Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0561

Kawża C-561/14: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fil- 5 ta’ Diċembru 2014 – Caner Genc vs Udlændingenævnet

ĠU C 65, 23.2.2015, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/24


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fil-5 ta’ Diċembru 2014 – Caner Genc vs Udlændingenævnet

(Kawża C-561/14)

(2015/C 065/34)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Caner Genc

Konvenut: Udlændingenævnet

Domandi preliminari

1)

Ir-regola ta’ Standstill inkluża fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u mehmuża mal-Ftehim li jwaqqaf Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u/jew ir-regola ta’ Standstill li tinsab fl-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell kif ikkonfermat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72 (1), tad-19 ta’ Diċembru 1972 għandhom jiġu interpetati fis-sens li kundizzjonijiet ġodda li jirrestrinġu l-aċċess għar-riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward tal-membri tal-familja li ma jkunux ekonomikament attivi, b’mod partikolari l-ulied minuri ta’ ċittadini Torok li jkunu ekonomikament attivi u li jkunu jirrisjedu u jkollhom permess ta’ residenza fi Stat Membru, jaqgħu taħt l-obbligu ta’ Standstill fid-dawl:

a)

tal-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-regoli ta’ Standstill fis-sentenzi Derin (C-325/05, EU:C:2007:442), Dülger (C-451/11, EU:C:2012:504); Ziebell (C-371/08, EU:C:2011:809), u Demirkan (C-221/11, EU:C:2013:583),

b)

tal-għan u tal-kontenut tal-Ftehim ta’ Ankara kif ġew interpretati fis-sentenzi Ziebell u Demirkan, kif ukoll fid-dawl:

tal-fatt li l-Ftehim u l-protokolli u deċiżjonijiet marbuta miegħu ma jinkludux dispożizzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja u

tal-fatt li r-riunifikazzjoni tal-familja f’dik li dak iż-żmien kienet il-Komunità Ewropea u li issa hija l-Unjoni Ewropea dejjem kienet irregolata b’atti ta’ dritt derivat, attwalment bid-Direttiva dwar ir-residenza (Direttiva 2004/38/KE) (2)?

2.

Fir-risposta għad-domanda 1, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tindika jekk eventwali dritt derivat għar-riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ ċittadini Torok ekonomikament attivi li jkollhom permess ta’ residenza u jkunu jirrisjedu fi Stat Membru jiswiex għall-membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni 1/80 jekk dan japplikax biss għall-membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok li jaħdmu għal rashom fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali?

3.

F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1 u għad-domanda 2, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tindika jekk ir-regola ta’ Standstill inkluża fl-Artikolu 13(1) tad-Deċiżjoni 1/80 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li restrizzjonijiet ġodda li jkunu “iġġustifikat[i] minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, […] intiż[i] sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan leġittimu mixtieq u [li ma jmorrux] lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq” (lil hinn minn dak indikat fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni 1/80) huma leġittimi?

4.

F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 3, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab b’mod partikolari tindika:

a)

skont liema linji gwida jeħtieġ li jsiru t-test tar-restrizzjoni u l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tindika jekk għandhomx jiġu segwiti l-istess prinċipji misluta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja fil-kuntest tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni li huma bbażati fuq id-Direttiva dwar ir-residenza (Direttiva 2004/38) u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jew jekk hemmx lok li ssir evalwazzjoni differenti?

b)

jekk jeħtieġ li ssir evalwazzjoni differenti minn dik li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja fil-kuntest tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tindika jekk hemmx lok li jsir riferiment għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità mwettqa fil-kuntest tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali fuq id-dritt tar-rispett tal-ħajja tal-familja fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – u jekk dan ma huwiex il-każ allura liema huma l-prinċipji li japplikaw?

ċ)

Irrispettivament mill-metodu ta’ evalwazzjoni li għandu jiġi applikat:

Regola bħal dik tal-Artikolu 9(16) tal-Liġi Daniża dwar il-barranin (li qabel kien l-Artikolu 9(13) – li tistabbilixxi li r-riunifikazzjoni tal-familja bejn persuna li tkun ċittadin ta’ pajjiż terz u li jkollha permess ta’ residenza u tirrisjedi fid-Danimarka u l-wild minuri tagħha hija suġġetta, fil-każ fejn il-wild minuri u l-ġenitur tiegħu jkunu jirrisjedu fil-pajjiż ta’ oriġini jew f’pajjiż ieħor, għall-kundizzjoni li l-wild minuri jkollu, jew ikollu l-possibbiltà li jistabbilixxi, rabta mad-Danimarka li tkun suffiċjenti sabiex tippermetti l-integrazzjoni b’suċċess fil-pajjiż – tista’ tiġi kkunsidrata li hija “iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, […] intiża sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan leġittimu mixtieq u [li ma tmurx] lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dan jintlaħaq”?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, li jikkonkludi l-protokoll addizzjonali u l-protokoll finanzjarju ffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 u mehmuż mal-Ftehim li jwaqqaf Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Europea u t-Turkija u li jikkonċerna l-miżuri li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41).

(2)  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


Top