Dokument je izvleček s spletišča EUR-Lex.
Dokument 32004D0020
Decision No 20/2004/EC of the European Parliament and of the Council of 8 December 2003 establishing a general framework for financing Community actions in support of consumer policy for the years 2004 to 2007 (Text with EEA relevance)
Id-Deċiżjoni Nru 20/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-finanzjament ta' azzjonijiet Komunitarji fl-appoġġ ta' politika tal-konsumatur għas-snin 2004 sa 2007Test b'relevanza għaż-ŻEE.
Id-Deċiżjoni Nru 20/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-finanzjament ta' azzjonijiet Komunitarji fl-appoġġ ta' politika tal-konsumatur għas-snin 2004 sa 2007Test b'relevanza għaż-ŻEE.
ĠU L 5, 9.1.2004, str. 1–7
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Edizzjoni(jiet) speċjali oħra
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, BG, RO, HR)
Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Kapitolu 15 Volum 008 P. 3 - 9
Ne velja več, Datum konca veljavnosti: 30/12/2006; Imħassar b' 32006D1926
Official Journal L 005 , 09/01/2004 P. 0001 - 0007
Id-Deċiżjoni Nru 20/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-finanzjament ta' azzjonijiet Komunitarji fl-appoġġ ta' politika tal-konsumatur għas-snin 2004 sa 2007 (Test b'rilevanza għall-EEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkonsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 153 tiegħu, Wara li kkonsidraw il-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkonsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1], Huma u jaġixxu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2], Billi: (1) Il-politika tal-konsumatur tagħmel kontribuzjoni kruċjali għal tnejn mill-għanijiet strateġiċi tal-Kummissjoni preskritti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar għanijiet strateġiċi 2000 sa 2005 "Nagħtu forma lill-Ewropa l-ġdida" [3], primarjament li tippromwovi aġenda soċjali ġdida u ekonomika sabiex tiġi modernizzata l-ekonomija Ewropea u tiġi żgurata kwalità aħjar ta' ħajja għaċ-ċittadini ta' l-Ewropa. (2) L-istrateġija tal-politika tal-konsumatur 2002 sa 2006 tistabbilixxi tliet għanijiet ewlenin. Dawn se jiġu mplimentati permezz ta' azzjonijiet inklużi f'programm rolling li jiġi rivedut regolarment mill-Kummissjoni, (3) L-għanijiet u l-azzjonijiet fl-istrateġija ta' politika tal-konsumatur għandhom imexxu l-allokazzjoni ta' fondi għal azzjonijiet implimentati skond dan il-qafas. B'żieda ma' dan, attivitajiet maħsuba biex jiġu integrati interessi tal-konsumatur f'erji oħra ta' attivita bi qbil ma' l-Artikolu 153 tat-Trattat għandhom jingħataw prijorita għolja flimkien mat-tliet għanijiet ewlenin ta' l-istrateġija tal-politika tal-konsumatur. (4) F'linja ma' l-istrateġija tal-politika tal-konsumatur, politika tal-konsumatur fl-iskop ta' dan il-qafas għandha tkopri s-sigurta ta' servizzi u prodotti li mhumiex ikel, u l-interessi ekonimiċi ta' konsumaturi ta' l-UE. Azzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' sigurta ta' l-ikel mhumiex koperti minn dan il-qafas. (5) L-għanijiet ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jinkludu, skond l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-kisba ta' żvilupp bilanċjat u sostenibbli. F'linja mad-Dikjarazzjoni ta' Johannesburg dwar Żvilupp Sostenibbli, il-pjan ta' implimentazzjoni tal-Laqgħa Għolja Dinjija dwar Żvilupp Sostenibbli u l-proċess ta' Cardiff, azzjonijiet għadhom jittieħdu sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli. (6) Dan il-qafas għandu jipprovdi għal azzjonijiet mill-Komunità, bi qbil mal-prinċipju ta' sussidjarjeta kif preskritt fl-Artikolu 5 tat-Trattat, biex jiġu appoġġjati u tinbena l-kapaċita ta' organizzazzjonijiet u korpijiet li jaħdmu biex jippromwovu interessi tal-konsumatur fil-livell Komunitarju, nazzjonali jew reġjonali. (7) B'żieda ma' l-azzjonijiet li jinstabu f'dan il-qafas, il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li organizzazzjonijiet tal-komsumatur u organizzazzjonijiet oħra mhux governattivi rilevanti jistgħu jikkontribbwixxu għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija tal-politika tal-konsumatur permezz ta' l-involviment tagħhom fix-xogħol tal-grupp konsultattiv tal-konsumatur Ewropew kif dikjarat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/709/KE [4]. (8) Dan il-qafas għandu jipprovdi għal azzjonijiet li jindaħlu għalihom il-Kummissjoni u Stat Membru wieħed jew aktar b'mod konġunt biex jiġu mplimentati l-għanijiet tal-politika tal-konsumatur. (9) Huwa ta' interess ġenerali Ewropew fit-tifsira ta' l-Artikolu 108(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE), Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [5], minn issa ‘l quddiem imsejjaħ bħala "ir-Regolament Finanzjarju", li l-interessi tas-saħħa, sigurta u ekonomiċi ta' konsumaturi, kif ukoll interessi ta' konsumaturi fl-iżvilupp ta' livelli stabbiliti għal prodotti u servizzi jiġu rappreżentati f'livell Komunitarju. (10) Din id-Deċiżjoni tippreskrivi, għat-tul taż-żmien intier tal-qafas, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-riferenza ewliena, fit-tifsira ta' punt 33 tal-Ftehim Intra-istituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina fl-estimi u titjib tal-proċedura ta' l-estimi [6], għall-awtorita ta' l-estimi matul il-proċedura ta' l-estimi ta' kull sena. (11) Biex titjieb l-effettivita u l-impatt ta' l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tal-konsumatur Ewropej u ta' organizzazzjonijiet tal-konsumatur li jirrappreżentaw interessi tal-konsumatur fl-iżvilupp ta' livelli stabbiliti għal prodotti u servizzi f'livell Komunitarju, kontribuzzjonijiet finanzjarji għal organizzazzjonijiet eliġibbli jistgħu jiġu suġġetti għal ftehimijiet qafas ta' sħubija għat-tul ta' żmien ta' dan il-qafas. (12) Sabiex titjieb effiċjenza amministrattiva, u l-effett u l-impatt ta' proġetti speċifiċi, sejħat għal proġetti speċifiċi għandhom jiġu pubblikati mill-inqas kull sentejn u appoġġ għandu jiġu provvdut sa massimu ta' 75 % ta' l-ispiża ta' l-ispejjeż eliġibbli għall-implimentazzjoni tal-proġett. (13) Il-Ftehim dwar l-Erja Ekonomika Ewropea (minn issa ‘l quddiem riferita bħala "il-Ftehim EEE") jipprovdi li l-pajjiżi ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea ta' Kummerċ Ħieles li qed jipparteċipaw fl-Erja Ekonomika Ewropea (minn issa l-quddiem riferiti bħala "pajjiżi AEKĦ/EEE") għandhom, fost ħwejjeġ oħra, isaħħu u jwessgħu koperazzjoni fil-qafas ta' l-attivitajiet Komunitarji fil-qasam ta' protezzjoni tal-konsumatur. (14) Dan il-qafas ġenerali għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi assoċjati, bi qbil mal-kondizzjonijiet preskritti fil-ftehimijiet bilaterali rispettivi li jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Komunità. (15) Sabiex jiżdied il-valur u l-impatt ta' dan il-qafas, monitorjar kontinwu u evalwazzjoni regolari ta' l-azzjonijiet midħula għalihom għandu jitwettaq, bil-ħsieb, fejn xieraq, li jsiru l-aġġustamenti meħtieġa. (16) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adotti bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [7]. IDDEĊIDEW KIF ĠEJ: Artikolu 1 Skop 1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas ġenerali għal azzjonijiet Komunitarji fl-appoġġ ta' politika tal-konsumatur, minn issa ‘l quddiem riferita bħala "il-qafas", għall-perjodu dikjarat fl-Artikolu 5(1). 2. L-azzjonijiet li jridu jiġu midħula għalihom skond dan il-qafas għandhom jissupplimentaw l-azzjonijiet midħula għalihom minn u fl-Istati Membri biex jipproteġu l-interessi ta' saħħa, sigurta u ekonomiċi ta' konsumaturi u biex jippromwovu d-dritt tagħhom għal tagħrif u edukazzjoni u biex jorganizzaw lilhom infushom sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom. Artikolu 2 Erji ta' azzjoni L-azzjonijiet li jridu jiġu midħula għalihom skond dan il-qafas għandhom jikkonċernaw dawn l-erji speċifiċi li ġejjin: (a) protezzjoni tas-saħħa u s-sigurta tal-konsumatur rigward servizzi u prodotti mhux ta' l-ikel; (b) protezzjoni ta' l-interessi ekonomiċi u legali ta' konsumaturi; (ċ) promozzjoni ta' tagħrif u edukazzjoni tal-konsumatur; (d) promozzjoni tal-kapaċita ta' organizzazzjonijiet tal-konsumatur biex jikkontribbwixxu fil-livell Ewropew. Artikolu 3 Għanijiet ta' l-azzjonijiet L-azzjonijiet li jridu jiġu midħula għalihom skond dan il-qafas għandhom igħinu biex jinkisbu l-għanijiet ġenerali li ġejjin: (a) livell komuni għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment permezz ta' l-istabbilizzazzjoni ta' regoli u prattiċi komuni ta' protezzjoni tal-konsumatur u l-integrazzjoni ta' interessi tal-konsumatur f'politika oħra Komunitarja; (b) infurzar effettiv ta' regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment permezz ta' sorveljanza fis-suq, koperazzjoni amministrattiva u ta' infurzar, aċċess tal-konsumatur għal tagħrif dwar servizzi u prodotti li mhumiex ta' l-ikel u aċċess tal-konsumatur għal mekkaniżmi għall-risoluzzjoni ta' ilmenti u kwistjonijiet u (ċ) involviment kif suppost ta' organizzazzjonijiet tal-konsumatur fl-iżvilupp ta' politika tal-konsumatur u politika oħra Komunitarja li taffettwa interessi tal-konsumatur. Artikolu 4 Tipi ta' azzjoni 1. L-azzjonijiet li jridu jittieħdu skond dan il-qafas huma mniżżla f'lista fl-Anness skond l-għanijiet. 2. Azzjonijiet 1 sa 8, 11 sa 15 u 19 huma mplimentati direttament mill-Kummissjoni. 3. Azzjonijiet 9 u 10 huma finanzjati b'mod konġunt mill-Komunità u Stat Membru wieħed jew aktar, jew mill-Komunità u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li qed jipparteċipaw skond l-Artikolu 9. 4. Azzjonijiet 16, 17 u 18 jibbenefikaw minn kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Komunità. Artikolu 5 Fondi 1. Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2004 sal-31 ta' Diċembru 2007 huwa stabbilit għal 72 miljun EUR, li minnhom 54 miljun EUR għandhom ikopru l-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2006. 2. Għall-perjodu wara l-31 ta' Diċembru 2006, l-ammont propost għandu jitqies li jiġi konfermat jekk ikun konsistenti mal-perspettivi finanzjarji fis-seħħ għall-perjodu li jibda fl-2007. 3. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorita ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettivi finanzjarji. Artikolu 6 Kontribuzzjoni finanzjarja 1. Il-kontribuzzjoni Komunitarja għal azzjonijiet konġunti 9 u 10, fi prinċipju, se tkun 50 %, u fl-ebda każ ma taqbeż is-70 % ta' l-ispiża totali ta' l-azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara b'mod ċar liema azzjonijiet konġunti se jkunu eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' aktar minn 50 %. 2. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjoni 16 m'għandhomx jaqbżu l-50 % ta' l-ispiża għat-twettieq ta' attivitajiet eliġibbli. 3. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjoni 17 m'għandhomx jaqbżu l-95 % ta' l-ispiża għat-twettieq ta' attivitajiet eliġibbli. 4. It-tiġdid tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet 16 u 17 għal organizzazzjonijiet eliġibbli li fis-sena preċedenti jkunu ippruvaw b'mod attiv u effettiv li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur m'għandux ikun suġġett għar-regola ta' tnaqqis gradwali. 5. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjoni 18, fi prinċipju, se jkunu 50 %, u fl-ebda każ ma jaqbżu s-75 % ta' l-ispejjeż eliġibbli għall-implimentazzjoni tal-proġett. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara b'mod ċar liema proġetti speċifiċi se jkunu eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' aktar minn 50 %. Artikolu 7 Benefiċjarji 1. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet konġunt 9 u 10 jistgħu jingħataw lil korp pubbliku jew lil korp li ma jagħmilx profitti nominat mill-Istat Membru jew mill-awtorita kompetenti konċernata u miftiehem mill-Kummissjoni. 2. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjoni 16 jistgħu jingħataw lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur li: (a) mhumiex governattivi, ma jagħmlux qligħ, huma indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u tan-negozju jew interessi oħra li joħolqu konflitti, u għandhom bħala l-għanijiet u l-attivitajiet primarji tagħhom il-promozzjoni u l-protezzjoni ta' l-interessi ta' saħħa, sigurta u ekonomiċi ta' konsumaturi fil-Komunità; (b) ġew mandati biex jirrappreżentaw l-interessi ta' konsumaturi fil-livell Komunitarju minn organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur f'mill-inqas nofs l-Istati Membri li huma rappreżentattivi, bi qbil mar-regoli jew il-prattika nazzjonali, ta' konsumaturi u li huma attivi fil-livell reġjonali jew nazzjonali, u (ċ) ipprovdew lill-Kummissjoni kontijiet sodisfaċenti tas-sħubija tagħhom, regoli interi u sorsi ta' fondi. 3. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjoni 17 jistgħu jingħataw lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur li: (a) mhumiex governattivi, ma jagħmlux qligħ, huma indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u tan-negozju jew interessi oħra li joħolqu konflitti, u għandhom bħala l-għanijiet u l-attivitajiet primarji tagħhom li jirrappreżentaw interessi tal-konsumatur fil-proċess ta' standardizzazzjoni fil-livell Komunitarju, u (b) ġew mandati f'mill-inqas żewġ terzi mill-Istati Membri biex jirrappreżentaw l-interessi ta' konsumaturi fil-livell Komunitarju: - minn korpijiet rappreżentattivi, bi qbil ma' regoli jew prattika nazzjonali, ta' organizzazzjoni nazzjonali tal-konsumatur fl-Istati Membri, jew - fl-assenza ta' dawn il-korpijiet, minn organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur fl-Istati Membri li huma rappreżentattivi, bi qbil ma' regoli jew prattika nazzjonali, ta' konsumaturi u huma attivi fil-livell nazzjonali. 4. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjoni 18 jistgħu jingħataw lil kull persuna legali jew assoċjazzjoni ta' persuni legali, inkluż korpijiet pubbliċi indipendenti xierqa u organizzazzjonijiet reġjonali tal-konsumatur li jaġixxi indipendentement minn industrija u kummerċ u huwa attwalment responsabbli għall-implimentazzjoni ta' proġetti. Artikolu 8 Esklużjonijiet Applikanti jew persuni li jagħmlu l-offerti u kuntratturi li jinstabu ħatja li jkunu għamlu dikjarazzjonijiet falzi, jew jinstabu li jkunu naqsu serjament milli jilħqu l-obbligazzjonijiet kontrattwali tagħhom, għandhom jiġu esklużi mill-għotja ta' aktar kuntratti kif dikjarat fl-Artikolu 96 tar-Regolament Finanzjarju. Artikolu 9 Partċipazzjoni ta' pajjiżi terzi Il-qafas għandu jkun miftuħa għal parteċipazzjoni minn: (a) il-pajjiżi AEKĦ/EEE bi qbil mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ta' l-EEE; (b) il-pajjiżi assoċjati, bi qbil mal-kondizzjonijiet preskritti fil-ftehimijiet bilaterali rispettivi li jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Komunità. Artikolu 10 Konsistenza u kumplimentarjeta 1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjonijiet implimentati skond dan il-qafas huma konsistenti ma' l-istrateġija ta' politika tal-konsumatur. 2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li hemm konsistenza u kumplimentarjeta bejn l-azzjonijiet implimentati skond dan il-qafas u programmi u inizjattivi oħra tal-Komunità. Artikolu 11 Programm ta' xogħol Il-Kummissjoni għandha tadotta programm annwali ta' xogħol inkluż: (a) il-prijoritajiet għal azzjoni taħt kull għan; (b) it-tqassim ta' l-estimi annwali fost it-tipi ta' azzjoni identifikati fl-Artikolu 4; (ċ) it-teħid ta' żmien ippjanat tas-sejħat għall-offerti, l-azzjonijiet konġunti u s-sejħat għal proposti; (d) fil-każ ta' sejħat għal proposti, l-għażla u l-kriterji ta' l-għotja għal azzjonijiet 16, 17 u 18, il-kriterji għal kontribuzzjonijiet finanzjati ta' aktar minn 50 % għal azzjoni 18, u l-ammont indikattiv disponibbli għal kull waħda minn dawn is-sejħat għall-proposti, bi qbil mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju u filwaqt li jitqies sal-punt possibbli l-bżonn li jiġu stabbiliti ħtiġijiet amministrattivi partikolarment fil-każ ta' ammonti żgħar ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji għal proġetti speċifiċi. Artikolu 12 Pubblikazzjoni u proċeduri 1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dan li ġej fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropew u fis-site ta' l-Internet tal-Kummissjoni: (a) sejħa għal proposti għal azzjonijiet 16 u 17 u (b) sejħa għal proposti għal azzjoni 18 li tiddeskrivi l-prijoritajiet għal azzjoni li trid tiġi midħula għaliha, mill-inqas kull sentejn. 2. Fi stadju kmieni fil-proċess ta' l-evalwazzjoni ta' applikazzjonijiet għal kontribuzzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-applikanti jekk mhumiex eliġibbli jew jekk l-applikazzjoni tagħhom ma tipprovdix it-tagħrif li huwa meħtieġ biex tiġi verifikata l-konformita ta' l-applikazzjoni mal-kriterji ta' għażla. 3. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien tliet xhur mit-temma ta' żmien għas-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet, tiddeċiedi dwar l-attribuzzjoni ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet 16, 17 u 18. 4. Lista tar-reċipjenti ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji u lista ta' l-azzjonijiet li għalihom jingħataw fondi skond dan il-qafas għandha tiġi pubblikata kull sena fis-site ta' l-Internet tal-Kummissjoni b'indikazzjoni ta' l-ammonti. Artikolu 13 Monitorjar u evalwazzjoni 1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura monitorjar effettiv u regolari ta' l-azzjonijiet midħula għalihom skond dan il-qafas u għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport midterm dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-qafas sal-31 ta' Diċembru 2005. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew kull sena jekk il-proċedura ta' teħid ta' deċiżjoni rigward applikazzjonijiet għal azzjonijiet 16, 17 u 18 taqbeż il-perjodu ta' tliet xhur kif dikjarat fl-Artikolu 12(3). 2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni dwar azzjonijiet imwettqa skond dan il-qafas qabel ma tissottometti proposta għat-tiġdid possibbli tiegħu, u f'kull każ mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2007. Artikolu 14 Implimentazzjoni ta' miżuri 1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-tmexxija u l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni bi qbil mar-Regolament Finanzjarju. 2. Il-miżuri provvduti fl-Artikolu 4(3) u (4) għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 15(2). Artikolu 15 Proċedura tal-Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat. 2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 li jinstabu fiha. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura. Artikolu 16 Dħul fis-seħħ Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Magħmula fi Brussel, fit-8 ta' Diċembru 2003. Għall-Parlament Ewropew Il-President P. Cox Għall-Kunsill Il-President F. Frattini [1] ĠU C 234, tat-30.9.2003, p. 86. [2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Settembru 2003 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Direttiva tal-Kunsill ta' l-1 ta' Diċembru 2003. [3] ĠU C 81, tal-21.3.2000, p. 1. [4] ĠU L 258, ta' l-10.10.2003, p. 35. [5] ĠU L 248, tas-16.9.2002, p. 1. [6] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1. Ftehim kif emendata bid-Deċiżjoni 2003/429/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 147, ta' l-14.6.2003, p. 25). [7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. -------------------------------------------------- L-ANNESS L-AZZJONIJIET RIFERITI FL-ARTIKOLU 4 IMNIŻŻLA F'LISTA SKOND L-GĦANIJIET Il-Għan (a) Livell komuni għoli ta' protezzjoni tal-lonsumatur Azzjoni 1: Parir xjentifiku, analiżi tar-riskju inkluż stima komparattiva u stima ta' għażliet ta' tnaqqis tar-riskju rilevanti għal saħħa u sigurta tal-konsumatur rigward prodotti u servizzi mhux ta' l-ikel. Azzjoni 2: Tħejjija ta' inizjattivi leġislattivi u inizjattivi regolatorji oħra u promozzjoni ta' inizjattivi self-regolatorji, inkluż, fost oħrajn: 2.1. Analiżi komparattiva ta' swieq u sistemi regolatorji 2.2. Għarfien legali u tekniku għal żvilupp ta' politika dwar is-sigurta ta' servizzi 2.3. Għarfien tekniku għall-iżvilupp ta' mandati ta' standardizzazzjoni għal prodotti u servizzi 2.4. Għarfien legali u tekniku għal żvilupp ta' politika dwar l-interessi ekonomiċi ta' konsumaturi 2.5. Workshops ma' stakeholders u esperti. Azzjoni 3: Monitorjar u stima ta' żviluppi fis-suq b'impatt fuq l-interessi ekonomiċi u oħrajn ta' konsumaturi, nklużi, fost oħrajn, stħarriġ dwar il-prezz, inventorju u analiżi ta' ilmenti tal-konsumatur u stħarriġ ta' tibdiliet fl-istruttura ta' swieq. Azzjoni 4: Il-ġbir u l-iskambju ta' fatti magħrufa (data) u tagħrif li jipprovdu bażi ta' xhieda għall-iżvilupp ta' politika ta' konsumatur u għall-integrazzjoni ta' interessi tal-konsumatur f'politika oħra ta' l-UE, inkluż, fost oħrajn, stħarriġ ta' attitudnijiet tal-konsumatur u tan-negozju, ġbir u analiżi ta' fatti magħrufa (data) statistiċi u rilevanti oħra. Il-Għan (b): Infurzar effettiv ta' regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur Azzjoni 5: Kordinazzjoni ta' azzjonijiet ta' sorveljanza u ta' infurzar, inkluż, fost oħrajn: 5.1. Żvilupp ta' għodda għall-IT (p.e. databases, sistemi ta' tagħrif u komunikazzjoni) għal koperazzjoni ta' infurzar 5.2. Taħriġ, laqgħat ta' seminar u skambji ta' uffiċjali ta' infurzar għal azzjonijiet konġunti ta' infurzar 5.3. Ippjanar u żvilupp ta' azzjonijiet konġunti ta' infurzar 5.4. Azzjonijiet konġunti pilota ta' infurzar. Azzjoni 6: Żvilupp ta' databases aċċessibbli b'mod faċli u pubblikament li jkopru l-applikazzjoni ta' u ġurisprudenza dwar drittijiet tal-konsumatur li joħorġu minn leġislazzjoni tal-Komunità ta' protezzjoni tal-konsumatur, inkluż it-tlestija u t-titjib tad-database fuq termini mhux bil-fier ta' kuntratt. Azzjoni 7: Monitorjar u stima tas-sigurta ta' prodotti u servizzi mhux ta' l-ikel, inkluż, fost oħrajn: 7.1. Rinfurzar u estensjoni ta' l-iskop tas-sistema ta' allert RAPEX, filwaqt li jitqiesu żviluppi fl-iskambju ta' tagħrif dwar sorveljanza fis-suq 7.2. Analiżi teknika ta' notifikazzjonijiet ta' allert 7.3. Ġbir u stima ta' fatti magħrufa (data) dwar ir-riskji preżentati minn prodotti u servizzi speċifiċi tal-konsumatur 7.4. Żvilupp tax-xibka ta' sigurta tal-prodott tal-konsumatur kif provvduta fid-Direttiva 2001/95/KE [1]. Azzjoni 8: Monitorjar tal-funzjonament u l-istima ta' l-impatt ta' skemi ta' risoluzzjoni alternattivi ta' kwistjonijiet, partikolarment ta' skemi on-line u l-effettivita tagħhom f'li jaqtgħu ilmenti u kwistonijiet ta' qsim il-fruntiera, kif ukoll għajnuna teknika għal aktar żvilupp tas-sistema tax-xibka ‘il barra mill-ġudizzju (extra-ġudizzjarji) Ewropea. Azzjoni 9: (Azzjoni Konġunta) Kontribuzzjonijiet finanzjarji għal korpijiet pubbliċi jew li ma jagħmlux qligħ li jikkonstitwixxu xbieki tal-Komunità li jipprovdu tagħrif u għajnuna lil konsumaturi biex jgħinuhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu aċċess għal risoluzzjoni xierqa ta' kwistjonijiet (ix-xibka Ewropea ta' ċ-ċentri tal-konsumatur u l-clearing houses tax-xibka ‘il barra mill-ġudizzju (extra-ġudizzjarji) Ewropea, skond il-kondizzjonijiet dikjarati fl-Artikolu 7. Azzjoni 10: (Azzjoni Konġunta) Kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet konġunti speċifiċi ta' sorveljanza u ta' infurzar biex titjieb koperazzjoni amministrattiva u ta' infurzar fuq leġislazzjoni Komunitarja ta' protezzjoni tal-konsumatur, inkluż id-Direttiva ta' Sigurta tal-Prodott Ġenerali, u azzjonijiet oħra fil-kuntest ta' koperazzjoni amministrattiva, fuq il-kondizzjonijiet dikjarati fl-Artikolu 7(1). Il-Għan (ċ): Involviment kif suppost ta' organizzazzjonijiet tal-konsumatur f'politika ta' l-UE Azzjoni 11: Dispożizzjoni ta' għarfien speċifiku tekniku u legali għal organizzazzjonijiet tal-konsumatur biex jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tagħhom, u l-input tagħhom, fi proċessi ta' konsultazzjoni dwar inizjattivi Komunitarji ta' politika leġislattiva u mhux leġislattiva, f'erji rilevanti ta' politika, bħal ma hija politika interna tas-suq, servizzi ta' interess ġenerali u l-programm qafas ta' 10 snin dwar produzzjoni sostenibbli u konsum, kif ukoll biex jappoġġjaw il-kontribuzzjoni tagħhom għal sorveljanza fis-suq. Azzjoni 12: Rappreżentanza ta' l-interessi ta' konsumaturi Ewropej f'forum-ijiet internazzjonali, inkluż korpijiet internazzjonali ta' standardizzazzjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali ta' kummerċ. Azzjoni 13: Taħriġ għal membri tal-personal ta' organizzazzjonijiet reġjonali, nazzjonali u tal-konsumatur Ewropew u azzjonijiet oħra ta' bini ta' kapaċita, inkluż korsijiet ta' taħriġ fi proċeduri ta' żvilupp ta' proġett u applikazzjoni ta'proġett, forum ta' l-Internet dwar proġetti speċifiċi, workshops u laqgħat biex jippromwovu sħubija fil-proġett. Azzjoni 14: Azzjonijiet ta' tagħrif dwar drittijiet tal-konsumatur mogħtija mill-leġislazzjoni ta' protezzjoni tal-konsumatur u miżuri Komunitarji ta' protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fl-Istati Membri ġodda, f'koperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet tagħhom tal-konsumatur. Azzjoni 15: Edukazzjoni tal-konsumatur, inkluż l-azzjonijiet immirati lejn konsumaturi ġodda (young), u l-iżvilupp ta' għodda on-line interattiva ta' edukazzjoni tal-konsumatur dwar drittijiet tal-konsumatur fis-suq intern u fi transazzjonijiet ta' qsim il-fruntiera. Azzjoni 16: Kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-funzjonament ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur fuq il-kondizzjonijiet dikjarati fl-Artikolu 7(2). Azzjoni 17: Kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-funzjonament ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur li jirrappreżentaw interessi tal-konsumatur fl-iżvilupp ta' livelli stabbiliti għal prodotti u servizzi f'livell Komunitarju, skond il-kondizzjonijiet dikjarati fl-Artikolu 7(3). Għanijiet (a), (b) u (ċ): Azzjoni 18: Kontribuzzjonijiet finanzjarji għal proġetti speċifiċi f'livell Komunitarju jew nazzjonali f'appoġġ ta' għanijiet ta' politika tal-konsumatur kif definit fl-Artikolu 3, skond il-kondizzjonijiet dikjarati fl-Artikolu 7(4), inkluż, fost oħrajn, kontribuzzjonijiet finanzjarji għal: - proġetti speċifiċi midħula għalihom minn organizzazzjonijiet tal-konsumatur u li jimmiraw li jħaffu l-implimentazzjoni effettiva ta' l-acquis communautaire dwar protezzjoni tal-konsumatur fl-Istati Membri l-ġodda, - proġetti speċifiċi li jippromwovu l-iskambju ta' tagħrif ta' qsim il-fruntiera u l-aħjar prattika rigward l-integrazzjoni ta' drittijiet tal-konsumatur f'politika oħra. Azzjoni 19: Evalwazzjoni ta' azzjonijiet midħula għalihom skond dan il-qafas. [1] Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar sigurta ġenerali tal-prodott (ĠU L 11, tal-15.1.2002, p. 4). --------------------------------------------------