Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0241

Kawża T-241/09: Rikors ippreżentat fis- 16 ta’ Ġunju 2009 — Kalliópi Nikoláou vs Il-Qorti tal-Awdituri

ĠU C 205, 29.8.2009, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/41


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2009 — Kalliópi Nikoláou vs Il-Qorti tal-Awdituri

(Kawża T-241/09)

2009/C 205/76

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrent: Kalliópi Nikoláou (Ateni) (rappreżentant: V. Christianós)

Konvenut: Il-Qorti tal-Awdituri

Talbiet tar-rikorrent

tikkundanna lill-Qorti tal-Awdituri tikkumpensa d-dannu morali subit minn K. Nikoláou permezz tas-segwenti miżuri:

il-ħruġ ta’ komunikazzjoni formali, flimkien ma’ K. Nikoláou fir-rigward tal-kontenut tagħha — li għandha tintbagħt ukoll lil din tal-aħħar — indirizzata lill-awtoritajiet Komunitarji kollha, u b’mod partikolari, lill-Parlament Europew, lill-Kummissjoni Europea, u lill-bqija tal-istituzzjonijiet u korpi Kommunitarji, fir-rigward tal-iskolpar ta’ K. Nikoláou mill-akkużi mressqa kontriha.

il-pubblikazzjoni uffiċjali fl-istess ġurnali Lussemburgiżi, Ġermaniżi, Griegi, Franċiżi, Spanjoli u Belġjani li ppubblikaw artikoli sfavorevoli fir-rigward ta’ K. Nikoláou, li kienu jiċċittaw lill-Qorti tal-Awdituri bħala sors, kif ukoll fil-“European Voice”, fir-rigward tal-iskolpar tar-rikorrenti mill-akkużi mressqa kontriha

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Awdituri ma ssewwix l-immaġni pubblika ta’ K. Nikoláou permezz tal-mezzi indikati iktar ’il fuq, tikkundanna lill-Qorti tal-Awdituri tħallas lil K. Nikoláou, bħala kumpens għad-dannu morali, is-somma ta’ mitt elf Euro (EUR 100 000), flimkien mal-interessi li jibdew jiddekorru minn meta din irċeviet ir-“Request for compensation” tal-14 ta’ April 2009 sal-ħlas ta’ din is-somma, li K. Nikoláou timpenja ruħa li tuża sabiex twettaq il-pubblikazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet indikati iktar ’il fuq.

tikkundanna lill-Qorti tal-Awdituri tħallas lill-K. Nikoláou, bħala kumpens għad-dannu morali subit minnha minħabba l-proċeduri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi, is-somma ta’ erbgħin elf Euro (EUR 40 000), flimkien mal-interessi li jibdew jiddekorru minn meta irċeviet ir-“Request for compensation” tal-14 ta’ April 2009 sal-ħlas ta’ din is-somma.

tikkundanna lill-Qorti tal-Awdituri tħallas lil K. Nikoláou, bħala kumpens għad-dannu materjali sostnut minnha minħabba l-proċeduri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi, u b’mod partikolari quddiem il-“Juge d’instruction” u t-“Tribunal d’arrondissement de Luxembourg”, is-somma ta’ seba’ u ħamsin elf seba’ mija u wieħed u sebgħin Euro u erbgħin ċenteżmu (EUR 57 771,40), bħala miżati tal-avukat Maître Hoss għar-rappreżentazzjoni tiegħu quddiem l-entitajiet imsemmija iktar ’il fuq, u s-somma ta’ erbat elef Euro (EUR 4 000) bħala spejjeż ta’ trasport lejn il-Lussemburgu sabiex tidher quddiem l-entitajiet imsemmija iktar ’il fuq, u b’mod partikolari s-somma ta’ elf u ħames mitt Ewro (EUR 1 500) sabiex tidher quddiem il-“Juge d’instruction” u EUR 2 500 sabiex tidher quddiem it-“Tribunal d’arrondissement de Luxembourg”, dawn kollha flimkien mal-interessi li jibdew jiddekorru minn meta l-Qorti tal-Awdituri rċeviet ir-“Request for compensation” tal-14 ta’ April 2009 sal-ħlas ta’ dawn is-sommom.

tikkundanna lill-Qorti tal-Awdituri għall-ispejjeż sostnuti minn K. Nikoláou fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Awdituri, b’mod flagranti, kisret kemm id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jagħtu drittijiet lill-individwi kif ukoll drittijiet fundamentali, li hija għandha l-obbligu li tirrispetta fit-twettiq tal-kompetenzi tagħha.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Awdituri, b’mod flagranti, kisret l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (1) u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri 99/50 u li naqset mill-obbligu ta’ assistenza tagħha, minħabba li hija ppermettiet li terzi jsiru jafu b’akkużi magħmulin fil-konfront ta’ K. Nikoláou qabel ma nfetħet investigazzjoni uffiċjali. Skont ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Awdituri m’għamlet xejn sabiex timpedixxi li dawn l-akkużi jinxterdu u, iktar minn hekk, sussegwentement hija fl-ebda mument ma pproċediet sabiex terġa’ tivverifika dawn l-akkużi u tirtirhom, minkejja li r-rikorrenti batiet dannu morali gravi b’riżultat ta’ dan.

It-tieni nett, meta hija bdiet l-investigazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Awdituri, b’mod flagranti, kisret l-Artikoli 2 u 4 tad-Deċiżjoni 99/50, id-dritt tad-difiża tar-rikorrenti u l-prinċipju ta’ imparzjalità ta’ investigazzjoni, flimkien mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Dan l-aġir kellu l-konsegwenza li jikkawża mhux biss dannu morali lir-rikorrenti iżda wkoll dannu materjali gravi, peress li, abbażi tal-informazzjoni tal-investigazzjoni, r-rikorrenti ġiet irrinvijata quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi u kellha ssostni spejjeż għoljin.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Awdituri, b’mod flagranti, kisret l-obbligu tagħha ta’ assistenza u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba li hija ma bagħtitx l-informazzjoni li hija kellha u li kienet ta’ importanza determinanti sabiex ir-rikorrenti tiġi skolpata mill-akkużi mressqa kontriha lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi. Ir-rikorrenti ssostni, sussegwentement, li din l-informazzjoni kienet tikkonċerna l-kwistjoni tal-leave tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri u, li tali informazzjoni, kieku intbagħtet mill-Qorti tal-Awdituri, kienet tipprekludi li r-rikorrenti tiġi msejħa quddiem il-maġistrati inkwirenti u quddiem il-qorti kriminali Lussemburgiża u din kienet twassal sabiex jiġu rripristinati l-unur u r-reputazzjoni tagħha.

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Awdituri, b’mod flagranti, kisret il-prinċipju ta’ imparzjalità u ta’ amministrazzjoni tajba meta tat deċiżjoni dwar ir-rinviju tal-kawża tar-rikorrenti quddiem il-qorti. Dan l-aġir ikkawża dannu morali saħansitra ikbar lir-rikorrenti.

Il-ħanes nett, skont id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Awdituri, b’mod flagranti, naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ assistenza billi ma adottatx deċiżjoni li tiskolpaha uffiċjalment u billi naqset milli tirripristina l-unur tagħha wara li din ġiet skolpata. Dan in-nuqqas kellu bħala konsegwenza li baqgħu dubji dwar l-innoċenza ta’ K. Nikoláou u kkawżala dannu morali addizzjonali.


(1)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data


Top