Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0600

    Kawża C-600/10: Rikors ippreżentat fis- 16 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    ĠU C 80, 12.3.2011, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.3.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 80/11


    Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    (Kawża C-600/10)

    2011/C 80/21

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal u W. Mölls, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 63 TFUE u 40 tal-Ftehim ŻEE billi żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet legali li jipprovdu li dividendi, imħallsa f’fondi ta’ pensjoni suġġetti għal obbligu fiskali limitat kif ukoll interessi, imħallsa f’dawn il-fondi ta’ pensjoni u f’riżervi ta’ pensjoni suġġetti għal obbligu fiskali limitat, jirċievu trattament fiskali inqas favorevoli meta mqabbel ma’ dak mogħti lid-dividendi jew lill-interessi, imħallsa f’riżervi ta’ pensjoni jew f’fondi ta’ pensjoni suġġetti għal obbligu fiskali limitat.

    tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Is-suġġett ta’ din il-kawża huwa l-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tipprovdi li dividendi, imħallsa f’fondi ta’ pensjoni (esteri) b’obbligu fiskali limitat kif ukoll interessi, imħallsa f’dawn il-fondi ta’ pensjoni u f’riżervi ta’ pensjoni b’obbligu fiskali limitat, jirċievu trattament fiskali inqas favorevoli meta mqabbel ma’ dak mogħti lid-dividendi jew lill-interessi, imħallsa f’riżervi ta’ pensjoni jew f’fondi ta’ pensjoni (nazzjonali) suġġetti għal obbligu fiskali limitat.

    Il-fondi ta’ pensjoni u r-riżervi ta’ pensjoni huma ppenalizzati meta mqabbla ma’ strumenti analogi nazzjonali u dan għal dawn it-tliet raġunijiet li ġejjin:

     

    Fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ taxxa fuq l-interessi mħallsa fir-riżervi ta’ pensjoni ma titħallas ebda taxxa fuq id-dħul mill-kapital u l-ebda taxxa fuq il-kumpanniji, ladarba l-benefiċjarja tal-interessi tkun riżerva ta’ pensjoni nazzjonali eżentata. B’dan il-mod, kwalunkwe taxxa fuq id-dħul inkwistjoni tkun inqas. Madankollu, għar-riżervi ta’ pensjoni esteri ma hemm prevista ebda eżenzjoni korrispondenti mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, b’tali mod li din tal-aħħar titħallas f’kull każ u, preċiżament, fl-ammont ta’ 25 % tal-ammont gross, flimkien mal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà.

     

    Fir-rigward ta’ impożizzjoni ta’ taxxa fuq id-dividendi mħallsa f’fondi ta’ pensjoni, il-fondi ta’ pensjoni nazzjonali jistgħu jerġgħu jimponu taxxa fuq id-dħul mill-kapital fi proċedura ta’ evalwazzjoni. Minn naħa, dan jippermetti tnaqqis fiskali tal-ispejjeż tal-operazzjoni u impożizzjoni limitata ta’ taxxa fuq id-dħul nett. Min-naħa l-oħra, dan jiddetermina kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital fuq il-bażi tat-taxxa normali dovuta, bil-konsegwenza li tiġi applikata r-rata normali ta’ 15 % tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Għaldaqstant, il-fondi ta’ pensjoni esteri ma jistgħu jiksbu ebda wieħed minn dawn il-vantaġġi: b’riferiment għalihom il-leġiżlazzjoni inkwistjoni teskludi kompletament tnaqqis tal-ispejjeż tal-operat, inklużi dawk konnessi direttament mad-dħul miksub fit-territorju nazzjonali.

     

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ taxxa fuq l-interessi mħallsa fil-fondi ta’ pensjoni, is-sitwazzjoni mill-perspettiva legali hija sostanzjalment simili għal dik tad-dividendi mħallsa fil-fondi ta’ pensjoni: bħalma jiġri fil-każ tad-dividendi, għalhekk, anki l-fondi ta’ pensjoni esteri huma ppenalizzati kemm fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-operat kif ukoll fir-rigward tar-rata tat-taxxa.

     

    Il-Kummissjoni ssostni li tali penalizzazzjoni tar-riżervi ta’ pensjoni jew tal-fondi ta’ pensjoni ma humiex kompatibbli mal-libertà ta’ moviment tal-kapital. Tali trattament differenti fl-ebda każ ma huwa oġġettivament iġġustifikat.

     

    L-Artikolu 63 TFUE jipprekludi d-dispożizzjonijiet kollha li jżommu fir-rigward tal-movimenti ta’ kapital transkonfinali trattament inqas favorevoli minn dak previst għall-movimenti ta’ kapital purament nazzjonali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 65(1)(a) TFUE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li kwalunkwe leġiżlazzjoni fil-qasam fiskali, li tagħmel distinzjoni bejn il-kontributuri fuq il-bażi tal-post ta’ residenza jew ta’ dak ta’ fejn il-kapital tagħhom ikun investit, hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat. Din għandha restrizzjoni taħt l-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprovdi li skont l-Artikolu 63(1) il-miżuri nazzjonali ma jistgħux jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu tal-kapital u tal-ħlasijiet kif iddefinit fl-Artikolu 63. Tali divrenzjar huwa kompatibbli mad-dritt tal-UE kemm-il darba dan ikun applikabbli għal sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew ikun iġġustifikat minn raġunijiet mandatorji ta’ interess pubbliku. Tali ġustifikazzjoni tkun applikabbli biss jekk il-leġiżlazzjoni ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-iskop minnha mfittex.

     

    Fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-operat, il-Kummissjoni tirrimarka li l-Istati Membri għandhom josservaw il-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni stipulati fit-Trattat anki fir-rigward tat-taxxa f’ras il-għajn. F’dan ir-rigward, l-Istat fejn ikun sar id-dħul ma jkunx jista’ jinvoka dispożizzjonijiet unilaterali fi Stat Membru ieħor sabiex jaħrab mill-obbligi tiegħu. Il-Ġermanja ma rreferietx għal ftehim mal-Istati Membri l-oħra li jipprevedu li jkunu huma stess li jagħmlu t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-operat minflok il-Ġermanja. Anki li kieku stess kien hemm tali ftehim, dan ħafna drabi ma jġibx l-effett mixtieq, li, pereżempju, fil-każ fejn id-dħul inkwistjoni ikun eżenti minn taxxa fl-Istat l-ieħor jew is-suġġett tat-taxxa passiv, fl-aħħar mill-aħħar, ma jagħmel ebda dħul. Barra minn hekk, fil-każ tal-metodu tal-imputazzjoni, it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-operazzjoni fl-Istat ta’ residenza ma jistax jissostitwixxi dak tal-Istat fejn id-dħul ikun sar. F’dan il-każ, fil-fatt, l-Istati kollha, bħala prinċipju, jissuġġettaw għat-taxxa l-istess dħul. Għaldaqstant, impożizzjoni ta’ taxxa, li ma tiħux inkunsiderazzjoni d-dħul gross u lanqas dak nett, tirrikjedi li l-Istati kollha japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħhom dwar it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-operat. Għalhekk, it-tnaqqis li jsir mill-Istat li fih ikun sar id-dħul ma joħloqx duplikazzjoni iżda, għall-kuntrarju, jiżgura biss li jkun hemm trattament ugwali għal dak tas-sitwazzjonijiet purament nazzjonali.


    Top