Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0733

    Kawża T-733/19: Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ottubru 2019 – Zhejiang Sunflower Light Energy Science & Technology and Sunowe Solar vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 432, 23.12.2019, p. 66–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 432/66


    Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ottubru 2019 – Zhejiang Sunflower Light Energy Science & Technology and Sunowe Solar vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża T-733/19)

    (2019/C 432/77)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Zhejiang Sunflower Light Energy Science & Technology LTD (Shaoxing, iċ-Ċina), Sunowe Solar GmbH (Nürnberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: Y. Melin, lawyer, and D. Arnold, Solicitor)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1329 tas-6 ta’ Awwissu 2019 li jinvalida fatturi maħruġa minn Zhejiang Sunflower Light Energy Science & Technology Ltd bi ksur tal-impenn revokat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1570;

    tikkundanna lil-Kummissjoni u kull parti intervenjenti in sostenn tat-talbiet tagħha għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-aġir illegali min-naħa tal-konvenuta, billi ddikjarat il-fatturi rilevanti invalidi inkwantu s-setgħat li fuqhom hija straħet sabiex tagħmel dan skadew jew ġew irrevokati, ġaladarba r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 u Nru 1239/2013 skadew fis-7 ta’ Diċembru 2015. Bl-istess mod, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367 u 2017/366 skadew fit-3 ta’ Settembru 2018. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367 u l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366 diġà ġew imħassra permezz tal-punt 4 tal-Artikolu 1 u tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1570.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur, fi kwalunkwe każ, min-naħa tal-konvenuta, tal-Artikolu 8(1), (9) u (10) u tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036 al-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea, meta invalidat il-fatturi kummerċjali u sussegwentement tat struzzjonijiet lid-dipartimenti tad-dwana sabiex jiġbru dazji bħallieku ebda fattura kummerċjali ma kienet inħarġet u ġiet ikkomunikata lid-dipartimenti tad-dwana meta l-merkanzija ġiet iddikjarata sabiex tiġi rrilaxxata f’ċirkolazzjoni libera.

    Għaldaqstant ir-rikorrent jqajjmu l-motiv ta’ illegalità tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/367 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE)2017/366 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jimponi dazji kumpensatorji fuq l-importazzjoni ta' moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jagħtu lill-konvenuta s-setgħa li tiddikjara fatturi kummerċjali invalidi u li tordna lid-dipartimenti tad-dwana jiġbru d-dazji fuq importazzjonijiet imwettqa fl-imgħoddi u r-rilaxxi għal ċirkolazzjoni libera.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-premessa li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li s-setgħat li fuqhom ibbażat lilha nnifisha l-konvenuta ma skadewx u l-konvenuta kellha d-dritt timponi dazji b’mod retroattiv, dawn id-dazji ma jistgħux jinġabru fuq pannelli fotovoltajċi li, jew inbigħu lil parti kkonċernata qabel it-30 ta’ Settembru 2014 u użati minnha f’ċentrali fotovoltajka proprjetà tagħha, jew qatt ma nbigħu lil klijent indipendenti u maħżuna.


    Top