Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0574

    Kawża C-574/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzgericht (l-Awstrija) fit-3 ta’ Novembru 2020 – XO vs Finanzamt Waldviertel

    ĠU C 35, 1.2.2021, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 35/28


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzgericht (l-Awstrija) fit-3 ta’ Novembru 2020 – XO vs Finanzamt Waldviertel

    (Kawża C-574/20)

    (2021/C 35/41)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Bundesfinanzgericht

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: XO

    Konvenut: Finanzamt Waldviertel

    Domandi preliminari

    L-ewwel domanda, li tikkonċerna l-validità tad-dritt sekondarju:

    L-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”, “koordinazzjoni ġdida” jew “Regolament bażiku”), huma validi?

    It-tieni domanda:

    L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004, b’mod partikolari t-titolu tiegħu “Rinunzja ta’ regoli dwar ir-residenza”, għandu jiġi interpretat fis-sens li kien jipprekludi l-introduzzjoni valida ta’ dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-indiċjar tal-benefiċċji tal-familja b’rabta mal-kapaċità tal-akkwist fl-Istat ta’ residenza, bħal dawk previsti fl-Artikolu 8a tal-Familienlastenausgleichsgesetz 1967 (il-Liġi tal-1967 dwar il-Kumpens għall-Ispejjeż tal-Familja; iktar ’il quddiem il-“FLAG”), fil-punt 2 tal-Artikolu 33(3) tal-Einkommensteuergesetz 1988 (il-Liġi tal-1988 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, iktar ’il quddiem l-“EStG”) u fil-Familienbeihilfe-Kinderabsetzbetrag-EU-Anpassungsverordnung (ir-Regolament għat-traspożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-allowances tal-familja u tal-kreditu fiskali għal ulied dipendenti), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jimplikaw tnaqqis tal-allowances tal-familja fir-rigward ta’ ċerti Stati Membri?

    It-tielet domanda:

    Il-projbizzjoni ta’ tnaqqis tal-benefiċċji mogħtija fi flus, prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004, b’mod partikolari l-espressjoni “benefiċċji fi flus […] ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru”, għandha tiġi interpretata fis-sens li din il-projbizzjoni ma pprekludietx l-introduzzjoni valida ta’ dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-indiċjar tal-benefiċċji tal-familja b’rabta mal-kapaċità tal-akkwist fl-Istat ta’ residenza, previsti fl-Artikolu 8a tal-FLAG u fil-punt 2 tal-Artikolu 33(3) tal-EStG, sa fejn il-benefiċċji tal-familja inkwistjoni għandhom jiżdiedu?

    Ir-raba’ u l-ħames domanda, li jikkonċernaw l-opinjoni tal-esperti li fuqha hija bbażata l-emenda leġiżlattiva:

    Ir-raba’ domanda:

    L-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom jiġu interpretati, u applikati b’mod li jillimitaw reċiprokament lil xulxin, fis-sens li l-Artikolu 7 jikkonċerna l-proċess tat-tfassil tal-klawżola ta’ residenza, bħala regola ġenerali u astratta, mill-Parlament tal-Istat Membru, filwaqt li l-Artikolu 67 jikkonċerna, f’każ speċifiku, il-proċess tat-tfassil ta’ regola individwali u konkreta u huwa indirizzat direttament lill-istituzzjoni, kif inizjalment iddeterminata taħt it-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004?

    Il-ħames domanda:

    L-Artikolu 67 u l-Artikolu 68(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll l-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bħad-dispożizzjonijiet predeċessuri tagħhom previsti fl-Artikoli 73 u 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) u fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), għandhom jiġu applikati flimkien u għalhekk jistgħu jiġu interpretati biss fid-dawl tal-kuntest tagħhom u fis-sens li dawn l-artikoli huma flimkien intiżi li, b’osservanza tal-prinċipju li ma għandux ikun hemm akkumulazzjoni, jiġi evitat li l-persuna tiġi mċaħħda mid-drittijiet tagħha, kif iggarantit mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68(1) u (2), li jipprevedu kemm il-klassifikazzjoni u l-preċedenza tal-Istati Membri kkonċernati u kemm ir-rekwiżit espliċitu għall-Istat Membru kompetenti li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma għandhiex preċedenza sabiex jagħmel, jekk ikun meħtieġ, ħlas addizzjonali, b’tali mod li interpretazzjoni iżolata tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, bħal dik magħmula fl-opinjoni tal-esperti, ma hijiex leġittima?

    Is-sitt domanda:

    Il-kunċett ta’ “applikazzjoni ġenerali” ta’ regolament u l-espressjoni “[i]kun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha” li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li wkoll pprekludew l-introduzzjoni valida ta’ regoli individwali tal-istituzzjonijiet kompetenti li huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-indiċjar u li d-deċiżjoni li kienet is-suġġett ta’ kontestazzjoni fil-kawża prinċipali ma kisbitx l-awtorità formali ta’ res judicata (natura definittiva)?

    Is-seba’ domanda:

    L-Artikolu 53(1) tal-FLAG, fil-verżjoni li tirriżulta mill-Budgetbegleitgesetz (il-Liġi li Timplimenta l-Baġit), tad-29 ta’ Diċembru 2000, BGBl 1142/2000, u l-Artikolu 53(4) tal-FLAG, fil-verżjoni li tirriżulta mill-Bundesgesetz vom 4. Dezember 2018 (il-Liġi Federali tal-4 ta’ Diċembru 2018), li emendat il-FLAT, l-EStG u l-Entwicklungshelfergesetz (il-Liġi dwar l-Għajnuna għall-Iżvilupp), BGBl I 83/2018, jmorru kontra l-projbizzjoni ta’ traspożizzjoni ta’ regolamenti fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE?

    It-tmien sat-tnax-il domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien:

    It-tmien domanda:

    Il-prinċipju ta’ assimilazzjoni maċ-ċittadini nazzjonali stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-projbizzjoni sottostanti ta’ diskriminazzjoni, prevista fl-Artikolu 45(2) TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ir-rekwiżiti jkunu ssodisfatti biss jekk il-ħaddiem migrant jiġi assimilat ma’ ċittadin nazzjonali li s-sitwazzjoni tiegħu tinkludi elementi ta’ natura nazzjonali u li għalhekk jirċievi komunikazzjoni minn qabel tal-ammont tal-allowances tal-familja, konformement mal-Artikolu 12, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 8 tal-FLAG, liema ammont jitħallas bil-quddiem b’mod kontinwu darba fix-xahar, jew il-prinċipju ta’ assimilazzjoni maċ-ċittadini nazzjonali jkun issodisfatt meta ħaddiem migrant jiġi assimilat ma’ ċittadin nazzjonali li s-sitwazzjoni tiegħu tinkludi, bħal dik tiegħu, elementi transkonfinali previsti fl-Artikolu 4 tal-FLAG, iżda li, fit-tieni każ, jirċievi l-allowances tal-familja, b’deroga, bis-saħħa tal-Artikolu 4(4) tal-FLAG, b’mod annwali biss, wara l-iskadenza tas-sena kalendarja għas-sena kalendarja kkonċernata?

    Id-disa’ domanda:

    Is-sospensjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja dovuti skont il-leġiżlazzjoni jew il-leġiżlazzjonijiet l-oħra kkonċernati sal-livell tal-ammont previst mill-ewwel leġiżlazzjoni, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 883/2004, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali kontra l-akkumulazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-FLAG, li tawtorizza lill-Awstrija, bħala l-Istat Membru kompetenti li għandu preċedenza, f’sitwazzjoni bħal dik ineżami, tnaqqas mill-allowances tal-familja d-drittijiet għal “allowance barranija tal-istess natura” imħallsa fl-Istat Membru l-ieħor, peress li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni diġà pprekludiet l-akkumulazzjoni u peress li r-regola kontra l-akkumulazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-FLAG hija, għaldaqstant, ineffettiva?

    L-għaxar domanda:

    Is-sospensjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja dovuti skont il-leġiżlazzjoni jew il-leġiżlazzjonijiet l-oħra kkonċernati sal-livell tal-ammont previst mill-ewwel leġiżlazzjoni, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 883/2004, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma għandhiex preċedenza u li, b’applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, għandu jissospendi l-ħlas tal-benefiċċji tal-familja previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu, huwa obbligat li jiċħad talba mressqa mill-ħaddiem migrant jew minn membru tal-familja tiegħu, jew inkella minn kwalunkwe persuna awtorizzata tagħmel dan fis-sens tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, u li ma jagħtix allowances tal-familja tal-livell tal-ammont previst mill-ewwel leġiżlazzjoni anki meta eżami esklużivament intern – jekk ikun il-każ, abbażi ta’ bażi legali differenti – jawtorizza l-għoti?

    Il-ħdax-il domanda:

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-għaxar domanda, tqum il-kwistjoni ta’ jekk l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma għandhiex preċedenza u li, b’applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, għandu jissospendi l-ħlas tal-benefiċċji tal-familja prevista mid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu, iżda li, fl-assenza ta’ ammont żejjed, ma huwiex obbligat iħallas suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza fir-rigward tal-parti li taqbeż l-ammont tal-benefiċċji, għandux jiċħad talba għar-raġuni li s-sospensjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 883/2004 tipprekludi għoti ta’ drittijiet għall-allowances tal-familja?

    It-tnax-il domanda:

    L-Artikolu 68(1) u (2) tar-Regolament Nru 882/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik ineżami, il-formola E411 tal-Kummissjoni Amministrattiva għas-Sigurtà Soċjali tal-Ħaddiema Migranti ma tissodisfax, fil-punti 6 u 7 tagħha li għandhom jimtlew mill-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma għandhiex preċedenza, ir-rekwiżit li jiġi informat l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu għandha preċedenza, u dan għaliex għall-Istat Membru kompetenti li għandu preċedenza huwa meħtieġ li l-Istat Membru l-ieħor, kif deskritt fl-għaxar u fil-ħdax-il domanda, jinformah li wettaq is-sospensjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 883/2004, b’tali mod li jirriżulta li ma hemmx lok li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni legali nazzjonali li tinkludi wkoll livelli minimi ta’ remunerazzjoni?

    It-tlettax-il domanda:

    L-obbligu ta’ konsolidazzjoni tal-atti legali, żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ ġurisprudenza stabbilita fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ lealtà rrikonoxxut fl-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-obbligu jista’ jiġi implimentat ukoll mill-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija) fuq talba tal-qorti tar-rinviju?

    L-erbatax-il domanda:

    Fir-rigward tal-kwistjoni tal-validità tad-dritt sekondarju li għandha titqajjem b’mod obbligatorju anki minn qorti tar-rinviju li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu suġġetti għal appell u fir-rigward tal-obbligu marbut mal-kwistjoni tal-validità, li jobbliga lill-qorti tar-rinviju tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ bl-adozzjoni ta’ miżura provviżorja permezz ta’ digriet li, minħabba s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikun suġġett għal appell, il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 133(4) u (9) tal-Bundes-Verfassungsgesetz (il-Liġi Kostituzzjonali Federali), moqri flimkien mal-Artikolu 25a(1) sa (3) tal-Verwaltungsgerichtshofgesetz (il-Liġi dwar il-Qorti Amministrattiva, iktar ’il quddiem il-VwGG) u mal-Artikolu 30a(7) tal-VwGG, li jagħtu, fil-livell nazzjonali, lill-partijiet fil-proċedura amministrattiva fil-kawża prinċipali possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), fil-forma ta’ appell straordinarju?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.

    (2)  ĠU 2012, L 149, p. 4.


    Top