Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0216

    Kawża T-216/09: Rikors ippreżentat fis- 27 ta’ Mejju 2009 — Astrim u Elyo Italia vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 167, 18.7.2009, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 167/23


    Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2009 — Astrim u Elyo Italia vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-216/09)

    2009/C 167/45

    Lingwa tal-kawża: It-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Astrim SpA (Roma, l-Italja), Elyo Italia (Sesto San Giovanni, l-Italja) (rappreżentant: M. Brugnoletti, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    Prinċipalment: tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra mhux kompleta l-offerta magħmula mill-grupp tar-rikorrenti bħala risposta għas-sejħa għal offerti (1) għall-għoti tas-servizz ta’ manutenzjoni taċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka Nru 2008 — C04 005, ikkomunikata b’ittra tas-27 ta’ Marzu 2009 u kkompletata b’komunikazzjoni tat-3 ta’ April 2009, kif ukoll id-deċiżjonijiet kollha suċċessivi u relatati, inkluż dik li tilqa’ l-offerta ta’ impriża oħra.

    Sussidjarjament: tannulla l-punt 17 tas-sejħa għal offerti Nru 2008 — C04 005, fil-parti fejn kien stabbilit kriterju ġeneriku ta’ esklużjoni mis-sejħa għal offerti.

    tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż legali.

    Motivi u argumenti prinċipali

    F’din il-kawża r-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-offerta tagħhom magħmula bħala risposta għas-sejħa għal offerti għall-għoti tas-servizz ta’ manutenzjoni taċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka Nru 2008 — C04 005 u tagħtu lil impriża oħra.

    Ir-rikorrenti jibbażaw it-talbiet tagħhom fuq tlett motivi:

    Bl-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-punt 17 tas-sejħa għal offerti, l-Artikoli 92 u 89 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 (2), kif ukoll il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali, minħabba li ddeċidiet li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti billi kkunsidrat b’mod żbaljat li din kienet mhux kompluta minħabba li kellha partijiet neqsin, filwaqt li l-grupp tar-rikorrenti ried intenzjonalment joffri prezz ekwivalenti għal żero.

    Bit-tieni motiv, ir-rikorrenti jinvokaw nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni taċ-ċaħda minħabba li l-Artikolu 17 tas-sejħa għal offerti ma jipprevediex iċ-ċaħda awtomatika fil-każ fejn tkun tħalliet barra parti mill-offerta ekonomika, imma jikkunsidra ċ-ċaħda bħala sempliċi eventwalità, filwaqt li jħalli lill-Kummissjoni d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk teskludiex jew le lir-rikorrenti, deċiżjoni li minħabba li hija diskrezzjonali, għandha tkun ibbażata fuq motivazzjoni adegwata; li hija nieqsa mid-deċiżjoni taċ-ċaħda adottata mill-Kummissjoni.

    Bit-tielet motiv u biss fil-każ fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tilqax iż-żewġ motivi l-oħrajn, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-punt 17 tas-sejħa għal offerti peress li jikser l-Artikoli 92 u 89 tar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002, iċċitat qabel, minħabba li l-imsemmi punt 17 jinkludi kriterju ġeneriku ta’ esklużjoni.


    (1)  ĠU 2008/S 2008-274999 tal-25 ta’ Ottubru 2008.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej


    Top