Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0048

    Kawża C-48/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju) fis-6 ta’ Frar 2015 – État belge – SPF Finances vs ING International SA, suċċessur fid-drittijiet u l-obbligi ta’ ING Dynamic SA

    ĠU C 138, 27.4.2015, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.4.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 138/32


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju) fis-6 ta’ Frar 2015 – État belge – SPF Finances vs ING International SA, suċċessur fid-drittijiet u l-obbligi ta’ ING Dynamic SA

    (Kawża C-48/15)

    (2015/C 138/44)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Qorti tar-rinviju

    Cour d’appel de Bruxelles

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: État belge – SPF Finances

    Konvenuta: ING International SA, suċċessur fid-drittijiet u l-obbligi ta’ ING Dynamic SA

    Domandi preliminari

    1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (1) u b’mod iktar preċiż l-Artikoli 2, 4, 10 u 11 flimkien tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali bħall-Artikoli 161 u 162 tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni, emendati bil-Liġi-programm tat-22 ta’ Diċembru 2003, dwar it-taxxa fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv, sa fejn l-imsemmija taxxa tiġi imposta b’mod annwali fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju fi Stat Membru ieħor u li jikkummerċjalizzaw l-ishma tagħhom fil-Belġju, fuq l-ammont totali tal-ishma tagħhom sottoskritti fil-Belġju mnaqqas bl-ammont tax-xiri mill-ġdid jew tar-rimborsi ta’ tali sottoskrizzjonijiet, bil-konsegwenza li s-somom miġbura fil-Belġju minn tali impriżi ta’ investiment kollettiv jiġu suġġetti għall-imsemmija taxxa sakemm dawn jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-imsemmija impriżi?

    2)

    L-Artikoli 49 sa 55 u 56 sa [60] tat-Trattat KE, jekk ikun il-każ moqrija flimkien mal-Artikolu 10 u mat-tieni inċiż tal-Artikolu 293 tat-Trattat KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li Stat Membru jemenda b’mod unilaterali l-kriterju ta’ rabta ta’ taxxa bħal dak previst fl-Artikoli 161 et seq tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni sabiex il-kriterju ta’ rabta ratione personae bbażat fuq ir-residenza tal-persuna taxxabbli u stabbilit mid-dritt fiskali internazzjonali jiġi ssostitwit permezz ta’ allegat kriterju ta’ rabta reali li ma huwiex stabbilit mid-dritt fiskali internazzjonali fid-dawl tal-fatt li sabiex tiġi stabbilita s-sovranità fiskali tiegħu, l-Istat Membru jadotta sanzjoni speċifika bħal dik prevista fl-Artikolu 162(3) tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni, fir-rigward tal-operaturi barranin biss?

    3)

    L-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat KE, jekk ikun il-każ moqrija flimkien mal-Artikolu 10 u mat-tieni inċiż tal-Artikolu 293 tat-Trattat KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu taxxa bħal dik deskritta iktar ’il fuq, li, sa fejn bl-ebda mod ma tieħu inkunsiderazzjoni t-taxxi li diġà huma imposti, fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fi Stat Membru ieħor, tirrappreżenta oneru pekunjarju addizzjonali ta’ natura li jxekkel il-kummerċjalizzazzjoni tal-ishma tagħhom fil-Belġju?

    4)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 85/661/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (2), jekk ikun il-każ moqrija flimkien mal-Artikolu 10 u mat-tieni inċiż tal-Artikolu 293 tat-Trattat KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi taxxa bħal dik deskritta iktar ’il fuq sa fejn din tippreġudika l-għan prinċipali tad-direttiva li tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tal-ishma ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv fl-Unjoni Ewropea?

    5)

    L-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-oneri amministrattivi maħluqa mill-impożizzjoni ta’ taxxa bħal dik deskritta iktar ’il fuq, fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jikkummerċjalizzaw l-ishma tagħhom fil-Belġju?

    6)

    L-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali bħall-Artikolu 162(2) tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa tas-Suċċessjoni sa fejn din id-dispożizzjoni tissuġġetta għal sanzjoni speċifika l-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jikkummerċjalizzaw l-ishma tagħhom fil-Belġju, jiġifieri l-projbizzjoni, ordnata minn qorti, li fil-futur jitqiegħdu ishma fil-Belġju fil-każ li jonqsu milli jissottomettu d-dikjarazzjoni tagħhom sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa deskritta iktar ’il fuq?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11.

    (2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139.


    Top