Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0198

    Kawża C-198/14: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Helsingin hovioikeus (il-Finlandja) fit- 22 ta’ April 2014 – Valev Visnapuu vs Kihlakunnansyyttäjä (Helsinki), Suomen valtio – Tullihallitus

    ĠU C 202, 30.6.2014, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 202/13


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Helsingin hovioikeus (il-Finlandja) fit-22 ta’ April 2014 – Valev Visnapuu vs Kihlakunnansyyttäjä (Helsinki), Suomen valtio – Tullihallitus

    (Kawża C-198/14)

    2014/C 202/15

    Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

    Qorti tar-rinviju

    Helsingin hovioikeus

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Valev Visnapuu

    Konvenut: Kihlakunnansyyttäjä (Helsinki), Suomen valtio – Tullihallitus

    Domandi preliminari

    1.

    Il-legalità tal-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar id-dazju tas-sisa fuq l-imballaġġ ta’ xorb, li tipprovdi li dan id-dażju jitħallas meta l-imballaġġ ma jifformax parti minn sistema ta’ restituzzjoni, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 118 TFUE minflok tal-Artikolu 34 TFUE? Is-sistema ta’ restituzzjoni għandha tkun sistema ta’ depożitu, li fil-kuntest tagħha l-persuna li tippakkja jew l-importatur ta’ xorb – li jaġixxi waħdu jew skont kif indikat fil-liġi Finlandiża dwar l-iskart jew fid-dispożizzjonijet korrispondenti applikabbli fil-provinċja ta’ Ahvenanmaa – jiżgura l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ tal-imballaġġ ta’ xorb billi jiġi żgurat li l-imballaġġ jimtela’ mill-ġdid jew jintuża bħala materja prima.

    2.

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-leġiżlazzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija konformi mal-Artikolu 1(1), mal-Artikolu 7 u mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 94/62/KEE (1), fid-dawl ukoll tal-Artikolu 110 TFUE?

    3.

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-leġiżlazzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija konformi mal-Artikolu 1(1), mal-Artikolu 7 u mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 94/62/KEE, fid-dawl ukoll tal-Artikolu 34 TFUE?

    4.

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar id-dazju tas-sisa fuq l-imballaġġ ta’ xorb għandha titqies li hija legali skont l-Artikolu 36 TFUE?

    5.

    F’sitwazzjoni fejn xerrej Finlandiż jakkwista, permezz tal-internet jew permezz ta’ mezzi oħrajn ta’ bejgħ mill-bogħod, xorb alkoħoliku mingħand bejjiegħ li jopera fi Stat Membru ieħor u li jiżgura l-kunsinna fil-Finlanda, jista’ r-rekwiżit, impost fuq kull min juża xorb alkoħoliku għal finijiet kummerċjali jew għal attivitajiet oħrajn ekonomiċi jeżiġi liċenzja speċjali għal bejgħ bl-imnut għall-attività tiegħu għal dak li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku, jitqies li jikkonċerna l-eżistenza jew il-funzjonament ta’ monopolju, b’tali mod li l-Artikolu 34 TFUE ma jipprekludihx u li huwa għandu għall-kuntrarju jiġi evalwat fid-dawl tal-Artikolu 37 TFUE?

    6.

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ħames domanda, ir-rekwiżit għal liċenzja huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-monopolji nazzjonali tal-Artikolu 37 TFUE?

    7.

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ħames domanda, u jekk l-Artikolu 34 għandu jiġi applikat f’dan il-każ, għandha l-leġiżlazzjoni Finlandiża, li tipprovdi li jekk xorb alkoħoliku jiġi ordnat barra mill-pajjiż permezz tal-internet jew permezz ta’ mezzi oħrajn ta’ bejgħ mill-bogħod, l-importazzjoni tiegħu għall-konsum personali jiġi awtorizzat biss jekk il-persuna stess li tordnah jew terz differenti mill-bejjiegħ jittrasportah fil-pajjiż, filwaqt li l-każijiet l-oħrajn ta’ importazzjoni huma suġġetti għall-eżistenza ta’ liċenzja skont il-Liġi Finlandiża fuq l-alkoħol, titqies li hija restrizzjoni kwantitattiva jew miżura ta’ effett ekwivalenti kuntrarja għal dan l-artikolu?

    8.

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċendenti, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ titqies li hija ġġustifikata u proporżjonata fid-dawl tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni?


    (1)  Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).


    Top