Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CA0327

    Kawża C-327/15: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Østre Landsret – id-Danimarka) – TDC A/S vs Teleklagenævnet, Erhvervs- og Vækstministeriet [Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/22/KE — Servizz universali — Artikoli 12 u 13 — Kalkolu tal-ispejjeż tal-obbligi ta’ servizz universali — Artikolu 32 — Kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali — Effett dirett — Artikolu 107(1) TFUE u Artikolu 108(3) TFUE — Servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima żgurati fid-Danimarka u fi Greenland — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Tressiq ta’ talba għall-kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali — Terminu ta’ tliet xhur — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività]

    ĠU C 53, 20.2.2017, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 53/13


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Østre Landsret – id-Danimarka) – TDC A/S vs Teleklagenævnet, Erhvervs- og Vækstministeriet

    (Kawża C-327/15) (1)

    ([Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Direttiva 2002/22/KE - Servizz universali - Artikoli 12 u 13 - Kalkolu tal-ispejjeż tal-obbligi ta’ servizz universali - Artikolu 32 - Kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali - Effett dirett - Artikolu 107(1) TFUE u Artikolu 108(3) TFUE - Servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima żgurati fid-Danimarka u fi Greenland - Leġiżlazzjoni nazzjonali - Tressiq ta’ talba għall-kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali - Terminu ta’ tliet xhur - Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività])

    (2017/C 053/15)

    Lingwa tal-kawża: id-Daniż

    Qorti tar-rinviju

    Østre Landsret

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: TDC A/S

    Konvenut: Teleklagenævnet, Erhvervs- og Vækstministeriet

    Dispożittiv

    1)

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), u, b’mod partikolari, l-Artikolu 32 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mekkaniżmu ta’ kumpens għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali li jipprovdi li impriża ma għandhiex dritt għall-kumpens mill-Istat Membru tal-ispiża netta tal-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali meta l-bilanċ pożittiv iġġenerat minn din l-impriża fil-kuntest ta’ servizzi oħra li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali tagħha jkun ikbar mill-bilanċ negattiv marbut mal-provvista ta’ dan is-servizz obbligatorju addizzjonali.

    2)

    Id-Direttiva 2002/22 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li impriża maħtura bħala fornitur ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali għandha dritt għall-kumpens mill-Istat Membru tal-ispiża netta tal-provvista ta’ dawn is-servizzi fil-każ biss li din l-ispiża tikkostitwixxi piż mhux iġġustifikat għal din l-impriża.

    3)

    Id-Direttiva 2002/22 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ispiża netta sostnuta minn impriża maħtura sabiex tissodisfa obbligu ta’ servizz universali tirriżulta mid-differenza bejn id-dħul kollu u l-ispejjeż kollha marbuta mal-provvista tas-servizz inkwistjoni, inklużi d-dħul u l-ispejjeż li l-impriża kienet xorta waħda tirreġistra li kieku ma kinitx operatur ta’ servizz universali.

    4)

    F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-impriża inkarigata b’servizz obbligatorju addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22 ma tipprovdix dan is-servizz fit-territorju tad-Danimarka biss, iżda wkoll f’dak ta’ Greenland, ma għandux effett fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

    5)

    L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett sa fejn jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jġiegħlu lill-impriża inkarigata bil-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali ssostni l-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, marbuta ma’ din il-provvista.

    6)

    Il-prinċipji ta’ lealtà, ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta t-tressiq, mill-operatur inkarigat b’servizz universali, ta’ talbiet għall-kumpens għall-bilanċ negattiv tas-sena finanzjarja preċedenti għal terminu ta’ tliet xhur li jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu impost fuq dan l-operatur sabiex jikkomunika rapport annwali lill-awtorità nazzjonali kompetenti, bil-kundizzjoni li dan it-terminu ma jkunx inqas favorevoli minn dak previst fid-dritt nazzjonali għal talba analoga u li ma jkunx ta’ natura li jagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-impriżi mid-Direttiva 2002/22, kwistjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.


    (1)  ĠU C 294, 7.9.2015.


    Top