Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0690

    Kawża T-690/19: Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ottubru 2019 – Daily Mail and General Trust plc et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 432, 23.12.2019, p. 60–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 432/60


    Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ottubru 2019 – Daily Mail and General Trust plc et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-690/19)

    (2019/C 432/72)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Daily Mail and General Trust plc (Londra, ir-Renju Unit), Ralph US Holdings (Londra) u Daily Mail and General Holdings Ltd (Londra) (rappreżentanti: J. Lesar, Solicitor, u K. Beal QC)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-2 ta’ April 2019, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit f’dak li jirrigwarda ċ-CFC Group Financing Exemption (l-eżenzjoni fuq il-finanzjament tal-gruppi fil-kuntest tar-regoli relatati mal-kumpanniji barranin ikkontrollati) kollha kemm hi, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti jew lil waħda minnhom;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw għaxar motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(1) TFUE u/jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għażlet il-qafas ta’ referenza għall-analiżi tas-sistema fiskali. Il-Kummissjoni kellha tieħu s-sistema Brittanika ta’ intaxxar tal-kumpanniji bħala qafas ta’ referenza, u mhux biss is-sistema tal-kumpanniji barranin ikkontrollati (KBK).

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat l-Artikolu 107(1) TFUE u/jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi segwiet approċċ żbaljat għall-analiżi tas-sistema tal-KBK. Fil-premessi 124 sa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 9 tal-Part 9A tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 [il-Liġi dwar id-Dispożizzjonijiet Fiskali (Internazzjonali u Oħrajn) tal-2010] bħala tip ta’ deroga għal taxxa ġenerali li tinsab fil-Kapitolu 5 ta’ din il-liġi.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat l-Artikolu 107(1) TFUE meta kkonstatat, fil-premessi 127 sa 151 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kriterju ta’ selettività kien issodisfat sa fejn impriżi li kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet fattwali u legali paragunabbli kienu ġew ittrattati b’mod differenti.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li l-eżenzjoni “integrali” prevista fl-Artikolu 371IB tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 [il-Liġi dwar id-Dispożizzjonijiet Fiskali (Internazzjonali u Oħrajn) tal-2010] hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali.

    5.

    Il-ħames motiv, ibbażat fuq li l-eżenzjoni ta’ 75 % prevista fl-Artikolu 371ID tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 [il-Liġi dwar id-Dispożizzjonijiet Fiskali (Internazzjonali u Oħrajn) tal-2010] hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali.

    6.

    Is-sitt motiv, ibbażat fuq li l-impożizzjoni ta’ piż fiskali fuq il-KBK li tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet previsti fl-imsemmi Kapitolu 9 bħala klassi tikser il-libertà ta’ stabbiliment tar-rikorrenti stabbilita fl-Artikolu 49 TFU.

    7.

    Is-seba’ motiv, ibbażat fuq it-twettiq ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkonċerna l-eżenzjoni ta’ 75 % u l-kwistjoni tal-proporzjon fiss.

    8.

    It-tmien motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tosservax il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ nondiskriminazzjoni jew ta’ ugwaljanza.

    9.

    Id-disa’ motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat b’analoġija d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 (1), li ma kinux applikabbli ratione temporis, jew billi bbażat b’mod inġustifikat fuqhom.

    10.

    L-għaxar motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat l-Artikolu 107(1) TFUE meta kkonstatat fil-premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata li kategorija ta’ benefiċjarji kienet teżisti (li kienet tinkludi r-rikorrenti) u li dawn (ir-rikorrenti) kienu kisbu għajnuna li kellha tiġi rkuprata skont l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata.


    (1)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU 2016, L 193, p. 1).


    Top