa biex jistabbilixxu l-programm multiannwali;

(b)

jorganizzaw u jippubbliċizzaw sejħiet għal offerti għal xogħol bl-appalt u għal proposti;

(ċ)

jorganizzaw proċeduri ta’ selezzjoni u aġġudikazzjoni għal kofinanzjament mill-Fond skond il-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali, u bit-teħid tal miżuri kollha meħtieġa biex jiġu evitati kwalunkwe konflitt ta’ interessi possibbli;

(d)

jiżguraw konsistenza u komplimentarità bejn kofinanzjament taħt il-Fond u minn strumenti finanzjarji rilevanti oħra nazzjonali u tal-Komunità;

(e)

manniġġar amministrattiv, kuntrattwali u finanzjarju ta’ azzjonijiet;

(f)

attivitajiet ta’ informazzjoni u konsultattivi; disseminazzjoni ta’ riżultati;

(g)

monitoraġġ u evalwazzjoni;

(h)

koperazzjoni u kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u l-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri l-oħra.

4.   L-Istat Membru għandu jipprovdi riżorsi xierqa lill-awtorità responsabbli jew lil kwalunwe awtorità delegata sabiex tkun tista’ tkompli twettaq il-kompiti tagħha matul il-perijodu kollu ta’ implimentazzjoni ta’ azzjonijiet finanzjati mill-Fond. L-attivitajiet ta’ implimentazzjoni jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-arranġamenti ta’ għajnuna teknika u amministrattiva msemmija fl-Artikolu 18.

5.   Waqt li taġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(2), il-Kummissjoni għandha tadotta regoli li jikkonċernaw is-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri, inkluż regoli għall-immaniġġar amministattiv u finanzjarju ta’ proġetti nazzjonali kofinanzjati mill-Fond.

Artikolu 14

Kriterji ta’ selezzjoni

L-awtorità responsabbli għandha tagħżel proġetti abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet fl-Istat Membru;

(b)

l-effiċjenza a paragun tan-nefqa fir-rigward tan-numru ta’ persuni konċernati mill-proġett;

(ċ)

l-esperjenza, il-kompetenza, l-affidabilità u l-kontribut finanzjarju ta’ l-organizzazzjoni li tkun qed tapplika għall-fondi u ta’ kwalunkwe organizzazzjoni msieħba;

(d)

il-punt sa liema l-proġetti jikkumplimentaw azzjonijiet oħra ffinanzjati mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew bħala parti minn programmi nazzjonali.

KAPITOLU III

PROGRAMMI

Artikolu 15

Programmi multiannwali

1.   L-azzjonijiet fl-Istati Membri għandhom jiġu implimentati abbażi ta’ żewġ fażijiet ta’ programmazzjoni pluriennali, kull waħda minnhom iddum tliet snin (2005-2007 u 2008-2010).

2.   Għal kull fażi ta’ programmazzjoni, abbażi ta’ linji gwida għall-prijoritajiet tal-programmi pluriennali u ta’ l-allokazzjonijiet indikattivi finanzjarji provduti mill-Kummissjoni u msemmi fl-Artikolu 12(1)(a), kull Stat Membru għandu jipproponi abbozz ta’ programm pluriennali li jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tas-sitwazzjoni attwali fl-Istat Membru għal dak li għandu x’jaqsam ma’ arranġamenti għal riċeviment, proċeduri ta’ asil, integrazzjoni u r-ritorn volontarju tal-persuni koperti mill-Artikolu 3;

(b)

analiżi ta’ ħtiġijiet fl-Istati Membri in kwestjoni f’termini ta’ riċeviment, proċeduri ta’ asil, integrazzjoni u ritorn volontarju u indikazzjoni ta’ għanijiet operazzjonali mfassla biex jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet matul il-perijodu kopert mill-programm;

(ċ)

preżentazzjoni ta’ strateġija xierqa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet u l-prijorità konnessa mal-kisba tagħhom b’kont meħud tal-konsultazzjoni tas-sħab imsemmija fl-Artikolu 13(3)(a), u deskrizzjoni qasira ta’ l-azzjonijiet intiżi għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet;

(d)

indikazzjoni dwar jekk din l-istrateġija hix kompatibbli ma’ strumenti oħra reġjonali, nazzjonali u Komunitarji;

(e)

pjan ta’ finanzjament indikattiv li jistabbilixxi, għal kull prijorità u għal kull sena, il-kontribut finanzjarju propost tal-Fond u l-ammont ġenerali ta’ kofinanzjament pubbliku jew privat.

3.   L-istati Membri għandhom jippreżentaw l-abbozz tal-programm multiannwali tagħhom mhux iżjed tard minn erba’ xhur wara li l-Kummissjoni tkun provdiet il-linji gwida u l-allokazzjonijiet indikattivi finanzjarji għall-perijodu in kwestjoni.

4.   Waqt li taġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(3), il-Kummissjoni għandha tapprova l-abbozzi tal-programmi multiannwali fi żmien tliet xhur minn meta tirċievihom, fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet fil-linji gwida adottati skond l-Artikolu 12(1)(a)

Artikolu 16

Programmi annwali

1.   Il-programmi multiannwali approvati mill-Kummissjoni għandhom jiġu implimentati permezz ta’ programmi ta’ ħidma annwali.

2.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju ta’ kull sena il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri bi stima ta’ l-ammonti li għandhom jiġu allokati lilhom għas-sena sussegwenti mill-approprjazzjonijiet totali allokati taħt il-proċedura tal-budget annwali, kalkolati kif previst fl-Artikolu 17.

3.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru ta’ kull sena l-Istati Membri għandhom jippreżentaw abbozz ta’ programm annwali għas-sena sussegwenti lill-Kummissjoni, imfassal skond il-programm multiannwali approvat u li jinkludi:

(a)

ir-regoli ġenerali għas-selezzjoni ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-programm annwali jekk dawn ikunu differenti mill-modalitajiet imniżżla fil-programm multiannwali;

(b)

deskrizzjoni tal-kompiti li għandhom jitwettqu mill-awtorità responsabbli meta tkun qed timplimenta l-programm annwali;

(ċ)

id-distribuzzjoni finanzjarja proposta tal-kontribuzzjoni tal-Fond bejn l-azzjonijiet varji tal-programm u indikazzjoni ta’ l-ammont mitlub biex tiġi koperta l-għajnuna teknika u amministrattiva taħt l-Artikolu 18 għall-iskop ta’ l-implimentazzjoni tal-programm annwali.

4.   Meta tkun qed teżamina l-proposta ta’ l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ l-ammont finali ta’ l-approprijazzjonijiet allokati għall-Fond taħt il-proċedura tal-budget u għandha tadotta d-deċiżjoni dwar il-kofinanzjament mill-Fond sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu tas-sena in kwestjoni. Id-deċiżjoni għandha tindika l-ammont allokat lill-Istat Membru u l-perijodu li għalih hija eliġibbli l-ispiża.

5.   Fil-każ ta’ bidliet sinifikattivi li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-programm annwali bl-implikazzjoni ta’ trasferiment ta’ fondi bejn l-azzjonijiet li jaqbeż 10 % ta’ l-ammont totali allokat lil Stat Membru għas-sena in kwestjoni, l-Istat Membru għandu jippreżenta programm annwali rivedut għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni sa l-aktar tard fl-istess ħin tal-preżentazzjoni tar-rapport dwar il-progress imsemmi fl-Artikolu 23(3).

Artikolu 17

Distribuzzjoni annwali tar-riżorsi għal azzjonijiet fl-Istati Membri previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7

1.   Kull Stat Membru għandu jirċievi ammont fiss ta’ EUR 300 000 mill-allokazzjoni annwali tal-Fond. Dan l-ammont għandu jkun iffissat għal EUR 500 000 fis-sena għall-2005, l-2006 u l-2007 skond il-perspettivi finanzjarji l-ġodda għall-istati li aderew ma’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004.

2.   Il-bqija tar-riżorsi annwali disponibbli għandhom jiġu distribwiti bejn l-Istati Membri kif ġej:

(a)

30 % fi proporzjon man-numru ta’ persuni ammessi f’waħda mill-kategoriji msemmija f' punti 1 u 2 ta' l-Artikolu 3 matul it-tliet snin preċedenti;

(b)

70 % fi proporzjon man-numru ta’ persuni msemmija f' punti 3 u 4 ta' l-Artikolu 3 reġistrati matul it-tliet snin preċedenti.

3.   Il-figuri ta’ referenza għandhom ikunu l-aħħar statistiċi prodotti mill-Uffiċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej skond il-liġi Komunitarja dwar il-ġbir u l-analiżi ta’ data dwar l-asil.

Artikolu 18

Għajnuna teknika u amministrattiva

Parti mill-kofinanzjament annwali allokat lil Stat Membru jista’ jiġi mwarrab biex ikopri n-nefqa għal għajnuna teknika u amministrattiva għall-preparazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ azzjonijiet.

L-ammont annwali mwarrab għal għajnuna teknika u amministrattiva ma jistax jaqbeż is-7 % tal-kofinanzjament totali annwali allokat lil Stat Membru, miżjud b’EUR 30 000.

Artikolu 19

Disposizzjonijiet speċjali dwar miżuri ta’ emerġenza

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’dikjarazzjoni ta’ ħtiġijiet u pjan ta’ implimentazzjoni għall-miżuri ta’ emerġenza previsti fl-Artikolu 9, inkluż deskrizzjoni tal-miżuri ppjanati u l-korpi responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom.

2.   Għajnuna finanzjarja mill-Fond għall-miżuri ta’ emerġenza previsti fl-Artikolu 9 għandha tkun limitata għal perijodu ta’ sitt xhur u m' għandhiex taqbeż it-80 % ta’ l-ispiża ta’ kull miżura.

3.   Riżorsi disponibbli għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri abbażi tan-numru ta’ persuni li jgawdu mill-protezzjoni temporanja f’kull Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 9(1).

4.   L-Artikoli 20(1) u (2), 21 u 23 sa 26 għandhom japplikaw.

KAPITOLU IV

AMMINISTRAZZJONI U SORVELJANZA FINANZJARJA

Artikolu 20

Struttura ta’ finanzjar

1.   Il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Fond għandha tikkonsisti f’għotjiet mhux rimborsabbli.

2.   Azzjonijiet appoġġjati mill-Fond għandhom ikunu kofinanzjati minn għejun pubbliċi jew privati, għandhom ikunu mingħajr għan ta’ profitt, u m' għandhomx ikunu eliġibbli għal fondi minn għejun oħra koperti mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

3.   Approprjazzjonijiet ta’ fondi għandhom ikunu kumplimentari għan-nefqa pubblika jew l-ekwivalenti tagħha allokata mill-Istati Membri għall-miżuri koperti minn din id-Deċiżjoni.

1.   Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għal proġetti appoġġjati m' għandhiex taqbeż:

(a)

fir-rigward ta’ azzjonijiet implimentati fl-Istati Membri taħt l-Artikoli 5, 6 u 7, il-50 % ta’ l-ispiża totali ta’ azzjoni speċifika. Din tista’ tiżdied sa 60 % għal azzjonijiet partikolarment innovattivi, bħal azzjonijiet imwettqa minn sħubija transnazzjonali jew azzjonijiet li jinvolvu l-parteċipazzjoni attiva ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 3 jew ta’ organizzazzjonijiet stabbiliti minn dawn il-gruppi mmirati, u għandha tiżdied sa 75 % fl-Istati Membri koperti mill-Fond ta’ Koeżjoni;

(b)

fir-rigward ta’ sejħiet għal proposti fil-qafas ta’ azzjonijiet tal-Komunità taħt l-Artikolu 8, it-80 % ta’ l-ispiża totali ta’ azzjoni speċifika.

5.   Bħala regola ġenerali, għajnuna finanzjarja tal-Komunità mogħtija għal azzjonijiet appoġġjati mill-Fond għandha tingħata għal perijodu ta’ mhux iżjed minn tliet snin, suġġett għal rapporti perijodiċi ta’ progress.

Artikolu 21

Eliġibilità

1.   In-nefqa għandha tikkorispondi mal-ħlasijiet magħmula minn dawk li jirċievu l-għotja l-aħħar. Għandha tkun ġustifikata permezz ta’ fatturi mħallsa jew dokumenti ta' kontabilita ta’ status ekwivalenti.

2.   In-nefqa tista’ tiġi kkunsidrata bħala eliġibbli għal appoġġ mill-Fond biss jekk hi effettivament imħallsa mhux iżjed kmieni mill-1 ta’ Jannar tas-sena msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kofinanzjament imsemmija fl-Artikolu 16(4).

3.   Il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(3), għandha tadotta r-regoli li jirregolaw l-eliġibilità ta’ infiq fil-qafas ta’ azzjonijiet implimentati fl-Istati Membri taħt l-Artikoli 5, 6 u 7 u kofinanzjati mill-Fond.

Artikolu 22

Impenji

Impenji finanzjarji mill-budget ta' l-Unjoni Ewropea għandhom isiru kull sena abbażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kofinanzjament imsemmija fl-Artikolu 16(4).

Artikolu 23

Ħlasijiet

1.   Il-kontribuzzjoni mill-Fond għandha titħallas mill-Kummissjoni lill-awtorità responsabbli skond l-impenji finanzjarji tal-budget.

2.   Ħlas ewlieni ta’ pre-finanzjament li jirrapreżenta 50 % ta’ l-ammont allokat fid-deċiżjoni annwali tal-Kummissjoni dwar il-kofinanzjament mill-Fond għandu jsir lill-Istat Membru fi żmien sittin jum wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ kofinanzjament.

3.   Ħlas ta’ pre-finanzjament ieħor għandu jsir mhux iżjed tard minn tliet xhur wara li l-Kummissjoni tkun approvat rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali ta’ ħidma u dikjarazzjoni ta’ nefqa li tattesta infiq ta’ almenu 70 % ta’ l-ammont tal-ħlas inizjali. L-ammont tat-tieni ħlas ta’ pre-finanzjament magħmul mill-Kummissjoni ma għandux jaqbeż il-50 % ta’ l-ammont totali allokat mid-deċiżjoni ta’ kofinanzjament jew, fi kwalunkwe każ, tad-differenza bejn il-bilanċ ta’ l-ammont tal-fondi tal-Komunità verament impenjati mill-Istat Membru għal proġetti magħżula taħt il-programm annwali u l-ewwel ħlas ta’ pre-finanzjament.

4.   Il-ħlas tal-bilanċ għandu jsir mhux iżjed tard minn tliet xhur wara li l-Kummissjoni tkun approvat ir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni finali tal-programm u d-dikjarazzjoni finali ta’ nefqa previsti fl-Artikoli 24(3) u 28(2); fin-nuqqas ta’ dan, talba għal rimbors ta’ ammonti rilaxxati taħt l-ewwel jew it-tieni ħlas b’eċċess tan-nefqa finali approvata għall-Fond għandha tinħareġ f’dak iż-żmien perentorju.

Artikolu 24

Dikjarazzjonijiet ta’ nefqa

1.   Għan-nefqiet kollha li tiddikjara lill-Kummissjoni, l-awtorità responsabbli għandha tipprovdi assigurazzjoni li l-programmi nazzjonali ta’ implimentazzjoni jkunu amministrati skond ir-regolamenti Komunitarji applikabbli u li l-fondi jkunu wżati skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba.

2.   Dikjarazzjonijiet ta’ nefqa għandhom jiġu ċertifikati minn individwu jew dipartiment operazzjonalment indipendenti minn kwalunkwe dipartiment ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-awtorità responsabbli.

3.   Fi żmien disa’ xhur miż-żmien perentorju stabbilit fid-deċiżjoni ta’ kofinanzjament sa meta n-nefqa għandha ssir, l-awtorità responsabbli għandha tgħaddi dikjarazzjoni finali ta’ nefqa lill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Kummissjoni għandha awtomatikament ittemm il-programm annwali u tirrilaxxa l-approprijazzjonijiet rilevanti.

Artikolu 25

Verifika ta’ kontijiet u korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri

1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jieħdu r-responsabbiltà prinċipali għal kontroll finanzjarju ta’ azzjonijiet. Għal dak il-għan, il-miżuri li jieħdu għandhom jinkludu:

(a)

l-organizzazzjoni, abbażi ta’ kampjun xieraq, ta’ kontrolli fuq azzjonijiet li jkopru ta’ l-inqas 10 % tan-nefqa totali eliġibbli għal kull programm ta’ implimentazzjoni annwali u fuq kampjun rappreżentattiv ta’ azzjonijiet approvati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw separazzjoni xierqa bejn il-kontrolli u l-proċeduri ta’ implimentazzjoni jew ta’ ħlas li jikkonċernaw azzjonijiet;

(b)

il-prevenzjoni, l-iskoperta u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bihom skond ir-regoli u jżommu lill-Kummissjoni informata dwar il-progress ta’ proċedimenti aministrattivi u ġudiżżjarji;

(ċ)

jikkoperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-fondi tal-Komunità huma wżati skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa fejn tiġi aċċertata irregolarità, b’kont meħud ta' jekk hix każ individwali jew sistematiku. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istati Membri għandhom jikkonsistu fit-tħassir tal-kontribuzzjoni kollha tal-Komunità jew ta’ parti minnha, u, fejn l-ammont ma jiġix imħallas fiż-żmien permess mill-Istat Membru rilevanti, interessi minħabba nuqqas ta’ ħlas għandhom ikunu dovuti bir-rata prevista fl-Artikolu 26(4).

3.   Waqt li taġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(3) il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli u l-proċeduri għal korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri fir-rigward ta’ azzjonijiet implimentati fl-Istati Membri taħt l-Artikoli 5, 6 u 7 u kofinanzjati mill-Fond.

Artikolu 26

Verifika ta’ kontijiet u korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Qorti ta’ l-Awdituri jew il-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri skond liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, uffiċjali jew impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu kontrolli fuq il-post, inkluż kontrolli kampjun, ta’ l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond u ta’ sistemi ta’ amministrazzjoni u kontroll b’notifika minima ta’ tliet ijiem ta’ xogħol. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri konċernati bil-għan li tikseb l-għajnuna kollha meħtieġa. Uffiċjali jew impjegati ta’ l-Istati Membri konċernati jistgħu jieħdu sehem f’dawn il-kontrolli.

Il-Kummissjoni tista’ teħtieġ lill-Istat Membru konċernat biex iwettaq kontrolli fuq il-post sabiex tiġi verifikata l-korrettezza ta’ waħda jew iżjed mit-transazzjonijiet. Uffiċjali jew impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f’tali kontrolli.

2.   Jekk, wara li tkun wettqet il-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li Stat Membru mhux qed jikkonforma ma’ l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 25, għandha tissospendi l-ħlas ta’ pre-finanzjament jew ta’ ħlas finali li jirrigwarda l-kofinanzjament mill-Fond għall-programmi annwali rilevanti fil-każijiet fejn:

(a)

Stat Membru mhux qed jimplimenta l-azzjonijiet kif miftiehem fid-deċiżjoni ta’ kofinanzjament; jew

(b)

azzjoni sħiħa jew parti minnha ma tiġġustifikax la parti u lanqas it-totalità tal-kofinanzjament mill-Fond; jew

(ċ)

hemm nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll li jistgħu jagħtu lok għal irregolaritajiet sistematiċi.

F’dawk il-każijiet, il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tiddikjara r-raġunijiet tagħha, titlob li l-Istat Membru jippreżenta l-kummenti tiegħu u, fejn xieraq, iwettaq kwalunkwe korrezzjonijiet fi żmien perijodu speċifikat.

3.   Fl-aħħar tal-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ma jkun intlaħaq l-ebda qbil u l-Istat Membru ma jkunx għamel il-korrezzjonijiet u b’kont meħud ta’ kwalunkwe kummenti magħmula mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi żmien tliet xhur biex:

(a)

tnaqqas il-ħlasijiet ta’ pre-finanzjament jew ħlasijiet finali; jew

(b)

tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tħassar il-kontribuzzjoni kollha tal-Fond jew parti minnha għall-azzjonijiet in kwestjoni.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni bis-saħħa ta' (a) jew (b) is-sospensjoni tal-ħlasijiet għandha tieqaf immedjatament.

4.   Kwalunkwe somma rċevuta immeritatament jew li trid tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjoni. Jekk l-ammont dovut ma jkunx tħallas lura saż-żmien perentorju stabbilit mill-Kummissjoni, għandhom jiżdiedu l-interessi bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali tagħha f’euro, b’żieda ta’ tliet punti u nofs. Ir-rata ta’ referenza li għaliha tapplika ż-żieda għandha tkun ir-rata fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ l-aħħar data għal ħlas, kif ippubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

5.   Il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(3), għandha tadotta r-regoli u l-proċeduri għal korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ azzjonijiet implimentati fl-Istati Membri taħt l-Artikoli 5, 6 u 7 u kofinanzjati mill-Fond.

KAPITOLU V

MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U RAPPORTI

Artikolu 27

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ regolari dwar il-Fond f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri.

2.   Il-Fond għandu jiġi evalwat regolarment mill-Kummissjoni bi sħubija ma’ l-Istat Membri biex tiġi stmata r-rilevanza, l-effettività u l-impatt ta’ azzjonijiet fid-dawl ta’ l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Il-Kummissjoni għandha tħares ukoll lejn il-kumplementarjetà bejn l-azzjonijiet implimentati taħt il-Fond u dawk imwettqa taħt politiki, strumenti u inizjattivi oħra rilevanti tal-Komunità.

Artikolu 28

Rapporti

1.   F’kull Stat Membru, l-awtorità responsabbli għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ proġetti.

Għal dak il-għan, il-ftehim u l-kuntratti li tikkonkludi ma’ l-organizzazzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni għandhom jinkludu klawżoli li jistabbilixxu obbligu biex jiġu preżentati rapporti regolari dettaljati ta’ progress dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet u rapport finali dettaljat ta’ implimentazzjoni dwar kemm intlaħqu l-għanijiet dikjarati.

2.   Mhux iżjed minn disa’ xhur wara ż-żmien perentorju għan-nefqiet eliġibbli stabbilit fid-deċiżjoni ta’ kofinanzjament għal kull programm annwali, l-awtorità responsabbli għandha tippreżenta rapport finali ta’ implimentazzjoni u dikjarazzjoni finali ta’ nefqa lill-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 24(3).

3.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni:

(a)

mhux iżjed tard mill-31 ta’ Diċembru 2006, rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet kofinanzjati mill-Fond;

(b)

mhux iżjed tard mit-30 ta’ Ġunju 2009 u mit-30 ta’ Ġunju 2012 rispettivament, rapport ta’ evalwazzjoni dwar ir-riżultati u l-impatt ta’ l-azzjonijiet kofinanzjati mill-Fond.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

(a)

mhux iżjed tard mit-30 ta’ April 2007, rapport intermedju dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta’ l-implimentazzjoni tal-Fond, flimkien ma’ kwalunkwe emendi proposti;

(b)

mhux iżjed tard mill-31 ta’ Diċembru 2009, rapport ta’ evalwazzjoni intermedju u proposta dwar l-iżvilupp tal-Fond fil-futur;

(ċ)

mhux iżjed tard mill-31 ta’ Diċembru 2012, rapport ta’ evalwazzjoni ex-post.

KAPITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI

Artikolu 29

Programm multiannwali 2005-2007

B’deroga mill-Artikolu 15, l-iskeda li ġejja għandha tapplika għall-implimentazzjoni tal-programm multiannwali għall-perijodu 2005-2007:

(a)

mhux iżjed tard mill-31 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bil-linji gwida ta’ ippjanar u għandha tipprovdi indikazzjoni ta’ l-ammonti finanzjarji allokati lilhom;

(b)

mhux iżjed tard mill-1 ta’ Mejju 2005, l-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità responsabbli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 13 u għandhom jippreżentaw il-proposta għal programm multiannwali għall-perijodu 2005-2007 imsemmi fl-Artikolu 15;

(ċ)

Waqt li taġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(3) il-Kummissjoni għandha tapprova l-programmi multiannwali mhux iżjed tard minn xahrejn wara li tkun irċeviet il-proposta għal programm multiannwali.

Artikolu 30

Programm annwali 2005

B’deroga mill-Artikolu 16, l-iskeda li ġejja għandha tapplika għall-implimentazzjoni fis-sena finanzjarja 2005:

(a)

sal-31 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri bi stima ta’ l-ammonti allokati lilhom;

(b)

l-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-proposta għal programm annwali msemmi fl-Artikolu 16 lill-Kummissjoni sa mhux iżjed tard mill-1 ta’ Ġunju 2005; il-proposta għandha tkun akkumpanjata b’dettalji tas-sistemi amministrattivi u l-kontrolli li ser jiġu implimentati bil-għan li jkun żgurat li l-fondi Komunitarji jkunu wżati kif suppost u b’mod effettiv;

(ċ)

il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet ta’ kofinanzjament mhux aktar tard minn xahrejn wara li jkun ġie preżentat l-abbozz ta’ programm annwali, waraverifika ta’ l-aspetti indikati fl-Artikolu 12(1)(b).

Nefqa li effettivament saret bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u dik id-data li fiha d-deċiżjonijiet ta’ kofinanzjament jiġu adottati tista’ tikkwalifika għal appoġġ mill-Fond.

KAPITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 31

Reviżjoni

Il-Kunsill għandu jirrevedi din id-Deċiżjoni abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2010.

Artikolu 32

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea.

Magħmula fi Brussel, nhar it-2 ta' Diċembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

J. P. H. DONNER


(1)  ĠU C 98, 23.4.2004, p. 39.

(2)  Opinjoni mogħtija fl-20 ta' April 2004 (għadha mhux pubblikata fil-ĠU)

(3)  ĠU C 241, 28.9.2004, p. 27.

(4)  ĠU L 252, 6.10.2000, p. 12.

(5)  ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.


Top