Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0219

    Kawża C-219/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano (L-Italja) fis- 16 ta’ Ġunju 2009 — Vitra Patente AG vs High Tech Srl

    ĠU C 205, 29.8.2009, p. 23–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.8.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 205/23


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano (L-Italja) fis-16 ta’ Ġunju 2009 — Vitra Patente AG vs High Tech Srl

    (Kawża C-219/09)

    2009/C 205/40

    Lingwa tal-kawża: It-Taljan

    Qorti tar-rinviju

    Tribunale di Milano

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Vitra Patente AG

    Konvenuta: High Tech Srl

    Domandi preliminari

    1)

    Għandhom l-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva Nru 98/71/KE (1) jiġu interpretati fis-sens li — fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li tadatta l-ordinament intern għall-imsemmija direttiva — il-fakultà mogħtija lil tali Stat Membru sabiex jiddetermina b’mod awtonomu l-estent tal-protezzjoni u l-kundizzjonijiet li għalihom din hija suġġetta tista’ tinkludi wkoll l-esklużjoni tal-protezzjoni stess għal disinni u mudelli li — anke jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-dritt tal-awtur — kellhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ adattament, inkwantu dawn ma kienu qatt ġew irreġistrati bħala disinni jew mudelli jew inkwantu r-reġistrazzjoni relattiva kienet diġà skadiet fit-tali data?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, għandhom l-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva Nru 98/71/KE jiġu interpretati fis-sens li l-fakultà mogħtija lill-Istat Membru sabiex jiddetermina b’mod awtonomu l-estent tal-protezzjoni u l-kundizzjonijiet li għalihom din hija suġġetta tista’ tinkludi l-esklużjoni tal-protezzjoni stess fil-każ li persuna terza — mhux awtorizzata mill-proprjetarju tad-dritt tal-awtur fuq disinni u mudelli — tkun diġà pproduċiet u kkumerċjalizzat fl-Istat Membru prodotti magħmula b’konformità ma’ tali disinni u mudelli fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ adattament?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda, għandhom l-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva Nru 98/71/KE jiġu interpretati fis-sens li l-fakultà mogħtija lill-Istat Membru sabiex jiddetermina b’mod awtonomu l-estent tal-protezzjoni u l-kundizzjonijiet li għalihom din hija suġġetta tista’ tinkludi l-esklużjoni tal-protezzjoni stess fil-każ li persuna terza — mhux awtorizzata mill-proprjetarju tad-dritt tal-awtur fuq disinni u mudelli — tkun diġà pproduċiet u kkumerċjalizzat fl-Istat Membru prodotti magħmula b’konformità ma’ tali disinni u mudelli, fejn tali esklużjoni tkun stabbilita għal perijodu sostanzjali (ekwivalenti għal għaxar snin)?


    (1)  ĠU L 289, p. 28


    Top