EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0299

Kawża T-299/18: Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2018 – Strabag Belgium vs Il-Parlament

ĠU C 259, 23.7.2018, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

201807060581993892018/C 259/562992018TC25920180723MT01MTINFO_JUDICIAL20180516414221

Kawża T-299/18: Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2018 – Strabag Belgium vs Il-Parlament

Top

C2592018MT4110120180516MT0056411422

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2018 – Strabag Belgium vs Il-Parlament

(Kawża T-299/18)

2018/C 259/56Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Strabag Belgium (Antwerpen, il-Belġju) (rappreżentanti: M. Schoups, K. Lemmens u M. Lahbib, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara din it-talba għal annullament ammissibbli u fondata;

konsegwentement, tiddeċiedi l-annullament (i) tad-deċiżjoni tad-19 ta’ April 2018 li tikkonferma d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2017 li l-kuntratt li għandu bħala għan kuntratt-qafas ta’ xogħolijiet ta’ impriża ġenerali għall-binjiet tal-Parlament Ewropew fi Brussell (Sejħa għal offerti Nru 06/D20/2017/M036) jingħata lil ħames offerenti minbarra lil SA Strabag Belgium u mhux lil din tal-aħħar, u (ii) tar-rapport ta’ analiżi tal-offerti (addendum) redatt fis-26 ta’ Marzu 2018 mill-kumitat ta’ evalwazzjoni maħtur mill-uffiċjal awtorizzanti kompetenti;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha tal-kawża inkluż l-ispejjeż proċedurali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur:

(i)

tal-Artikolu 110(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 286, p. 1), li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tadotta atti delegati b’mod konformi mal-Artikolu 210 f’dak li jikkonċerna l-metodi relattivi għall-kriterji ta’ għoti, inkluża l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża;

(ii)

tal-Artikolu 151 emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2462 tat-30 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 342, p. 7), li jistabbilixxi r-regoli applikabbli fil-qasam tal-offerti anormalment baxxi, kif ukoll

(iii)

tal-Artikolu 102 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi.

Ir-rikorrenti tqis li dawn ir-regoli ġew miksura sa fejn id-deċiżjoni kkontestata:

(i)

tindika le ebda element prodott, jew fl-offerti mressqa, jew fl-ispjegazzjonijiet addizzjonali mitluba sussegwentement, ma jippermetti li jiġi affermat li l-offerta ta’ waħda mill-kumpanniji offerenti hija anormalment baxxa fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli u

(ii)

tiddeskrivi l-offerta msemmija iktar ’il fuq bħala l-offerta regolari l-iktar baxxa mingħajr motivazzjoni adegwata, filwaqt li l-offerta ta’ din tal-aħħar manifestament ma hijiex l-offerta regolari l-iktar baxxa, li din tinkludi prezzijiet anormalment baxxi u li jmissha ġiet iddikjarata irregolari u miċħuda wara eżami iktar konkret u ddettaljat imwettaq mill-Parlament Ewropew.

Top