Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CA0432

    Kawża C-432/15: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Nejvyšší správní soud – Ir-Repubblika Ċeka) – Odvolací finanční ředitelství vs Pavlína Baštová (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 2(1)(ċ) — Kunċett ta’ “provvista ta’ servizz bi ħlas” — It-tqegħid ta’ żiemel minn persuna taxxabbli għad-dispożizzjoni ta’ organizzatur ta’ tiġrijiet taż-żwiemel — Evalwazzjoni tal-korrispettiv — Dritt għal tnaqqis tal-ispejjeż marbuta mal-preparazzjoni taż-żwiemel tal-persuna taxxabbli għat-tiġrijiet — Spejjeż ġenerali marbuta mat-totalità tal-attività ekonomika — Anness III, punt 14 — Rata mnaqqsa tal-VAT applikabbli għad-dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi — Applikabbiltà għall-operat ta’ stalla taż-żwiemel tat-tiġrija — Tranżazzjoni kkostitwita minn provvista unika jew minn diversi provvisti indipendenti)

    ĠU C 14, 16.1.2017, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.1.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 14/14


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Nejvyšší správní soud – Ir-Repubblika Ċeka) – Odvolací finanční ředitelství vs Pavlína Baštová

    (Kawża C-432/15) (1)

    ((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tassazzjoni - Taxxa fuq il-valur miżjud - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 2(1)(ċ) - Kunċett ta’ “provvista ta’ servizz bi ħlas” - It-tqegħid ta’ żiemel minn persuna taxxabbli għad-dispożizzjoni ta’ organizzatur ta’ tiġrijiet taż-żwiemel - Evalwazzjoni tal-korrispettiv - Dritt għal tnaqqis tal-ispejjeż marbuta mal-preparazzjoni taż-żwiemel tal-persuna taxxabbli għat-tiġrijiet - Spejjeż ġenerali marbuta mat-totalità tal-attività ekonomika - Anness III, punt 14 - Rata mnaqqsa tal-VAT applikabbli għad-dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi - Applikabbiltà għall-operat ta’ stalla taż-żwiemel tat-tiġrija - Tranżazzjoni kkostitwita minn provvista unika jew minn diversi provvisti indipendenti))

    (2017/C 014/18)

    Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

    Qorti tar-rinviju

    Nejvyšší správní soud

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Odvolací finanční ředitelství

    Konvenuta: Pavlína Baštová

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix provvista ta’ servizzi bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tqegħid ta’ żiemel mill-proprjetarju tiegħu, persuna suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud, għad-dispożizzjoni tal-organizzatur ta’ tiġrija taż-żwiemel għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tal-imsemmi żiemel f’din it-tiġrija, fil-każ li dan ma jagħtix lok għall-ħlas ta’ imposta għall-parteċipazzjoni jew għal remunerazzjoni oħra diretta u fil-każ li l-proprjetarji biss ta’ żwiemel li kellhom kklassifika tajba fi tmiem it-tiġrija jirċievu premju fi flus, anki jekk iffissat minn qabel. Min-naħa l-oħra, tali tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ żiemel jikkostitwixxi provvista ta’ servizz bi ħlas fil-każ li dan jagħti lok għall-ħlas, mill-organizzatur, ta’ remunerazzjoni indipendenti mill-klassifikazzjoni taż-żiemel inkwistjoni fi tmiem it-tiġrija.

    2)

    Id-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li jeżisti dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa fuq tranżazzjonijiet relatati mal-preparazzjoni u mal-parteċipazzjoni fit-tiġrijiet taż-żwiemel li huma proprjetà tal-persuna taxxabbli, li trabbi u tħarreġ iż-żwiemel tat-tiġrija tagħha stess kif ukoll dawk ta’ terzi, għar-raġuni li l-ispejjeż relatati ma’ dawn it-trażazzjonijiet jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali marbuta mal-attività ekonomika tagħha, sakemm l-ispejjeż imġarrba għal kull waħda mit-tranżazzjonijiet inkwistjoni jkollhom rabta diretta u immedjata mat-totalità ta’ din l-attività. Dan jista’ jkun il-każ jekk l-ispejjeż hekk imġarrba jkunu relatati maż-żwiemel tat-tiġrija effettivament iddestinati għall-bejgħ jew jekk il-parteċipazzjoni tal-imsemmija żwiemel fit-tiġrijiet hija, minn perspettiva oġġettiva, mezz sabiex tiġi promossa l-attività ekonomika, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fil-każ li tali dritt għal tnaqqis jeżisti, il-premju fi flus li jkun, skont il-każ, intrebaħ mill-persuna taxxabbli abbażi tal-klassifikazzjoni ta’ wieħed miż-żwiemel tagħha fi tmiem tiġrija ta’ żwiemel ma għandux jiġi inkluż fil-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

    3)

    L-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkiem mal-punt 14 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li provvista ta’ servizzi kumplessa unika, komposta minn diversi elementi relatati, b’mod partikolari, mat-taħriġ taż-żwiemel, mal-użu ta’ faċilitajiet sportivi, mal-akkomodazzjoni taż-żwiemel fi stalla, mal-għalf u ma’ kura oħra mogħtija liż-żwiemel ma tistax tiġi suġġetta għal rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta l-użu ta’ faċilitajiet sportivi fis-sens tal-punt 14 tal-Anness III ta’ din id-direttiva u t-taħriġ taż-żwiemel jikkostitwixxu żewġ elementi ekwivalenti ta’ din il-provvista kumplessa unika jew meta t-taħriġ taż-żwiemel jikkostitwixxi l-element prinċipali tal-imsemmija provvista, u dan għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.


    (1)  ĠU C 371, 9.11.2015.


    Top