EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0424

Kawża T-424/22: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Lulju 2022 – D’Agostino u Dafin vs BĊE

ĠU C 340, 5.9.2022, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 340/50


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Lulju 2022 – D’Agostino u Dafin vs BĊE

(Kawża T-424/22)

(2022/C 340/69)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Vincenzo D’Agostino (Napoli, l-Italja), Dafin Srl (Casandrino, l-Italja) (rappreżentant: M. De Siena, avukata)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tistabbilixxi u tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat mill-Presidenta Christine Lagarde:

a)

peress li kkawża fir-rigward tat-titoli finanzjarji ta’ Vincenzo D’Agostino bl-isem SI FTSE.COPERP, tnaqqis fil-valur b’telf ekwivalenti għall-valur totali tal-kapital investit, ekwivalenti għal EUR 450 596,28, peress li fit-12 ta’ Marzu 2020, Christine Lagarde, fil-kwalità ta’ Presidenta tal-BĊE, filwaqt li qalet il-frażi famuża “Aħna mhux qegħdin hawnhekk biex innaqsu l-firxiet, dan ma huwiex ir-rwol tal-BĊE”, kienet ikkawżat tnaqqis sinjifikattiv fil-valur tat-titoli fil-boroż kollha madwar id-dinja u telf ta’ 16,92 % fil-Borża ta’ Milano kkwantifikat f’perċentwali li qatt ma seħħ qabel fl-istorja tal-imsemmija istituzzjoni, u tal-boroż l-oħrajn madwar id-dinja, u fejn ikkomunikat permezz ta’ stqarrija għall-istampa, lid-dinja kollha, li l-BĊE ma kienx ser jibqa’ jappoġġa l-valur tat-titoli maħruġa minn pajjiżi f’diffikultà u, għalhekk, ikkomunikat il-bidla sħiħa fl-orjentazzjoni tal-politika monetarja adottata mill-BĊE taħt it-tmexxija ta’ Mario Draghi, li kien temm il-mandat tiegħu f’Novembru 2019;

b)

peress li bl-imsemmi aġir, u bħala konsegwenza tal-fuq imsemmi tnaqqis sinjifikattiv tal-indiċi tal-Borża ta’ Milano, ikkawża tnaqqis fil-valur tal-assi tar-rikorrent;

c)

peress li bħala konsegwenza tat-tnaqqis sostanzjali u sinjifikattiv tal-valur tal-assi tar-rikorrent, dan tal-aħħar kien obbligat, sabiex jikkumpensa għall-imsemmi tnaqqis tal-assi, u bħala garanti tal-kumpannija Dafin Srl għall-faċilità ta’ kreditu mogħtija lill-imsemmija kumpannija mill-Banca Fideuram SpA, jirrimborsa l-parti użata tal-imsemmija faċilità ta’ kreditu billi kiseb il-finanzjament meħtieġ mill-bejgħ f’qasir żmien ta’ titoli oħra proprjetà tiegħu, b’tali mod li ġarrab telf ta’ EUR 2 534 422,16 fl-2020 u ta’ EUR 336 517,30 addizzjonali matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u l-15 ta’ April 2021, u, konsegwentement, telf totali ta’ EUR 2 870 939,30;

d)

peress li kkawża dannu materjali li jirriżulta minn lucrum cessans ekwivalenti għal EUR 1 013 074;

e)

peress li kkawża, konsegwentement, dannu finanzjarju totali ekwivalenti għal EUR 4 334 609,28.

tikkundanna lill-BĊE, irrappreżentat mill-President:

għall-kumpens tad-danni materjali, li jinkludu d-damnum emergens u l-lucrum cessans, tad-danni mhux materjali u tad-danni mġarrba minħabba telf ta’ opportunità lil Vincenzo D’Agostino, evalwati abbażi tal-kriterji indikati fil-kapitoli u paragrafi rispettivi ta’ dan ir-rikors, permezz tal-pagament tal-ammonti ekwivalenti: 1) EUR 4 334 609,28, bħala danni materjali, 2) EUR 1 000 000 bħala danni morali; 3) u, għaldaqstant, għall-pagament tas-somma totali ta’ EUR 5 321 535;

sussidjarjament, għall-pagament ta’ kwalunkwe somma oħra li tirriżulta mill-proċedura ġudizzjarja, sal-ammont li jitqies xieraq, anki permezz ta’ rapport ta’ espert ordnat mill-Qorti Ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 70 tar-Regolamenti tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali;

għall-pagament ta’ kwalunwe somma ulterjuri li l-istess Qorti Ġenerali tiddetermina u tordna, abbażi ta’ ekwità, bħala rimbors għad-danni mġarrba minħabba telf ta’ opportunità;

għall-pagament tal-interessi moratorji miżjuda fuq dawn l-ammonti li għandhom jiġu kkalkolati mit-12 ta’ Marzu 2020, id-data li fiha seħħ l-avveniment dannuż, sar-rimbors effettiv.

tikkundanna lill-konvenut għar-rimbors tal-ispejjeż legali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ir-responsabbiltà tal-BĊE skont it-tielet paragrafu tal-ex Artikolu 340 TFUE u tal-Artikolu 2043 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, għad-danni materjali u morali mġarrba mir-rikorrent stess u bħala sieħeb ta’ Dafin Srl.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mis-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il-Kummissjoni, C-650/19 P, tad-9 ta’ Frar 2022, QI et vs Il-Kummissjoni u BĊE, T-868/16, u tal-21 ta’ Jannar 2014, Klein vs Il-Kummissjoni, T-309/10).

Dawn jindikaw il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ istituzzjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni u l-verifika pożittiva tal-eżistenza tal-imsemmija kundizzjonijiet hija invokata.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur, imwettaq mill-BĊE, tad-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni u l-abbuż ta’ poter tal-President.

Huwa invokat il-ksur imwettaq fit-12 ta’ Marzu 2020 mill-BĊE, irrappreżentat mill-President tiegħu, tal-Artikolu 127 TFUE, Kapitolu 1, intitolat “Politika Monetarja”, tal-Artikoli 3, 10, 11, 12, 13, 38 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif ukoll tal-punti 17.2 u 17.3 tal-Artikolu 17 tar-Regolament adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-BĊE tad-19 ta’ Frar 2004 (1).

4.

Ir-raba’ motiv jikkwantifika, jindika r-raġunijiet u jiddokumenta d-danni materjali mġarrba mir-rikorrent (damnum emergenslucrum cessans).


(1)  Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/257/KE tad-19 ta’ Frar 2004 li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/2) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 46), kif emendata bid-Deċiżjoni BĊE/2014/1 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 95, p. 56).


Top