Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2015C0030

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 30/15/COL tas-27 ta' Jannar 2015 biex jingħataw tliet derogi mitluba mill-Prinċipat tal-Liechtenstein b'rabta mal-Artikolu 30, Artikolu 36(2) u l-punt 1.1.3.6.3 lit. b tal-Anness 5 tal-Ordinanza tal-Liechtenstein tat-3 ta' Marzu 1998 dwar it-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq (Verordnung über den Transport gefährlicher Güter auf der Strasse — VTGGS), ibbażat fuq l-Artikolu 6(2)(a) tal-Att imsemmi fil-punt 13c f'Kapitolu I tal-Anness XIII tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi) [2015/1813]

    ĠU L 263, 8.10.2015, p. 49–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1813/oj

    8.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 263/49


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 30/15/COL

    tas-27 ta' Jannar 2015

    biex jingħataw tliet derogi mitluba mill-Prinċipat tal-Liechtenstein b'rabta mal-Artikolu 30, Artikolu 36(2) u l-punt 1.1.3.6.3 lit. b tal-Anness 5 tal-Ordinanza tal-Liechtenstein tat-3 ta' Marzu 1998 dwar it-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq (Verordnung über den Transport gefährlicher Güter auf der Strasse — VTGGS), ibbażat fuq l-Artikolu 6(2)(a) tal-Att imsemmi fil-punt 13c f'Kapitolu I tal-Anness XIII tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi) [2015/1813]

    L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA,

    Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 13c fil-Kapitolu I tal-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE, Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi (Id-“Direttiva”), kif adattat mill-Ftehim ŻEE permezz tal-Protokoll 1 tiegħu partikolarment l-Artikoli 6 u 9,

    Wara li ġew ikkunsidrati d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Permanenti Nru 3/12/SC u Nru 4/12/SC,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 295/14/COL tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tas-16 ta' Lulju 2014 (l-Avveniment Nru 710373) biex jintbgħatu abbozzi ta' miżuri lill-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA li għandhom jittieħdu mill-Aworità ta' Sorveljanza tal-EFTA b'rabta mar-rikjesta tal-Liechtenstein, u billi tingħata s-setgħa lill-Membru tal-Kulleġġ kompetenti biex jadotta d-deċiżjoni finali jekk il-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA japprova l-abbozz ta' deċiżjoni unanimament,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    Il-Gvern tal-Liechtenstein, b'ittra lill-Awtorità tal-20 ta' Diċembru 2013 (l-Avveniment Nru 694300), għamel rikjesta għal erba' derogi fuq il-bażi tal-Artikoli 6(2)(a) tad-Direttiva. Id-derogi kif mitluba mill-Liechtenstein huma stipulati fl-Artikoli 29, 30, 36(2) u fil-punt 1.1.3.6.3 lit. b tal-Anness 5 tal-Ordinanza tat-3 ta' Marzu 1998 dwar it-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq (LR 741.621, kif emendat l-aħħar) (Verordnung über den Transport gefährlicher Güter auf der Strasse — VTGGS) (“l-Ordinanza”) u jikkonċernaw it-trasport ta' splussivi, spezzjonijiet ta' impriżi tat-tankijiet, it-taħriġ speċjali tas-sewwieqa u s-siti ta' kostruzzjoni tat-tankijiet, rispettivament.

    Waslu aktar kjarifiki minn naħa tal-Gvern tal-Liechtenstein fl-2014 b'komunikazzjoni informali fl-20 ta' Frar (l-Avveniment Nru 700062), il-21 ta' Frar (l-Avveniment Nru 700131), it-12 ta' Marzu (l-Avveniment Nru 702345), is-27 ta' Marzu (l-Avveniment Nru 703760), id-9 ta' Mejju (l-Avveniment Nru 707772), l-14 ta' Mejju (l-Avveniment Nru 708302) u s-16 ta' Mejju (l-Avveniment Nru 708667).

    Permezz ta' kuntratt ta' servizz bid-data tal-4 ta' Marzu 2014 (l-Avveniment Nru 700047), l-Awtorità ikkummissjonat lid-DNV GL AS (“DNV”) biex tivvaluta jekk id-derogi mitluba hux se jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva, b'enfasi fuq kwalunkwe riskju potenzjali jew reali li jirriżultaw mid-derogi; dwar jekk dawn iwasslux f'inqas, iktar jew sigurtà ekwivalenti; u, jekk ikun hemm bżonn, dwar l-identifikazzjoni ta' miżuri ta' mitigazzjoni possibbli. Fis-16 ta' April 2014, id-DNV bagħatet rapport preliminari lill-Awtorità (l-Avveniment Nru 706289). Fit-23 ta' Mejju 2014, DNV ressqet ir-rapport finali tagħha (l-Avveniment Nru 709161).

    Wara li vvalutat id-derogi mitluba minn Liechtenstein, l-Awtorità kkonkludiet li huma biss id-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 30, 36(2) u fil-punt 1.1.3.6.3 lit. b tal-Anness 5 tal-Ordinanza li jikkwalifikaw bħala derogi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva, billi l-Artikolu 29 tal-Ordinanza dwar splussivi f'pakketti ta' trasport li jkunu nfetħu, ma jitqiesx bħala deroga (1).

    Fis-16 ta' Lulju 2014, l-Awtorità bagħtet it-tliet abbozzi ta' miżuri (l-Avveniment Nru 706153) li għandhom jittieħdu mill-Awtorità quddiem il-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA b'rabta mat-talba tal-Liechtenstein għal deroga bbażata fuq l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva.

    L-abbozz ta' miżuri mressqa quddiem il-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA fis-16 ta' Lulju 2014 kien kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 30 tal-Ordinanza, tal-ispezzjonijiet fuq-impriżi tat-tankijiet:

    Fl-opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA, it-talba għal deroga b'rabta mal-Artikolu 30 tal-Ordinanza dwar spezzjonijiet fuq l-impriżi tat-tankijiet, għandha tkun awtorizzata,sakemm is-sewwieqa jkollhom it-taħriġ CITEC (2) speċifiku.

    Data ta' skadenza: is-26 ta' Settembru 2015.

    2.

    L-Artikolu 36(2) tal-Ordinanza, taħriġ speċjali għas-sewwieqa:

    Fl-opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA it-talba għal deroga għandha tiġi rifjutata sakemm il-gvern tal-Liechtenstein juri lit-taħrig provdud mill-BBT (3) huwa kompatibli mat-taħriġ ADR (4).

    3.

    Il-punt 1.1.3.6.3 lit. b tal-Anness 5 tal-Ordinanza, fuq is-siti ta' kostruzzjoni ta' tankijiet:

    Fl-opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA, it-talba għal deroga b'rabta mal-punt 1.1.3.6.3 lit. b tal-Anness 5 tal- Ordinanza, siti ta' kostruzzjoni tat-tankijiet, għandhom jiġu awtorizzati sakemm il-qoxra użata tkun doppja.

    Data ta' skadenza: Is-26 ta' Settembru 2015.

    Permezz ta' ittra tas-16 ta' Lulju 2014 (l-Avveniment Nru 716061), l-Awtorità informat lill-Istati tal-EFTA dwar l-abbozz ta' miżuri li għandhom jittieħdu mill-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA u stiednet lill-Istati tal-EFTA biex jivvalutaw in-notifika mill-Liechtenstein u l-abbozz ta'Opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA. Barra minn hekk, ma'dik l-ittra, l-Awtorità proponiet li l-opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA tinkiseb permezz ta' proċedura bil-miktub, b'referenza għall-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA Nru 4/2012/SC tas-26 ta' Ottubru 2012. L-Awtorità talbet lill-Istati tal-EFTA biex jipprovduha bi kwalunkwe osservazzjonijiet li jista' jkollhom dwar l-abbozz ta' Opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA sal-25 ta' Awwissu 2014.

    Permezz ta' ittra bid-data tal-21 ta' Awwissu 2014 (l-avveniment 720223), il-Gvern Norveġiż informa lill-Awtorità li ma kellux kummenti dwar l-abbozz ta' Opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA. Permezz ta' ittra bid-data tat-22 ta' Awwissu 2014 (l-avveniment 719910), il-Gvern tal-Liechtenstein bagħat kummenti dwar l-abbozz ta' Opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA. Il-Gvern Islandiż ma bagħat l-ebda tweġiba.

    Fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet li waslu, l-Awtorità rrivediett u emendat l-abbozz ta' Opinjoni inizjalment imressaqa quddiem il-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA skont id-Deċiżjoni Nru 295/14/COL tas-16 ta' Lulju 2014. L-Awtorità rrivediet ukoll it-tul ta' żmien tad-deroga, b'konformità mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva. Fil-verżjoni riveduta u emendata tal-abbozz ta' Opinjoni, l-Awtorità kkunsidrat li d-derogi mitluba għandhom jingħataw mingħajr kundizzjonijiet.

    Permezz ta' ittra bid-data tal-24 ta' Novembru 2014 (l-avveniment 730389), l-Awtorità bagħtet l-abbozz ta' Opinjoni rivedut u emendat quddiem il-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA, fejn talbet lill-Istati tal-EFTA jipprovdu lill-Awtorità bl-osservazzjonijiet tagħha b'rabta mal-abbozz ta'Opinjoni rivedut u emendat tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA qabel tmiem in-negozjar tat-12 ta' Diċembru 2014.

    Il-Gvern tal-Liechtenstein, b'ittra tal-5 ta' Diċembru 2014 (l-Avveniment Nru 731864), informa lill-Awtorità li ma kellux iktar osservazzjonijiet u talab lill-Awtorità biex issegwi s-suġġerimenti magħmula mill-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA u biex tawtorizza d-derogi mitluba. Permezz ta' ittra bid-data tal-11 ta' Diċembru 2014 (l-avveniment 732607), il-Gvern Norveġiż informa lill-Awtorità li ma kellu l-ebda kumment dwar l-abbozz ta' Opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA. Il-Gvern Islandiż ma bagħat ebda tweġiba.

    2.   VALUTAZZJONI

    Wara l-kjarifiki u tagħrif ġdid mibgħuta mill-Gvern tal-Liechtenstein, l-Awtorità, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta' Opinjoni tat-22 ta' Awwissu 2014, kkonkludiet li t-tliet derogi kif jinsabu fl-Artikoli 30, 36(2) u fil-punt 1.1.3.6.3 lit. b tal-Anness 5 tal-Ordinanza għandhom ikunu awtorizzati.

    B'rabta mal-ewwel talba għal deroga, il-Gvern tal-Liechtenstein ikkjarifika fl-ittra tiegħu tat-22 ta' Awwissu 2014 li x-xufiera kollha ta' impriżi ta' testijiet tat-tankijiet fil-Liechtenstein li joperaw skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 30 VTTGS għandhom jagħmlu it-taħriġ CITEC ta' tliet ġimgħat li jkopri sigurtà u aspetti relatati mal-ambjent b'rabta mal-attivitajiet professjonali tagħhom. Il-Gvern tal-Liechtenstein speċifika wkoll li kull sewwieq tal-impriżi tat-tankijiet tal-Liechtenstein għandu ċertifikat magħruf bħala ċ-Ċertifikat tal-Konfederazzjoni Żvizzera fi Speċjalizzazjoni tas-Sigurtà tat-Tankijiet (Spezialist/-in für Tanksicherheit mit eidgenössischem Fachausweis). Għalhekk, peress li s-sewwieqa lestew it-taħriġ CITEC speċifiku, id-deroga ma tikkompromettix is-sikurezza. F'konformità ma' dan, l-Awtorità tikkunsidra li t-talba għal deroga b'rabta mal-Artikolu 30 tal-Ordinanza għandha tkun awtorizzata.

    B'rabta mat-tieni talba għal deroga, il-Gvern tal-Liechtenstein, fl-ittra tat-22 ta' Awwissu 2014, bagħat tagħrif ġdid biex isostni l-fehma tiegħhu li għas-sewwieqa, il-liċenzja BBT hija ekwivalenti għat-taħriġ ADR. Għalhekk l-Awtorità tikkunsidra li dan it-tagħrif ulterjuri huwa biżżejjed sabiex tintwera ekwivalenza f'dan ir-rigward, peress li d-detenturi tal-liċenzja BBT huma awtorizzati li jġorru oġġetti li jappartjenu għall-Klassi 1 tal-ADR u it-taħriġ għall-ksib ta' liċenzja BBT ikopri l-aspetti rilevanti kollha meħtieġa għat-trasport ta' oġġetti bħal dawn.

    Fl-aħħar nett, b'rabta mat-tielet talba għal deroga, il-Gvern tal-Liechtenstein, f'osservazzjonijiet li għamel bil-mitkub fit-22 ta' Awwissu 2014, ikkonferma li l-kostruzzjoni tat-tankijiet inkwistjoni għandhom qoxra doppja, peress li jikkonsistu f'tank intern u baċir ta' ġbir issiġġilat minn barra (definiti bħala tali f'punt 6.14.1.1 tal-Anness 5 VTGGS). F'konformità ma' dan, l-Awtorità tikkunsidra li t-talba għal deroga b'rabta mal-Punt 1.1.3.6.3 lit. b tal-Anness 5 għandha tkun awtorizzata.

    Fl-aħħar nett, l-Awtorità tqis li is-sigurtà m'hijiex kompromessa bl-għoti ta' dawn id-derogi u li t-tliet talbiet għal derogi jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva. B'hekk, id-derogi li jinsabu fl-Artikoli 30, 36(2) u fil-punt 1.1.3.6.3 lit. b tal-Anness 5 tal-Ordinanza għandhom ikunu awtorizzati. L-Awtorità għalhekk tagħti deroga kif intalbet, ibbażata fuq l- Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva. Id-deroga hija valida għal sitt snin, kif previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva. L-Awtorità tista', f'konformità mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva, iġġedded l-awtorizzazzjoni tagħha.

    Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, skont l-Artikolu 6 tal-Att imsemmi fil-punt 13c fil-Kapitolu I tal-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE, id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi, kif adottat permezz tal-Protokoll 1 tal-Ftehim ŻEE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-derogi mitluba mill-Prinċipat tal-Liechtenstein b'rabta mal- Artikolu 30, l-Artikolu 36(2) u l-Punt 1.1.3.6.3 lit. b tal-Anness 5 tal-Ordinanza tal-Liechtenstein tat-3 ta' Marzu 1998 dwar it-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq (Verordnung über den Transport gefährlicher Güter auf der Strasse — VTGGS), huma mogħtija.

    Artikolu 2

    Id-derogazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni se jkunu ppubblikati fit-taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu skont il-punt 6 tal-Protokoll 1 tal-Ftehim ŻEE.

    Artikolu 3

    Id-derogazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni huma validi għal perjodu ta' sitt snin.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Prinċipat tal Liechtenstein u tidħol fis-seħħ meta ssir notifika lil dak l-Istat.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija awtentika bl-Ingliż.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Jannar 2015.

    Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

    Helga JÓNSDÓTTIR

    Membru tal-Kulleġġ

    Xavier LEWIS

    Direttur


    (1)  Qed issir referenza għall-valutazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 295/14/COL.

    (2)  CITEC: L-Assoċjazzjoni Żvizzera għall-protezzjoni tal-ilmijiet u s-sigurtà tat-tankijiet (Association pour la protection des eaux et la sécurité des citernes).

    (3)  BBT: L-Uffiċċju Federali Żvizzeru Għall-Edukazzjoni Professjonali u t-Teknoloġija (Bundesamt für Berufsbildung und Technologie).

    (4)  ADR: Ftehim Ewropew rigward il-Ġarr Internazzjonali ta' Merkanzija Perikoluża bit-Triq.


    Top