EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0108

Kawża T-108/15: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2015 – Bundesverband Glasindustrie et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 138, 27.4.2015, p. 63–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/63


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2015 – Bundesverband Glasindustrie et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-108/15)

(2015/C 138/82)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Bundesverband Glasindustrie (Düsseldorf, il-Ġermanja), Gerresheimer Lohr GmbH (Lohr, il-Ġermanja), Gerresheimer Tettau GmbH (Tettau, il-Ġermanja), Noelle + von Campe Glashütte GmbH (Boffzen, il-Ġermanja), Odenwald Faserplattenwerk GmbH (Amorbach, il-Ġermanja), O-I Glasspack GmbH & Co. KG (Düsseldorf), Pilkington Deutschland AG (Gelsenkirchen, il-Ġermanja), Schott AG (Mainz, il-Ġermanja), SGD Kipfenberg GmbH (Kipfenberg, il-Ġermanja), Thüringer Behälterglas GmbH Schleusingen (Schleusingen, il-Ġermanja), Neue Glaswerke Großbreitenbach GmbH & Co. KG (Großbreitenbach, il-Ġermanja), HNG Global GmbH (Gardelegen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: U. Soltész u C. von Köckritz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikoli 1 u 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-25 ta’ Novembru 2014, Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex NN 2013/NN), C(2014) 8786 finali, dwar is-sostenn għal elettriku rinnovabbli u soprataxxa-EEG imnaqqsa għal utenti intensivi tal-enerġija, sa fejn dawn id-dispożżizzjonijiet jikkonstataw

(i)

li l-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija li jiġġeddu fuq il-bażi tal-liġi Ġermaniża dwar il-prijorità mogħtija lill-enerġiji li jiġġeddu (Erneuerbare-Energien-Gesetz tal-25 ta’ Ottubru 2008, fil-verżjoni emendata fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2012 – EEG 2012), bil-mekkaniżmu ta’ finanzjament tagħha, u

(ii)

is-sostenn għat-tnaqqis tat-taxxa EEG għall-impriżi b’konsum għoli ta’ enerġija (skema speċjali ta’ kumpens) previst fl-Artikoli 40 et seq tal-EEG 2012 għall-2013 u għall-2014, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE li ġiet eżegwita bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE;

tannulla l-Artikoli 2, 3(2), 6, 7 u 8 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonstataw l-inkompatibbiltà tal-iskema speċjali ta’ kumpens mas-suq intern u jordnaw ir-rimbors tal-għajnuna;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

1.

L-iskema speċjali ta’ kumpens ma tinvolvi ebda għajnuna statali fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li din ma tintroduċi ebda vantaġġ. Il-Kummissjoni tippreżumi b’mod żbaljat li l-iskema speċjali ta’ kumpens tiffavorixxi lill-impriżi b’konsum għoli ta’ enerġija b’mod li tikkostitwixxi għajnuna skont il-liġi.

2.

Il-mekkaniżmu tat-taxxa EEG u l-iskema speċjali ta’ kumpens ma tinkludix għajnuna mill-Istat, peress li dawn ma jirrikorrux għar-riżorsi statali. Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni taffettwa biss riżorsi ta’ natura privata. Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mas-sentenza PreussenElektra.

3.

Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħhha, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li l-iskema speċjali ta’ kumpens kienet ta’ natura selettiva. Madankollu, din ma tintroduċi ebda deroga mis-sistema ta’ referenza. Fi kwalunkwe każ, l-iskema speċjali ta’ kumpens hija ġġustifikata min-natura tal-istruttura tal-EEG 2012.

4.

Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta evalwat il-possibbiltà ta’ awtorizzazzjoni tal-iskema speċjali ta’ kumpens biss fuq il-bażi tal-Linji Gwida l-ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-enerġija għall-perijodu 2014-2020.

5.

Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema speċjali ta’ kumpens tikkostitwixxi għajnuna li ma tistax tiġi awtorizzata, azzjoni għal irkupru tkun madankollu inammissibbli, peress li din hija “għajnuna eżistenti”.

6.

Barra minn hekk, l-azzjoni għal irkupru hija eskluża mill-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonstatat f’deċiżjoni preċedenti li l-iskema stabbilita mill-EEG ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

7.

Finalment, ma huwiex possibbli li jiġi implementat ordni ta’ rkupru għall-iskema speċjali ta’ kumpens.


Top