Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0210

    Kawża T-210/09: Rikors ippreżentat fis- 26 ta’ Mejju 2009 — Formenti Seleco vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 167, 18.7.2009, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 167/22


    Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Mejju 2009 — Formenti Seleco vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-210/09)

    2009/C 167/44

    Lingwa tal-kawża: It-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Formenti Seleco SpA (Pordenone, l-Italja) (rappreżentanti: A. Malatesta, avvocato, G. Terracciano, avvocato, S. Malatesta, avvocato)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    tilqa’ r-rikors.

    tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħlas ta’ kumpens li jammonta għas-somma komplessiva ta’ EUR 156 208 915,03 favur Formenti Seleco s.p.a., li qed tiġi llikwidata taħt amministrazzjoni straordinarja, kif ukoll l-interessi bir-rata stabbilita skont il-liġi, liema interessi jiddekorru mid-data tad-dikjarazzjoni tal-istat ta’ insolvenza jew inkella bil-mod differenti kif il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiddeċiedi.

    tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż u għall-ispejjeż legali tal-kawża preżenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti, waħda mill-produtturi prinċipali Taljani tat-televixins tal-kulur, ġiet iddikjarata insolventi u ġiet suġġettata għal proċeduri ta’ amministrazzjoni straordinarja wara importazzjoni kbira fis-suq Ewropew ta’ televixins tal-kulur prodotti minn kumpanniji Torok u li kienu jinbiegħu bi prezzijiet li jikkostitwixxu dumping.

    Din is-sitwazzjoni allegatament ġiet ikkawżata direttament fit-territorju Komunitarju mill-ksur min-naħa tar-Repubblika tat-Turkija tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-KE tal-1963 u tar-regoli sussegwenti kumplimentari, inkwantu l-Gvern Tork ipprovda għal regoli li jinjoraw l-obbligi imposti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Komunità, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-istabbiliment tal-oriġini Torka tat-televixins tal-kulur importati fil-Komunità, u l-Kummissjoni kienet ilha taf b’dan l-injorar għall-inqas sa mill-1993.

    B’mod partikolari Formenti Seleco s.p.a. tikkunsidra lill-Kummissjoni responsabbli għall-motivi segwenti, li huma ideonei biex jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha u l-obbligu konsegwenti ta’ kumpens għad-danni:

    1)

    ksur tal-obbligi imposti fir-rigward tagħha mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll addizjonali relattiv, sa fejn, kemm fil-perijodu tranżitorju tat-twettiq tal-unjoni doganali tal-Komunità mar-Repubblika Turka, jiġifieri sa mill-1994, kif ukoll, a fortiori, fil-fażi ta’ unjoni doganali kompluta, għalkemm kienet taf bin-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehimiet min-naħa tar-Repubblika tat-Turkija naqset milli tivverifika l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali rilevanti.

    2)

    ksur tal-Artikolu 211 tat-Trattat KE u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba peress li billi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll addizzjonali huma parti mid-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni hija obbligata tagħmel verifiki anki fuq dispożizzjonijiet ta’ dawn u tiggarantixxi amministrazzjoni tajba.

    3)

    il-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, billi, bl-aġir imsemmi iktar ’il fuq, kisret l-aspettattivi tal-operatur kummerċjali Komunitarju singolu, u b’mod partikolari tar-rikorrenti, fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tal-unjoni doganali mat-Turkija, aspettattivi li kellhom ikunu ggarantiti permezz tal-kontrolli u l-verifika li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel.

    4)

    il-ksur u/jew l-applikazzjoni żbaljata tar-regoli antidumping inkwantu l-Kumissjoni, għalkemm kienet taf sa mill-1993 dwar l-irregolaritajiet gravi mwettqa mill-esportaturi Torok, ma adottatx miżuri ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ dawn, u aġixxiet mingħajr ma użat id-diliġenza u l-prudenza normalment meħtieġa minn amministrazzjoni.


    Top