EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CA0815

Kawża C-815/18: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Diċembru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden – il-Pajjizi Baxxi) – Federatie Nederlandse Vakbeweging vs Van den Bosch Transporten BV, Van den Bosch Transporte GmbH, Silo-Tank kft (“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 96/71/KE – Artikolu 1(1) u (3) u Artikolu 2(1) – Stazzjonar ta’ ħaddiema fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Xufiera internazzjonali tat-toroq – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘ħaddiem stazzjonat’ – Operazzjonijiet ta’ kabotaġġ – Artikolu 3(1), (3) u (8) – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ftehimiet kollettivi ddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali”)

ĠU C 35, 1.2.2021, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Diċembru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden – il-Pajjizi Baxxi) – Federatie Nederlandse Vakbeweging vs Van den Bosch Transporten BV, Van den Bosch Transporte GmbH, Silo-Tank kft

(Kawża C-815/18) (1)

(“Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 96/71/KE - Artikolu 1(1) u (3) u Artikolu 2(1) - Stazzjonar ta’ ħaddiema fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi - Xufiera internazzjonali tat-toroq - Kamp ta’ applikazzjoni - Kunċett ta’ ‘ħaddiem stazzjonat’ - Operazzjonijiet ta’ kabotaġġ - Artikolu 3(1), (3) u (8) - Artikolu 56 TFUE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Ftehimiet kollettivi ddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali”)

(2021/C 35/04)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Federatie Nederlandse Vakbeweging

Konvenuti: Van den Bosch Transporten BV, Van den Bosch Transporte GmbH, Silo-Tank kft

Dispożittiv

1)

Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija applikabbli għall-provvisti ta’ servizzi transnazzjonali fis-settur tat-trasport bit-triq.

2)

L-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 96/71, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ħaddiem li jeżerċita attività ta’ xufier fis-settur tat-trasport internazzjonali bit-triq, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ charter bejn l-impriża li timpjegah, stabbilita fi Stat Membru, u impriża li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak li fih il-persuna kkonċernata tkun taħdem abitwalment, huwa ħaddiem stazzjonat fit-territorju ta’ Stat Membru fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meta t-twettiq tax-xogħol tiegħu jkollu, għall-perijodu limitat inkwistjoni, rabta suffiċjenti ma’ dan it-territorju. L-eżistenza ta’ tali rabta hija ddeterminata fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali ta’ elementi bħan-natura tal-attivitajiet imwettqa mill-ħaddiem ikkonċernat fl-imsemmi territorju, il-livell ta’ intensità tar-rabta tal-attivitajiet ta’ dan il-ħaddiem mat-territorju ta’ kull Stat Membru li huwa jopera fih kif ukoll il-parti li l-imsemmija attivitajiet jirrappreżentaw hemmhekk fis-servizz ta’ trasport kollu.

Il-fatt li xufier internazzjonali tat-toroq, li jkun tqiegħed minn impriża stabbilita fi Stat Membru fid-dispożizzjoni ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, jirċievi l-istruzzjonijiet inerenti għall-missjonijiet tiegħu, jibdihom jew jispiċċahom fis-sede ta’ din it-tieni impriża ma huwiex biżżejjed fih innifsu, sabiex jitqies li dan ix-xufier ġie stazzjonat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, fis-sens tad-Direttiva 96/71, peress li t-twettiq tax-xogħol tal-imsemmi xufier ma jkollux, abbażi ta’ fatturi oħra, rabta suffiċjenti ma’ dan it-territorju.

3)

L-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 96/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżistenza ta’ rabta ta’ grupp bejn l-impriżi li huma partijiet fil-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema ma hijiex, bħala tali, rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ stazzjonar ta’ ħaddiema.

4)

L-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 96/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ħaddiem li jeżerċita attività ta’ xufier fis-settur tat-trasport bit-triq u li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ charter bejn l-impriża li timpjegah, stabbilita fi Stat Membru, u impriża li tinsab fi Stat Membru ieħor, iwettaq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li fih huwa jaħdem abitwalment, għandu, bħala prinċipju, jitqies bħala stazzjonat fit-territorju tal-Istat Membru li fih isiru dawn l-operazzjonijiet. It-tul tal-operazzjoni ta’ kabotaġġ huwa element irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali stazzjonar, bla ħsara għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva.

5)

L-Artikolu 3(1) u (8) tad-Direttiva 96/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni dwar jekk ftehim kollettiv ġiex iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali għandha tiġi evalwata b’riferiment għad-dritt nazzjonali applikabbli. Ftehim kollettiv ta’ xogħol li ma jkunx ġie ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, iżda li l-osservanza tiegħu tikkundizzjona, għall-impriżi li jaqgħu taħtu, l-eżenzjoni mill-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol ieħor iddikjarat, min-naħa tiegħu, ta’ applikazzjoni ġenerali, u li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma essenzjalment identiċi għal dawk ta’ dan il-ftehim kollettiv ta’ xogħol ieħor, jissodisfa l-kunċett imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet.


(1)  ĠU C 122, 01.04.2019.


Top