Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0658

    Kawża T-658/14: Rikors ippreżentat fit- 12 ta’ Settembru 2014 – Jurašinović vs Il-Kunsill

    ĠU C 380, 27.10.2014, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 380/23


    Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2014 – Jurašinović vs Il-Kunsill

    (Kawża T-658/14)

    2014/C 380/30

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Ivan Jurašinović (Angers, Franza) (rappreżentant: O. Pfligersdorffer, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrent

    tannulla d-deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2014 sa fejn din illimitat l-aċċess tar-rikorrent għad-dokumenti msemmija fl-Anness 3 tad-deċiżjoni billi invokat il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u billi neħħiet minn dan il-kap id-dokumenti mitluba;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas, lir-rikorrent, tas-somma ta’ EUR 5  000 eskluża t-taxxa, jiġifieri EUR 6  000 taxxa u spejjeż inklużi bħala kumpens proċedurali bl-interessi bir-rata tal-BĊE fid-data tar-reġistrazzjoni tar-rikors;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni relatat mal-eċċezzjoni ta’ protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (1), sa fejn il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Jurašinović vs Il-Kunsill (T-63/10, EU:T:2012:516) li b’eżekuzzjoni tagħha ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, li minkejja li l-eċċezzjoni kienet applikabbli, f’dan il-każ ma setgħetx tkun ta’ suċċess.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni relatat mal-eċċezzjoni ta’ effett ħażin fuq il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn id-dokumenti inwistjoni jikkonċernaw informazzjoni li toriġina mill-Unjoni Ewropea u mhux mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod li l-fluss ta’ informazzjoni ta’ din l-entità ma huwiex ikkontestat.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni relatat mal-eċċezzjoni ta’ interess pubbliku superjuri li jippermetti, b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li ssir deroga mill-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali, sa fejn, minn naħa, il-proċess ikkonċernat mid-dokumenti llum huwa definittavment mitmum u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Kroazja llum hija Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.


    (1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


    Top