Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0796

Kawża T-796/19: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2019 – HB vs Il-Kummissjoni

ĠU C 10, 13.1.2020, pp. 54–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/54


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2019 – HB vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-796/19)

(2020/C 10/65)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: HB (rappreżentanti: M. Vandenbussche u L. Levi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors preżenti ammissibbli u fondat;

konsegwentement:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2019 li tordna t-tnaqqis tal-ammont tal-kuntratt TACIS/2006/101-510 minn EUR 4 410 000 għal EUR 0 (żero) u l-irkupru tal-ħlasijiet kollha, f’ammont ta’ EUR 4 241 507, imwettqa abbażi tal-imsemmi kuntratt;

tordna r-rimbors tal-ammonti kollha eventwalment irkuprati mill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-deċiżjoni, flimkien mal-interessi għad-dewmien bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew, miżjuda b’7 punti;

tordna l-ħlas ta’ Euro simboliku bħala danni, suġġett għal żieda;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, fuq in-nuqqas ta’ bażi legali għal din tal-aħħar u fuq il-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, li tifforma titolu eżekuttiv għall-finijiet tal-irkupru tal-kreditu li din għandha kontriha, fin-nuqqas ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tikkonferixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Unjoni għat-tilwimiet fil-qasam kuntrattwali bejniethom.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-kreditu allegat u, f’kull każ, fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli, tal-Artikolu 73a(1) tar- Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal-2002”), tad-dritt għal amministrazzjoni tajba kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 6 tal- Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Skont ir-rikorrenti, il-kreditu li l-Kummissjoni ssostni li għandha kontriha huwa preskritt peress li t-terminu ta’ ħames snin, previst mill-Artikolu 73a tar-Regolament Finanzjarju tal-2002, skada. Barra minn hekk, l-Artikolu 85b(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-2002”), dwar il-kawżi ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, ma japplikax. F’kull każ, u anki jekk l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni kienet regolari, iż-żmien meħud biex tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ debitu li takkumpanjaha huwa manifestament irraġonevoli u jikser l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6(1) tal-KEDB (sa fejn jipprevedi dritt fundamentali li jikkostitwixxi wkoll prinċipju ġenerali tad-dritt).

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tas-sentenza tat-tribunal de première instance de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell, il-Belġju) tal-5 ta’ Ottubru 2017 u fuq l-espressjoni li tgħid li “d-dritt kriminali jieħu preċedenza fuq id-dritt amministrattiv”. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet marbuta bid-deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2017 mogħtija mill-qorti kriminali Belġjana li ddikjarat il-proċeduri inammissibbli fin-nuqqas ta’ elementi li jipprovaw il-fatti inkriminati. Il-Kummissjoni, li barra minn hekk ikkostitwiet ruħha parti ċivili quddiem il-qorti kriminali, peress li ddeċidiet li tistenna li tiġi deċiża l-proċedura Belġjana qabel ma tadotta d-deċiżjoni ta’ rkupru, hija marbuta minn dik id-deċiżjoni u mill-konstatazzjonijiet tal-qorti nazzjonali u dan anki jekk id-deċiżjoni tal-qorti Belġjana ma kellhiex l-effett ta’ res judicata fir-rigward tal-Kummissjoni.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li hija vvizjata bihom id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-fatti lmentati manifestament ma humiex stabbiliti u li manifestament ma jeżistux irregolaritajiet, a fortiori serji. Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq żewġ rapporti tal-OLAF. Għalhekk, l-ilmenti fformulati mill-konvenuta ma humiex stabbiliti.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-istruzzjonijiet lill-offerenti u tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002. Ir-rikorrenti tqis li, fost l-ilmenti invokati mill-konvenuta kontra r-rikorrenti, ebda wieħed minnhom ma jikkonċerna l-fatt li din tal-aħħar kisbet informazzjoni kunfidenzjali, daħlet fi ftehim illegali ma’ kompetitur, influwenzat lill-kumitat ta’ evalwazzjoni jew lill-awtorità kontraenti fl-eżami, fil-kjarifika, fl-evalwazzjoni jew fil-paragun tal-offerti. Għaldaqstant, ma huma sodisfatti la l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 u lanqas dawk tal-Artikolu 13(a) tal-istruzzjonijiet lill-offerenti.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, minħabba li nkiser id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti f’bona fede u tal-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ “ksur ta’ liġi”. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma aġixxiet la b’kura u lanqas b’mod imparzjali.

8.

It-tmien motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta illegalità tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002, sa fejn dan l-artikolu jikser il-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni ta’ arrikkiment mingħajr kawża. Fil-fatt, l-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 jiftaħ il-possibbiltà, għall-istituzzjoni, li tirkupra l-ammonti kollha mħallsa matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt anki jekk dan tal-aħħar ġie eżegwit b’mod sħiħ mill-kontraent. L-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 ifisser li l-istituzzjoni tista’ b’hekk tibbenefika mill-benefiċċji kollha pprovduti mill-kontraent mingħajr ma jkun dovut lilu ebda ħlas. L-Artikolu 103 għandu jiġi ddikjarat illegali sa fejn jawtorizza lill-istituzzjoni żżid il-patrimonju tagħha, mingħajr ġustifikazzjoni, għad-detriment tal-patrimonju tal-kontraent.

9.

Id-disa’ motiv, sussidjarjament, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont ir-rikorrenti, l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjoni għandu jsir konformement mal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002. Barra minn hekk, dan għandu jitwettaq b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-istituzzjoni għandha tiżgura ruħha li d-deċiżjoni tagħha tkun proporzjonali mas-serjetà tal-irregolarità inkwistjoni. Dan l-obbligu ta’ proporzjonalità jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ bona fede li japplika b’mod obbligatorju fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti. Issa, dan ma kienx il-każ f’din il-kawża.


Top