EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0041

Kawża C-41/10: Rikors ippreżentat fil- 25 ta’ Jannar 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

ĠU C 80, 27.3.2010, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/19


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-41/10)

2010/C 80/34

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Rozet u N. Yerrell, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

Talbiet

tikkonstata li, billi ttraspona b’mod inkorrett u inkomplet, id-Direttivi 73/239/KEE (1) u 92/49/KEE (2), ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, b’mod partikolari, taħt l-Artikoli 6, 8, 15, 16 u 17 tal-Ewwel Direttiva 73/239/KEE u l-Artikoli 20, 21 u 22 tat-Tielet Direttiva 92/49/KEE;

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni ssostni li peress li n-negozji tal-assoċjazzjonijiet reċiproki Belġjani fil-qasam tal-assigurazzjoni tas-saħħa supplimentari ma jagħmlux parti mis-sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali, mhumiex konfromi mal-Ewwel u t-Tielet Direttiva tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja. Fil-fatt, sa fejn l-assoċjazzjonijiet reċiproki huma f’kompetizzjoni diretta mal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni, fis-suq tal-assigurazzjoni tas-saħħa supplimentari, huma għandhom ikunu suġġetti għall-istess sistema legali bħal dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-konvenut li s-servizzi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa supplimentari offruti mill-assoċjazzjonijiet reċiproki jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(d) tal-Ewwel Direttiva u ssostni li dak li tkopri l-assigurazzjoni supplimentari ma jistax jiġi pparagunat mal-“assigurazzjoni li tifforma parti minn sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali”.

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tirrileva li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 6 tal-Ewwel Direttiva titlob li l-bidu tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta jkun suġġett għal awtorizzazzjoni uffiċjali minn qabel mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fit-territorju fejn l-impriża stabbilixxiet l-uffiċċju prinċipali tagħha. Issa, l-assoċjazzjonijiet reċiproċi Belġjani mhumiex awtorizzati, skont l-imsemmija dispożizzjoni, fir-rigward tal-attivitajiet ta’ assigurazzjoni tas-saħħa supplementari.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti takkusa lill-konvenut bi ksur tal-Artikolu 8(1)(a) tal-Ewwel Direttiva peress li l-assoċjazzjonijiet reċiproki mhumiex fost il-forom ġuridiċi legali meħtieġa għall-kumpanniji ta’ assigurazzjoni fil-Belġju. Barra minn hekk, l-assoċjazzjonijiet reċiproki huma awtorizzati sabiex iwettqu numru kbir ta’ attivitajiet li mhumiex direttament relatati man-negozju ta’ assigurazzjoni tagħhom, filwaqt li l-Artikolu 8(1)(b) jipprovdi li l-impriża għandha tillimita l-attivitajiet tan-negozju tagħha għan-negozju tal-assigurazzjoni u operazzjonijiet direttament ikkawżati minnhom bl-esklużjoni tan-negozji kummerċjali l-oħrajn kollha. Il-leġiżlazzjoni Belġjana tqajjem ukoll problema fir-rigward tal-Artikolu 8(1)(ċ) sa fejn huwa jipprovdi li l-impriża għandha tissottometti skema ta’ operazzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-direttiva. Issa, ebda programm ta’ dan it-tip ma ġie ppreżentat mill-assoċjazzjonijet reċiproki fir-rigward tal-attivitajiet ta’ assigurazzjoni tas-saħħa supplimentari tagħhom. Fl-aħħar nett, l-assoċjazzjoni reċiproki Belġjani ma għandhomx l-obbligu li jippossjedu l-fond minimu ta’ garanzija, għall-kuntrarju tar-rekwiżit tal-Artikolu 8(1)(d) tal-Ewwel Direttiva.

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikoli 13 et seq. tal-Ewwel Direttiva (b’mod partikolari l-Artikoli 16, 16a u 17) kif ukoll l-Artikoli 15 u 20 sa 22 tat-Tielet Direttiva, l-assoċjazzjonijiet reċiproċi għandhom jikkostitwixxu biżżejjed riżervi tekniċi fir-rigward tan-negozji ta’ assigurazzjoni tas-saħħa supplimentari tagħhom, kif ukoll biżżejjed marġni ta’ likwidità relatat man-negozji tagħhom kollha. Issa, fil-Belġju, il-marġni ta’ likwidità għall-assigurazzjonijiet supplementari pprovduti mill-assoċjazzjonijiet reċiproki ġew stabbiliti biss fl-2002 u l-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-marġni huwa differenti minn dak previst mill-Ewwel Direttiva.


(1)  L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 14).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 346).


Top