EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0514

Kawża C-514/14 P: Appell ippreżentat fl- 14 ta’ Novembru 2014 minn Éditions Odile Jacob SAS mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil- 5 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-471/11, Odile Jacob vs Il-Kummissjoni

ĠU C 26, 26.1.2015, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 26/14


Appell ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2014 minn Éditions Odile Jacob SAS mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-5 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-471/11, Odile Jacob vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-514/14 P)

(2015/C 026/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Éditions Odile Jacob SAS (rappreżentanti: J.-F. Bellis, O. Fréget u L. Eskenazi, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Lagardère SCA, Wendel.

Talbiet

tiddikjara dan l-appell ammissibbli u fondat;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-471/11, Editions Odile Jacob SAS vs Il-Kummissjoni Ewropea, u tiddeċiedi fuq it-tilwima li hija s-suġġett tagħha;

tilqa’ t-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u, għalhekk, tannulla d-Deċiżjoni NruoSG-Greffe(2011) D/C(2011)3503 tat-13 ta’ Mejju 2011, adottata fil-Kawża COMP/M.2978 Lagardère/Natexis/VUP wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-452/04, Editions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni Ewropea, u permezz tagħha l-Kummissjoni approvat għal darb’oħra Wendel bħala x-xerrej tal-attivi ttrasferiti skont impenji marbutin mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 li tawtorizza l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni Lagardère/Natexis/VUP;

tikkundanna l-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet intervenjenti għall-ħlas tal-ispejjeż taż-żewġ istanzi, inkluż dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji u mal-proċeduri għal rettifika.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet aggravji.

Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tikkonstata li l-Kummmissjoni kisret l-Artikolu 266 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Id-difett li jaffettwa l-legalità tal-ewwel deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni vvizzja wkoll b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata peress li din tal-aħħar ma kinitx se tirrimedja għall-effetti tan-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju matul it-totalità tal-missjoni tiegħu. Konsegwentement, l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi, skont l-appellanti, ksur tar-regoli li jirregolaw id-dritt għal smigħ xieraq u tiċħad l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ atti tagħha.

Fit-tieni lok, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali setgħet tikkostitwixxi bażi legali għal deċiżjoni ġdida ta’ awtorizzazzjoni.

Fl-aħħar nett, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali injorat il-kriterji legali għal evalwazzjoni tal-indipendenza taċ-ċessjonarju ta’ attivi ttrasferiti fir-rigward taċ-ċedenti u wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturament tal-fatti marbutin ma’ din l-evalwazzjoni.


Top